Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Baġit Soċjalment Ġust u Magna Ekonomika

Kitba ta’ Kearon Bruno – Membru Uffiċjali tal-FŻL
F’Marzu tal-2013, il-poplu Malti ħass li l-għażla ta’ Gvern Laburista kienet se ġġib dik il-bidla tant mistennija għal Malta.  Il-budget ta’ din is-sena, flimkien mal-budgets preċedenti taħt din l-amministrazzjoni huma turija ċara ta’ kemm vera qegħda tinħass din il-bidla, kemm mill-punto di vista ekonomiku u fiskali, kif ukoll minn dak soċjali.  Taħt gvern nazzjonalista konna mdorrijin ghall-ewwel erba’ budgets tal-leġislatura li kienu jnisslu tensjoni fuq il-poplu u dan għaliex dawn kienu jgħaksu lir-residenti Maltin.  Iżda, tajjeb inżidu li fis-sena ta’ qabel l-elezzjoni dan kollu kien jinbidel u f’daqqa waħda il-gvern jerħi idejh biex bħal li kieku jqarraq mill-poplu.  Fl-aħħar tlett budgets rajna l-għaqal u l-kapaċita ta’ Gvern li avolja bħala pajjiż, imdarwin b’mewġa ta’ kriżijiet ekonomiċi u kif ukoll ta’ instabilita u inċertezza, dan il-Gvern irnexxielu jdawwar lil Malta f’magna ekonomika Ewropea.  Minn farka f’nofs il-mediterran spiċċajna l-għejra ta’ bosta pajjiżi oħra Ewropej li qegħdin jinħakmu minn kriżijiet ekonomiċi minħabba nuqqas ta’ pjanar mill-aspett fiskali.
Dan il-budget kien wieħed indirizzat sabiex jgħin lil dawk kollha li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta, kemm mill-aspett ekonomiku u kif ukoll minn dak soċjali.  Miżura partikolari implimentata mil-Gvern Laburista li reġgħet ġiet estiża kienet dik tat-tneħħija tal-boll għal first time buyers.  Din il-miżura hija indirizzata sabiex itaffi ftit mill-ispejjeż li ż-żgħażagħ jaffaċjaw ftit wara li jkunu daħlu fid-dinja tax-xogħol meta jiġu biex jixtru l-ewwel propjeta tagħhom.
Għal kontra ta’ dak li kien jingħad qabel l-elezzjoni minn ċertu esponenti tal-partit nazzjonalista, l-istipendju għal sena oħra se jkun qiegħed jiżdied pro rata sabiex jagħmel tajjeb għaż-żieda fil-ħajja.  Din il-miżura ġiet implimentata fl-ewwel budget ta’ gvern laburista u b’hekk tassigura liż-żgħażagħ li f’termini reali l-flus dovuti lilhom tul is-snin li jqattgħu jistudjaw ma’ jkunx qiegħed jonqsilhom meta kumparat mal-għoli tal-ħajja.   Dan jkompli jtejjeb il-viżjoni ta’ Gvern li għandu għal qalbu ż-żgħażagħ u b’hekk jinvesti fil-futur tagħhom.  Inkomplu mal-qasam edukattiv universitarju iżda ngħaddu għal ħutna l-għawdxin.  Iż-żieda ta’ €300, hija turija ċara ta’ kemm vera dan il-gvern jifhem l-ostakli finanzjarji fostom transport u akkomodazzjoni li studenti Għawdxin iħabtu wiċċhom magħhom meta jsegwu korsijiet fl-Universita ta’ Malta.  Din iż-żieda b’hekk ittaffi mill-ispejjeż u tkompli tkun ta’ incentiv sabiex aktar żgħażagħ Għawdxin li għal raġunijiet finanzjarji jitwarbu mis-sistema edukattiva bl-għajnuna tal-gvern ikunu jistgħu ikomplu fl-istudji tagħhom.
Il-famuża Smart City reġgħet bdiet tissemma dan l-aħħar, iżda ovvjament għal raġunijiet pożittivi.  Dan il-Gvern se jkompli jinvesti f’dan il-qasam bl-allokazzjoni ta’ €56m li se jmorru għal-bini tal-Institute of Tourism Studies ġdid li minnu se jibbenefikaw ħafna żgħażagħ u nkomplu ninvestu fis-settur turistiku, settur li jrendi ħafna għall-ekonomija Maltija.  Oltre minn dan l-investiment, l-istudenti tal-ITS se jkunu qegħdin jibbenefikaw ukoll minn grant ta’€233.
Dan il-Gvern qiegħed jara l-istampa reali li ilha evidenti għal snin twal rigward l-early school leavers u l-problemi finanzjarji u soċjali li dawn jaffaċjaw tul ħajjithom u b’hekk implimenta l-ftuħ ta’ skola ġdida għal studenti ta’ 16 il-sena li jkunu għaddew minn eżami wieħed tas-SEC u ser jingħatalhom stipendju, biex b’hekk jingħataw ċans ieħor sabiex ikunu jistgħu ikomplu jistudjaw u eventwalment jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dan huwa pass importanti sabiex kemm jista’ jkun iż-żgħażagħ tagħna ikollhom opportunitajiet indaqs. Dan apparti l-estenzjoni fuq il-Garanzija għaż-żgħażagħ li, altru minn garanzija tal-washing machines, qed tħalli impatt sinifikanti fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ niżel minn 14 fil-mija għal 8.7 fil-mija.
Inċentivi oħra fostom it-tnaqqis tat-taxxa fuq attivitajiet sportivi jkomplu jħeġġu aktar nies sabiex ikomplu jipprattikaw il-passatemp tagħhom u b’hekk ninkoraġixxu mod ta’ għexjien tajjeb u b’hekk niġġieldu l-problema tal-obeżita.
Il-problema tat-trasport hija waħda li l-maġġoranza tal-individwi jħabtu wiċċhom magħha ta’ kuljum.  Dan il-gvern għaddej bi studji u taħdidiet u kif ukoll implementa miżuri sabiex jinċentiva mezzi alternattivi oħra ta’ transport.  Dawn jinkludu t-traħħis fil-liċenzja ta’ muturi b’magna żgħira, l-użu tar-rota u kif ukoll mezzi oħra ta’ vjaġġar fostom bil-baħar.
Mill-perspettiva fiskali, tajjeb ngħidu li avolja Malta hija waħda mill-aktar pajjiżi fl-Unjoni Ewropeja li qegħda tirreġistra tkabbir ekonomiku, dan il-Gvern, bl-għaqal u l-viżjoni tiegħu, fl-istess ħin xorta qiegħed jindirizzja l-problema tad-dejn u d-defiċit eċċessiv li writna mill-amministrazzjoni precedent.  Filfatt, f’Ġunju ta’ din is-sena, Malta ħarġet mill-proċedura tad-defiċit eċċessiv u b’hekk dan ir-riżultat jgħin kemm biex tissaħħah il-kredibilita’ mal-Unjoni Ewropeja u l-kumplament tal-kredituri Internazzjonali u anke biex intejbu l-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-pajjiż.
Dan il-budget, ikompli ma’ dak ta’ qablu, fejn tidħol il-bżulija fost il-ħaddiema u b’hekk il-miżuri se jiġu implimentati b’tali mod li nibnu Malta fejn il-ħaddiema jkunu jistgħu jgawdu l-frott tal-ħidma tagħhom biex b’hekk ikollhom fost l-aqwa livell ta’ għajxien fl-Ewropa.
B’dispjaċir ngħid li sfortunatament għandna oppożizzjoni li ma għandha l-ebda idea ta’ x’inhu hedging u tal-importanza ta’ dan il-metodu għall-kumpaniji inġenerali.  Il-hedging jaħdem fil-forma ta’ insurance u b’hekk l-importanza tiegħu tinħass l-aktar fi żminijiet ta’ kriżi.  Dan il-Gvern b’hekk iffissa dawn il-prezzijiet sabiex itaffi ħafna mill-inċertezzi li jaħkmu lil kumpanija, iżda minkejja dan, minn Jannar li ġej se jerġgħu jorħsu l-prezzijiet tal-petrol u diesel.
Se tkompli tiżdied l-għajnuna lejn persuni b’diżabilita.   Din is-sena tajna bidu għal waħda mill-akbar riformi soċjali ta’ kull żmien fil-qasam tax-xogħol u persuni b’diżabilita’, jiġifieri l-implimentazzjoni tal-liġi li teħtieġ li kumpaniji mdaqqsa u kbar josservaw il-liġi u jimpjegaw persentaġġ ta’ persuni b’diżabilita’.
Naraw ukoll aktar incentivi fuq enerġija nadifa u rinovabbli għal familji Maltin.  Dan qiegħed isir ukoll sabiex nilħqu l-għanijiet imposta mill-Unjoni Ewropea sas-sena 2020.
Il-kap tal-oppożizzjoni, li fil-fehma tiegħi deher inkwetat ħafna waqt il-qari tal-budget, l-aktar meta jara l-viżjoni konkreta ta’ dan il-Gvern u t-triq inkoraġġenti li fiha miexja Malta, kull ma kellu risposta waħda.  Sfortunatament jien ma naqbilx mal-kap tal-oppożizzjoni iżda nixtieq nuża l-istess still ta’ kif hu iddeskriva dan il-budget.  Fil-fehma tiegħi dan huwa ‘budget li mill-ftit irriżulta fil-ħafna u dan se jitqassam sabiex inkomplu intejqbu l-pożizzjoni tagħna bħala pajjiż’.
Kearon Bruno

Kearon Bruno

 

18 Oct, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Baġit Soċjalment Ġust u Magna Ekonomika"