Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

60 SENA ILU U LLUM

Kitba ta’ Maria Ellul, Membru FŻL

Fi żmien ta’ konfużjoni fl-Unjoni Ewropa, wieħed iħossu sikur li jkun jaf li l-vuċi tiegħu hija mismugħa. Fil-ġimgħa li għaddiet, għadd ta’ żgħażagħ minn pajjiżi differenti fl-Ewropa ngħaqdu flimkien sabiex jiddiskutu trattat ġdid taż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea. Dan sar b’kommemorazzjoni tas-sittin sena mit-Trattat ta’ Ruma u ħamsa u għoxrin sena minn dak ta’ Maastricht. It-Trattat ta’ Ruma sar bil-għan li jkun hemm iktar integrazzjoni permezz ta’ negozzjar favur espansjoni ekonomika filwaqt li t-Trattat ta’ Maastricht witta t-triq għall-integrazzjoni politika fejn fost l-oħrajn ġew introdotti kunċetti ġodda bħal dik taċ-ċittadinanza Ewropea u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Fi kliem il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni Markku Markkula, ir-reġjuni u l-ibliet qed jiddependu fuq iż-żgħażagħ sabiex tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja fl-Unjoni Ewropea. Dan kollu kien parti minn konferenza tal-Mudell tal-Parlament Ewropew, fejn numru ta’ żgħażagħ iddiskutew diversi suġġetti f’kumitati varji daqslikieku huma membri tal-Parlament Ewropew. Għal din il-konferenza, Malta kienet irrappreżentata permezz tal-Agenzija Żgħażagħ minn ħames studenti universitarji – tlieta bħala delegati u tnejn bħala Presidenti tal-Kumitati.

Dan it-trattat li ġie diskuss matul il-konferenza, juri l-viżjoni taż-żgħażagħ għall-Unjoni Ewropea għall-ħamsa u għoxrin sena li ġejjin. Wara diversi konsultazzjonijiet, ġew deċiżi numru ta’ prijoritajiet li l-Unjoni Ewropea għandha taħdem fuqhom.

Dawn jinkludu it-tisħin tal-klima, id-drittijiet umani, l-edukazzjoni, il-kriżi u l-kunflitti fil-Lvant Nofsani, kif ukoll it-tkabbir ekonomiku. Permezz ta’ dan, twassal il-messaġġ ta’ x’jaħsbu ż-żgħażagħ fuq l-Unjoni kif ukoll liema direzzjoni jixtiequha tieħu.

Wara li r-rapport għadda għand il-Kumitat tar-Reġjuni, fejn kien approvat, imiss issa li jmur għand il-Kumissjoni Ewropea kif ukoll għand il-mexxejja Ewropej fis-Summit ta’ Ruma meta huwa mistenni li l-mexxejja, huma wkoll, iniedu d-dikjarazzjoni tagħhom dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea.

Din il-konferenza tat spazju liż-żgħażagħ jesprimu l-ħsibijiet tagħhom fuq diversi suġġetti li huma ta’ importanza kbira fis-soċjetà tal-lum. Hija opportunità tad-deheb li wieħed ikun jista’ jiddibatti b’kumdità ma’ nies differenti li ġew esposti għal kulturi differenti. L-Ewropa hija l-futur taż-żgħażagħ – iż-żgħażagħ huma l-Ewropa. Għaldaqstant, huwa importanti li wieħed isemma’ leħnu u jipprova jtejjeb is-sitwazzjoni li jkun qed jgħix fiha.

Maria Ellul

Maria Ellul

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

19 Feb, 17

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "60 SENA ILU U LLUM"