Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Ambizzjużi

Kitba ta’ Naomi Cachia – Kordinatur Politiku FŻL

Destin-Azzjoni. Kienet din il-kelma li l-iktar laqtitni mir-rakkonti li smajna waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħelsien. Dan għax, filwaqt li ċċelebrajna s-37 anniversarju minn dak il-jum tant sinifikanti għall-istorja ta’ pajjiżna, kienet opportunità għalina bħala nazzjon biex niftakru minn fejn ġejna, u nużaw il-memorja ta’ din il-ġrajja bħala l-qafas għal fejn sejrin. 

Nemmen li huwa dan li qed jiddistingwi l-Gvern preżenti minn dak ta’ qablu. Għaliex? Il-fatti jitkellmu waħedhom. Dan il-Gvern sa mill-bidu nett ħadem biex ħadd ma jibqa’ l-art; biex id-dimensjonijiet il-ġodda tal-ħelsien li ksibna tant snin ilu, li llum narawhom fil-forma ta’ riformi soċjali, igawdihom kulħadd. 

Qed ingawduhom bħala soċjetà moderna li kulma jmur qed issir iktar inklussiva; permezz tal-Liġi tal-Unjoni Ċivili, u l-Liġi tal-Identità tal-Ġeneru, u permezz tat-tkattir u l-infurzar ta’ drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà, speċjalment fid-dinja tax-xogħol. Ingawduhom meta bħala soċjetà nipproteġu iktar lill-vittmi ta’ vjolenza domestika. Ingawduhom meta flimkien nagħrfu li biex verament niksbu l-ugwaljanza bejn is-sessi fid-dinja tax-xogħol irridu naraw li l-mara mhux qed tibqa’ d-dar minħabba d-dmirijiet domestiċi li soċjetà insulari kienet tgħabbiha bihom. B’hekk tidħol l-importanza taċ-ċentri għall-ħarsien tat-tfal b’xejn, u t-tibdil fis-sistema tal-ħlas għal-leave tal-maternità.

U dan, filwaqt li qed jinkisbu riżultati pożittivi ekonomiċi wkoll.

Il-ħelsien jinkiseb meta kull individwu jħossu verament ħieles minn dak li jista’ jxekklu milli jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu. 

Għalhekk Destin-Azzjoni, għax il-kisba tal-ħelsien ma waqfitx mal-31 ta’ Marzu 1979, iżda tiġġedded kuljum. 

‘Illum, il-fjamma tal-ħelsien ma jista’ jitfiha ħadd iktar’

Din il-ġimgħa ħadt gost naqra artiklu fuq il-ġurnal The Economist, fejn Malta ssemmiet bħala l-aħjar eżempju ta’ gvern ċentru-xellugi fl-Ewropa li qed jadotta politika u riformi li qed iħallu riżultati pożittivi u tanġibbli, billi jiffoka fuq l-edukazzjoni, ix-xogħol u l-mobbiltà soċjali. Is-suċċessi ta’ pajjiżna taħt it-tmexxija ta’ Dr Joseph Muscat qed jiksbu rikonoxximent internazzjonali; hija biss l-Oppożizzjoni li ma tridx tammetti dan, u għalkemm dan ma jissorprendinix, għadni qed nistenna, tliet snin wara d-disfatta elettorali li sofrew, lill-Partit Nazzjonalista joffri alternattivi realistiċi li jmorru oltre minn kritika distruttiva u protesti partiġġjani. 

Gvern ambizzjuż għandu jkollu destinazzjoni ċara quddiem għajnejh; ambizzjoni li tieħu forma permezz tar-rikonoxximent li, għalkemm is-suċċessi f’dawn it-tliet snin kienu ħafna, ix-xogħol li għad irid isir huwa bil-wisq iktar. Kburija ngħid li l-ambizzjonijiet ta’ dan il-Gvern huma wkoll l-ambizzjonijiet tiegħi bħala tfajla żagħżugħa li qed ingawdi mill-enerġija li biha Gvern Laburista ġab fis-seħħ tant tibdiliet soċjali f’qasir żmien; ambizzjoni biex dejjem tkun aħjar, sabiex ingawdi kemm jien u kemm dawk ta’ madwari. Illum il-ġurnata ninsab kburija iktar minn qatt qabel ngħid li jien Maltija.

Naomi Cachia

Naomi Cachia

03 Apr, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Ambizzjużi"