Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Deċiżjonijiet

Kitba ta’ Georvin Bugeja – Kordinatur PR FŻL

Ta’ kuljum nieħdu bosta deċiżjonijiet; deċiżjonijiet li jaf ikollhom impatt kemm b’mod immedjat kif ukoll fil-futur. F’dan l-artiklu ħassejt li kelli nagħti ħarsa lejn dawn l-aħħar ġimgħat, li matulhom assistejna għat-teħid ta’ diversi deċiżjonijiet politiċi importanti.

Mill-Parlament

Fil-Parlament fost il-bosta deċiżjonijiet li jittieħdu, f’dawn l-aħħar ħmistax segwejna żewġ deċiżjonijiet partikularment importanti. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista għażlet li tressaq vot ta’ sfiduċja kontra l-Gvern, fi sfond ta’ tkabbir ekonomiku storiku ta’ 6.3%, u din il-ġimgħa tressaq vot ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi mid-Deputat Indipendenti Dr. Marlene Farrugia.

Inħoss li l-PN wara tlett snin għadu ma fehmx li l-poplu ma weriex il-fiduċja elettorali fih u ma kienx ikkonfermat fil-Gvern u minflok ikkastigah b’maġġoranza elettorali ta’ 36 elf, maġġoranza elettorali storika. Għaldaqstant, l-istrateġisti ta’ Simon Busuttil qed jippruvaw joħolqu ċertu instabbilità politika fil-pajjiż biex ifixxklu b’xi mod ir-ritmu ta’ dan il-Gvern.

Wara li niżżlu lin-nies fit-toroq tal-Kapitali bi skuża ta’ protesta Nazzjonali, deċiżjoni li fl-opinjoni tiegħi ma nħossx li kienet f’waqtha, Simon Busuttil ippreżenta mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Joseph Muscat fil-Parlament; Gvern li għandu maġġoranza Parlamentari komda u li Busuttil kien jaf li dak il-vot ta’ sfiduċja ma kienx se jgħaddi. Hawnhekk Simon Busuttil wera biċ-ċar kemm hu ddisprat biex jipprova ikun fil-poter; jimmissjawha ħafna dik il-pożizzjoni!

B’mod għaqli d-Deputati tal-Gvern u Ministri ma ħlewx il-ġurnata twila, mimlija b’diskorsi ewforiċi min-Nazzjonalisti, fosthom Beppe Fenech Adami u Mario de Marco li jinsabu f’nofs kontroversji dwar korrettezza politika, biex jattakkaw lill-Oppożizzjoni b’dak li sar ħażin fiż-żmien li damu fil-Gvern il-PN, iżda fissru l-importanza tal-kisbiet li qiegħed jagħmel il-Gvern preżenti, u s-suċċessi li rnexxielu jikseb f’dawn l-aħħar tlett snin.

Fost dawn il-kisbiet hemm l-anqas rata ta’ qagħad fl-istorja, u l-aktar ammont ta’ nies f’impjieg, suċċessi fl-ekonomija, l-Enemalta li minn mażra għall-ekonomija, qed issir mutur ekonomiku, l-AirMalta li qed isir xogħol importanti biex tkun tista’ timxi ‘l quddiem, l-edukazzjoni u s-saħħa fost l-oħrajn.

Din il-ġimgħa ammirajt lill-Whip tal-Gvern u lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-xogħol għall-umiltà fid-diskorsi li għamlu fil-Parlament waqt id-dibattitu Parlamentari fil-vot ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi. Għal dan id-dibattitu, mill-ġdid l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għażlet li tiftaħ il-kanuni u tattakka lill-Ministru Mizzi. Rajna mill-ġdid Oppożizzjoni negattiva li tisfrutta kull opportunità li jkollha biex tkun distruttiva.

Iddisgustajt ruħi bl-atteġjament tal-Kap tal-Oppożizzjoni; moħħu biss biex JIPPROVA jirredikola lin-nies; iżda ara biss ifettillek tattakka lilu jew lid-deputati tiegħu għax huma l-untouchables.

TGCOM24

Għal darb’oħra l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għażlet li tagħmilha ta’ reporter fuq l-istazzjon ta’ Berlusconi, it-TGCOM24. Din id-darba ma kienx David Casa li mar jipprova jitfa’ f’dell ikrah lil Malta, iżda kien l-Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil. Jien smajt għal darba, tnejn dak li qal Busuttil għax ġenwinament ma ridtx nemmen dak li bdejt nisma’ b’widnejja u sinċerament għadni qed nipprova nifhem kif Simon Busuttil irid jikseb il-fiduċja tal-Maltin, meta jmur fuq stazzjonijiet internazzjonali jgħid kontra l-Gvern Malti; li jirrappreżenta lill-Maltin.

RESHUFFLE FIL-KABINETT TAL-MINISTRI

Tħabbret ukoll reshuffle fil-Kabinett tal-Ministri. Il-Prim Ministru iddeċieda. Ħareġ biċ-ċar kemm huwa politiku serju u li ma jiddejjaqx jew ma jibżax jaġixxi. Min-naħa l-oħra, meta Simon Busuttil jinsab affaċjat bi kritika enormi minħabba li qed jiddefendi liż-żewġ viċi Kapijiet tiegħu meta fuq il-midja ħarġet informazzjoni li skont il-kejl tiegħu stess lanqas kellhom jgħaddu żewġ minuti qabel ma jiehu d-deċiżjoni tiegħu. Madanakollu lil Busuttil drajnieh li huwa persuna tad-double standards.

Ċelebrazzjonijiet tal-ewwel ta’ Mejju

F’Malta, iċċelebrajna Jum il-Ħaddiem. Eluf ta’ Maltin u Għawdxin ħonqu Pjazza Kastilja bħal lum ġimgħa biex iwasslu messaġġ ċar; li huma qed jappoġġjaw il-politika li qed imexxi ‘l quddiem dan il-Gvern – li b’ottimiżmu qed toħloq bidla għall-aħjar f’dan il-pajjiż li minnha jgawdi kulħadd. Il-ħaddiem qed jingħata aktar dinjità kif jistħoqlu filwaqt li l-ammont ta’ xogħol li qed jintlaħaq huwa wieħed rekord. Dan hu frott id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu ta’ kuljum.

Jiddispjaċini iżda li minflok offra ideat kif se jkompli jagħti aktar dinjità lill-ħaddiema u jkompli joħloq aktar xogħol, f’Jum il-Ħaddiem, Simon Busuttil għażel li jiffoka aktar fuq il-Panama.

Matul il-jiem ta’ qabel l-ewwel ta’ Mejju ttellgħu diversi attivitajiet. Fosthom il-konferenza Round table #AskJM. Din kienet opportunità tajba biex żgħażagħ b’ideali politiċi differenti jwasslu l-mistoqsija jew il-kummenti tagħhom lill-Prim Ministru b’mod dirett.

Wara l-attività b’mod immeddjat il-Kunsill tal-Istudenti tal-Università, il-KSU, għażel li joħroġ stqarrija dwar kumment li għadda l-Prim Ministru. Il-kumment kien dwar l-elezzjoni fl-Università u kif ikun elett il-kunsill, fejn mingħajr ma daħal fil-mertu tal-politika studenteska, il-Prim Ministru wera t-tħassib tiegħu għall-parteċipazzjoni fqira fl-elezzjonijiet u kkorelaha mas-sistema elettorali li ddeskriviha bħala ‘winner takes all’. Bħala student universitarju nemmen li s-sistema preżenti li biha jkun elett kunsill studentesk bħall-KSU hi sistema arkajka u għandha tkun żviluppata f’waħda aktar rappreżentattiva. Fuq is-social media, jien esprimejt il-ħsieb tiegħi u sħaqt li jkun aktar għaqli li kieku l-KSU – Kunsill Studenti Universitarji jibda d-diskussjoni hu dwar kif se jkompli jżid ir-rappreżentanza tal-Kunsill milli jiddefendi s-sistema prezenti, jekk tassew irid jiddefendi n-newtralità tiegħu.

 

Georvin Bugeja

Georvin Bugeja

08 May, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Deċiżjonijiet"