Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Aġenda Progressiva – bil-Fatti

Kitba ta’ Naomi Cachia – Uffiċjal Politiku Forum Żgħażagħ Laburisti

 

 

Nixtieq nibda billi ngħid li qed nikteb dan l-artiklu ftit siegħat qabel it-tmiem tal-kampanja #MaltaOttimista; kampanja li matulha rajna u smajna ħafna dwar il-ħtieġa li f’dawn l-elezzjonijiet nerġgħu nagħtu il-fiduċja tagħna lill-Partit Laburista fit-tmexxija tal-Kunsilli Lokali. Bħala uffiċjal fi ħdan il-Forum Żgħażagħ Laburisti, kien żmien impenjattiv ferm fejn permezz tal-kampanja START komplejna insaħħu l-element żagħżugħ ta’ dan il-Moviment.

 

Lil’hinn minn dan kollu, f’pajjiżna kienu qed iseħħu tibdiliet storiċi; tibdiliet li poġġew lil Malta mal-aqwa – mhux fl-Ewropa biss – iżda madwar id-dinja kollha. Permezz tal-introduzzjoni tal-liġi tal-Identità tal-Ġeneru, Malta issa tista tiftaħar bl-iktar leġislazzjoni progressiva f’dan ir-rigward u minkejja ċ-ċokon tagħha, saret mudell għall-bqija tad-dinja.

 

L-importanza ta’ din il-liġi, li ġiet meqjusa mill-midja internazzjonali bħala revoluzzjonarja, ma nistax nesprimiha biżżejjed fi kliem, iżda jafuha sew l-individwi li għalihom ser tapplika, li jaffaċċjaw diffikultaijiet kbar.  Fost l-oħrajn, il-liġi tiffaċilita t-tibdil tal-ġeneru fuq dokumenti legali u tipproħibixxi interventi kirurġiċi non-vitali fuq trabi intersex sakemm l-individwu jkun jistà jagħti l-kunsens tiegħu għal dawn il-proċeduri li jiddeterminaw il-bqija ta’ ħajtu. Għalkemm ħafna drabi l-leġislazzjoni issir abbażi tan-neċessitajiet soċjali, żviluppi legali bħal ma hi l-liġi tal-Identità tal-Ġeneru jħejju t-triq għat-tibdil fil-mentalità tas-soċjetà in ġenerali; korrelazzjoni li eventwalment tkisser ċerta prattiċi u sterjotipi li jweġġgħu lill-individwi li ma jappartjenux mal-mudell binarju tal-ġeneru.

 

Il-Gvern Laburista mill-bidu nett, u mingħajr l-ebda eżitazzjoni poġġa l-ugwaljanza tal-komunità LGBTIQ fuq nett tal-prijoritajiet tiegħu – u dan mhux biss bil-kliem, iżda bil-fatti. L-introduzzjoni tal-Unjoni Ċivili sena ilu kienet indikattiva tal-aġenda liberali tal-Gvern, li minkejja l-kritika kien lest li jikteb l-istorja u jagħmel differenza sinifikanti fil-ħajja ta’ ħafna. Din il-progressività minnha nnifisha qed tiġġieled id-diskriminazzjoni u ssarraf f’riżultati pożittivi kemm għall-minoranzi kif ukoll għall-pajjiż. Ftit tal-jiem oħra għandha tidħol fis-seħħ ukoll il-liġi dwar id-droga; rifoma oħra li missha ilha li saret għaliex hija evidenti li s-sistema punittiva preżenti mhux talli falliet, iżda kienet kontroproduttiva.

 

Bħala żagħżugħa li tajt l-ewwel vot tiegħi sentejn ilu lill-Partit Laburista bit-tama li pajjiżna jimxi l’quddiem speċjalment fir-rigward ta’ drittijiet ċivili u drittijiet tal-minoranzi, illum nista’ ngħid li għamilna passi ta’ ġgant u sirna mal-aqwa fl-Ewropa.

 

Il-passività fejn jidħlu kwistjonijiet soċjali hija perikoluża u għalhekk ninsab kuntenta ħafna, bħala bniedma li nħaddan ideali progressivi, bil-momentum li bih il-Gvern qed jagħmel tibdiliet mhux għax kienu imniżżla fuq xi manifest iżda għax verament jemmen f’soċjetà fejn l-ugwaljanza u l-inklussività mhumiex biss buzzwords.

 

Fl-2011 l-introduzzjoni tad-divorzju f’pajjiżna qajjem għagħa sħiħ f’ Malta. Erba’ snin wara, ma seħħew l-ebda apokalissi; hawn għadna u bħala pajjiż għandna biex niftaħru. Dan ma jfissirx li ser nieqfu hawn, iżda li nistgħu inħarsu lejn il-ġejjieni b’sens t’ottimiżmu.

 

 

 

12 Apr, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Aġenda Progressiva – bil-Fatti"