Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

38 SENA TA’ ĦELSIEN

Kitba ta’ Christian Cauchi, Membru FŻL

“Din is-sena hi sena speċjali għaż-żgħażagħ soċjalisti u għall-Maltin kollha!” – Dom Mintoff 1979.

Jum wieħed fl-istorja ta’ Malta; jum li jqanqal ċertu emozzjonijiet. Jum il-Ħelsien mhux sempliċiment jum bħall-oħrajn, iżda jissimbolizza l-ħelsien li ngħixu fil-ħajja ta’ kuljum. Mingħajr din il-ġurnata fl-istorja ta’ pajjiżna, diversi deċiżjonijiet meħuda u miżuri mnieda mill-Gvern ma setgħux iseħħu.

Ħadd ma jista’ jfisser l-entużjażmu kbir li ħakem lill-Maltin meta għall-aħħar darba niżlet il-bandiera Ingliża u telgħet flokha l-bandiera Maltija.

Dan il-Ħelsien ma jfissirx biss it-tluq tal-Ingliżi minn xtutna. 38 sena wara, dan il-Ħelsien għandu sinifikat akbar minn hekk. Il-ħelsien hu mibni tarġa fuq oħra, dritt mibni fuq ieħor. Tul dawn is-snin Malta ħielsa fissret ħafna għal pajjiżna, minn dritt li tista’ tittella’ l-bandiera Maltija minflok dik Ingliża, sad-dritt tal-vot għan-nisa u l-irġiel kollha u saħansitra għad-dritt tal-Unjoni Ċivili.

It-tluq tal-Ingliżi minn Malta kien ukoll ifisser it-tmiem tal-assistenza finanzjarja mill-Ingilterra. Minn dakinhar, Malta kellha tiddependi biss minnha nnifisha għall-għajxien. Għaldaqstant, l-ekonomija bdiet tibbaża ruħha fuq l-industrija.

L-istorja tal-Ħelsien għadha qed tinkiteb sal-lum il-ġurnata. Wara li telqu l-Ingliżi, dan il-pajjiż mhux talli ma marx lura, talli bis-saħħa ta’ tmexxija għaqlija, qed jara tkabbir ekonomiku liema bħalu.

Taħt Gvern Laburista r-rata tal-qgħad hi fost l-inqas fl-Ewropa, defiċit li sparixxa u Prodott Domestiku Gross li qiegħed jikber b’5%. Ma nistgħux ma nsemmux ukoll ir-roħs fil-kontijiet tal-enerġija, iż-żieda fil-penzjonijiet u anke t-tnaqqis fit-taxxa.

Permezz tal-Ħelsien nistgħu ngħidu iktar minn qatt qabel li aħna Maltin u li m’aħna maħkumin minn ħadd. Din is-sena Malta għandha l-unur tal-Presidenza tal-UE fejn qiegħda fil-qalba tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea, billi tikkordina x-xogħol tal-Kunsill tal-Ministri u kif ukoll tmexxi ’l quddiem il-proċess leġiżlattiv li jkollu effett fuq il-futur ta’ iktar minn 500 miljun ċittadin tal-UE.

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat nieda diversi prijoritajiet waqt din il-Presidenza, fosthom il-migrazzjoni, is-sigurtà u l-inklużjoni soċjali. Prijoritajiet li jkomplu jassiguraw il-ħelsien tagħna bħala poplu.

Waħda mill-prijoritajiet l-iktar importanti hi s-sigurtà. B’riżultat tal-attakki terroristiċi orribbli li seħħew f’dawn l-aħħar 12-il xahar, Malta, bħala Unjoni, triq toqgħod attenta ħafna sabiex f’unjoni waħda tiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha. Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju internazzjonali li kulma jmur qed isir iktar instabbli, il-Presidenza Maltija se tagħti l-kontribut tagħha għal progress konkret dwar proposti li jindirizzaw sfidi reġjonali u globali, waqt li żżomm b’saħħithom il-valuri li fuqhom imsejsa l-eżistenza tal-Unjoni nnifisha.

Prijorità oħra hi l-inkluzjoni soċjali. Il-politika soċjali hija xi ħaġa għal qalb il-Gvern Laburista. Dan huwa qasam fejn nittamaw li l-esperjenzi tagħna jistgħu jservu ta’ influwenza tajba fuq sħabna Ewropej. Il-ħidma hawnhekk se tkun iggwidata b’konsultazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali, mas-soċjetà ċivili u maċ-ċittadini sabiex l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli jkunu jistgħu javvanzaw ’il quddiem aktar minn kemm diġà avvanzaw.

Dan il-Gvern irnexxielu jikseb riżultati kbar fil-qasam tal-ugwaljanza. Waħda mill-ikbar riżultati li kiseb fl-aħħar snin kien id-dritt tal-Unjoni Ċivili. Aktar ma jgħaddi żmien, aktar qegħdin nimxu lejn soċjetà iżjed inklussiva u ugwali biex b’hekk persuna tħossha ħielsa biex tesprimi is-sesswalità tagħha mingħajr ebda biża’ ta’ umiljazzjoni.

Dan l-aħħar irnexxielna bħala pajjiż niksbu dritt ieħor f’dan il-qasam, fejn bniedem LGBTIQ fuq il-karta ta’ l-identità tiegħu jista jimmarka is-sess tiegħu bl-ittra ‘X’, sabiex b’hekk ma jidentifikax ruħu ma’ sess partikolari. Jidher biċ-ċar li Gvern Laburista għamel avvanzi kbar f’dan il-qasam, tant hu hekk li l-Viċi President tal-Parlament Ewropew, Ulrike Lunacek, qalet li fid-drittijiet ċivili Malta hija mudell għall-pajjiżi l-oħra.

Fid-dawl ta’ dan kollu, kif pajjiż daqs naqra b’popolazzjoni ta’ ftit ’il fuq minn 400,000 u bla dubju l-iżgħar Stat fl-Unjoni Ewropeja, irnexxielu jikseb daqstant unuri, speċjalment fl-aħħar erba’ snin?

Christian Cauchi

Christian Cauchi

02 Apr, 17

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "38 SENA TA’ ĦELSIEN"