Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Bidla

Kitba ta’ Georvin Bugeja – Uffiċjal Informazzjoni, Forum Żgħażagħ Laburisti

Matul dawn is-snin li għaddew smajna ħafna bil-kelma bidla. Fl-2013 il-poplu Malti kien imwiegħed bidla fit-tmexxija ta’ pajjiżna li kellha ssarraf f’ħajja aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi kollu; lill’hinn mill-ilwien politiċi. Matul din l-ewwel nofs tal-leġiżlatura ta’ Gvern Laburista rajna diversi riformi jiddaħħlu fis-seħħ; liema riformi irifflettew bidliet fil-mentalità tal-Maltin. Fost l-oħrajn illum–il ġurnata, il-poplu biddel il-ħsieb tiegħu ta’ kif iħares lejn persuni b’diżabbilità u sar aktar inklussiv fil-konfront tan-nisa fid-dinja tax-xogħol. Apparti minn dan, il-Maltin biddlu fehmthom ukoll dwar il-persuni LGBTIQ; sar aktar inklussiv u b’mentalità aktar miftuħa li tagħmilna fuq quddiem fost il-pajjiżi Ewropej. Il-familji Maltin biddlu ħsibijiethom li l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma fil-verità jistgħu jorħsu, għal kuntrarju ta’ kif kien jgħid il-Partit Nazzjonalista li l-familji tagħna jridu jidraw kontijiet għoljin. Dan il-gvern biddel u ta tama liż-żgħażagħ li ma jħossuhomx li huma kapaċi biżejjed għall-akkademja u tahom possibbilità sabiex ikunu fit-taħriġ jew fix-xogħol permezz tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; b’hekk tkun qed tonqos ir-rata ta’ qagħad fost iż-żgħażagħ bir-riżultat li anqas żgħażagħ ikunu qed jiddependu fuq l-istat għall-għixien tagħhom fil-waqt li jiżdiedu ż-żgħażagħ li jesploraw l-abbilitajiet tagħhom u jikkontribwixxu għall-ekonomija Maltija.

Iżda sabiex il-poplu Malti seta’ jħoss li l-bidla għall-Malta kellha titwettaq mill-Partit Laburista għax fehem li l-Partit Laburista kellu pjan ċar ta’ fejn irid iwassal lil Malta fis-snin li ġejjin, ix-xogħol beda minn ħafna qabel. Mill-2008 il-Partit Laburista beda juri sens ta’ bidla b’mod intern. Biddel l-istrutturi tiegħu u ġedded l-istatut sabiex għamlu aktar relevanti kif ukoll immodernizza l-policies tiegħu sabiex seta’ jibda jkun il-vuċi tal-poplu kollu. Apparti minn dan il-Partit Laburista fetaħ il-bibien tiegħu u żviluppa f’Moviment. Din kienet ir-riċetta li kkonvinċiet lill-poplu Malti li l-għażla naturali tagħhom kellha tkun il-Partit Laburista.

Wara tlett snin fil-Gvern, bl-isfidi kollha, il-Partit Laburista għadu qed iwassal messaġġ pożittiv. Qiegħed ikompli jbiddel fl-istrutturi interni tiegħu u qed jagħmel l-almu tiegħu sabiex jibqa’ jkun l-għażla naturali tal-poplu Malti, partikolarment taż-żgħażagħ Maltin. Ma jfissirx li r-riċetta li ntużat fis-snin li għaddew trid tkun ir-riċetta għas-snin li ġejjin. Hemm bżonn ta’ impenn sħiħ fejn il-Partit Laburista jifhem fiex kien qed jonqos matul dawn is-snin li kien fdat bit-tmexxija tal-pajjiż, sabiex ikun jista’ jirranġahom. Għaldaqstant nemmen li l-idea li d-Deputat Mexxej il-ġdid għall-affarijiet tal-Partit Laburista, mil-Laqgħa Ġenerali Straordinarja ta’ Frar 2016, jista’ jkun ukoll deputat Parlamentari. In-nomina ta’ Konrad Mizzi tfisser li ser toffri opportunità ġdida sabiex il-Partit Laburista; bħala istituzzjoni politika, ikun jista’ jerġa’ jirranka fil-ħidma tiegħu u jsaħħaħ il-messaġġ politiku tiegħu, filwaqt li jagħmel ukoll pressjoni fuq il-Gvern li jwettaq dak li wiegħed fl-elezzjoni Ġenerali tal-2013. Nemmen li Konrad Mizzi bħal m’għamel fil-portafoll Ministerjali tiegħu ser ikun qed jagħmel l-istess fil-Partit Laburista; jintroduċi enerġija ġdida u determinazzjoni sabiex il-Partit Laburista jerġa’ jkun mill-ġdid l-għażla naturali tal-Maltin u Għawdxin; dan f’sinerġija mat-tmexxija ta’ Joseph Muscat li wera’ biċ-ċar li hu politiku li jżomm kelmtu fil-waqt li ma jiddejjaqx jieħu deċiżjonijiet u stands li mhux dejjem ikunu jdoqqu lill-maġġoranza.

Il-Forum Żgħażagħ Laburisti ukoll ser ikompli l-proċess ta’ tiġdid li beda lejn l-aħħar tal-2014 fil-Laqgħa Ġenerali Annwali bit-tema “Inkomplu Niġġeddu”. Ser inkomplu naħdmu biex nibqgħu nkunu l-vuċi taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, filwaqt li nibqgħu nwasslu l-messaġġ li d-dar naturali għalina ż-żgħażagħ hija l-Partit Laburista. Għall-kuntrarju ta’ dak li ġara fil-passat meta l-fergħa taż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit li jkun fil-Gvern taqa’ dormant u terġa’ tibda topera ftit xhur qabel elezzjoni ġenerali oħra, aħna bqajna għaddejin bil-ħidma tagħna minn wara l-elezzjoni Ġenerali tal-2013 u ser nibqgħu għaddejjin inwasslu l-messaġġ pożittiv. Il-Membri tal-FŻL ma jqisu lil ħadd ‘sempliċi’ jew ‘kaboċċa’ anzi; naraw il-potenzjal f’kull żagħżugħ u żagħżugħa ta’ rieda tajba, li lesti li jaħdmu u lesti biex ikomplu jbiddlu lil dan il-pajjiż bħal m’għamilna matul dawn it-tlett snin li għaddew.

Georvin Bugeja

Georvin Bugeja

20 Feb, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Bidla"