Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

BIL-MOD, IŻDA WASALNA

Kitba ta’ Naomi Cachia – Kordinatur Politiku FŻL

L-aġenda politika ta’ pajjiżna: f’idejn min hi?

Nixtieq ngħid li kont sorpriża bl-aħbar li Simon Busuttil ma tax l-opinjoni tiegħu fuq jekk il-morning after pill għandhiex tkun aċċessibbli għan-nisa f’pajjiżna.

Nixtieq ngħid li kont sorpriża bl-affermazzjoni tal-PN li qal li d-deċiżjoni mhix tal-politiċi, iżda tal-awtoritajiet tal-Gvern.

Nixtieq ngħid li kont sorpriża li d-deputati parlamentari nisa tal-PN ma ħasbuhiex darbtejn biex ħarġu jgħidu li ma jaqblux li mara f’Malta għandha jkollha aċċess għall-emergency contraception.

Huwa veru li d-deċiżjoni hija tal-Gvern, u d-dibattitu m’għandux jispiċċa ballun politiku. Iżda hawnhekk ninkwieta għal numru ta’ raġunijiet. Jekk m’għandhomx interess fl-aġenda politika il-politiċi ta’ pajjiżna, mela min tridu jkollu? Fil-verità, ma nemminx li Simon Busuttil m’għandux opinjoni, iżda li ma esprimihiex għax ma jixtieqx imur kontra l-opinjoni popolari. B’hekk ninsab iddiżappuntata li, għal darb’oħra, dak li qed jaspira li xi darba jkun prim ministru ħasel idejh mingħajr biss ta opinjoni.

Min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni tad-deputati nisa Nazzjonalisti tiddiżgustani. Dan mhux għax ma naċċettax opinjonijiet differenti minn tiegħi, iżda għax rajt li wħud minnhom saħansitra deffsu l-argument tal-abort u b’hekk tidher biċ-ċar li l-pożizzjoni hi ibbażżata fuq informazzjoni żbaljata u qarrieqa. Nistenna aħjar mill-membri parlamentari tagħna.

Oltre mis-sustanza tal-argumenti favur jew kontra l-aċċessibbiltà tal-morning after pill, jekk xejn din il-kwistjoni ħadt gost insegwiha għax kienet turija ċara ta’ kif il-poplu jista’ jieħu f’idejh kontroll tal-aġenda politika bl-iktar mod ċivili u demokratiku. Kien wasal iż-żmien li din il-kwistjoni tiġi diskussa u li ninfurmaw ruħna u nneħħu kull idea żbaljata dwar dak li n-nisa, fil-maġġoranza ta’ pajjiżi żviluppati madwar id-dinja, għandhom aċċess għalih mingħajr problemi ta’ xejn.

F’rebħa oħra għall-progress f’pajjiżna, din il-ġimgħa għaddiet il-liġi li rriformat iċ-ċensura fil-kodiċi kriminali ta’ pajjiżna, u saga li kienet ilha għaddejja snin sħaħ ġiet fi tmiemha hekk kif il-liġi issa qed tirrifletti iktar is-soċjetà li ngħixu fiha. Dan mhuwiex attakk fuq ir-reliġjon u l-valuri li nħaddnu iżda l-kalibrazzjoni u bilanċ bejn iż-żewġ forzi prinċipali f’din il-kwistjoni: ir-reliġjon u l-libertà tal-espressjoni.

Din il-liġi kkriminalizzat ukoll ir-revenge porn, b’hekk, għal darb’oħra, pajjiżna qed juri biċ-ċar kemm qed jifhem il-ħtieġa li jaġġorna l-liġijiet tiegħu biex jagħmlu iktar sens u saħanistra jasal jagħmel dan qabel il-maġġoranza ta’ pajjiżi oħra.

Naomi Cachia

Naomi Cachia

25 Jul, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "BIL-MOD, IŻDA WASALNA"