Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Gvern bi pjan ċar: Budget li jqassam il-ġid għand kulħadd

 

Kitba ta’ Colin Deguara, Membru FŻL

Waqt li l-Maltin kienu qed jisimgħu l-miżuri tal-budget 2017 nhar it-Tnejn li għadda, żgur mhux forsi, wieħed reġa’ beda jisma’ dik l-għajta ta’ ‘Malta Tagħna Lkoll’ li tant smajna fl-elezzjoni li għaddiet.  Dan għaliex dan il-Budget kien wieħed maħsub biex igawdi minnu l-poplu kollu.  Wieħed faċilment seta’ jinnota kif it-tkabbir ekonomiku li Malta rnexxielha tikseb grazzi għal dan il-Gvern issa se jkun jista’ jitgawda minn kull klassi soċjali f’pajjiżna.   

Wieħed mill-iktar fatturi importanti f’dan il-Budget kien li l-Gvern ta importanza kbira lil dawk in-nies li l-iktar għaddejjin minn żminijiet difficli.  Waħda mill-iktar marda li tant tkisser familji Maltin hija l-marda qerrieda tal-kanċer.  Il-Gvern ħabbar li se jkun qed jimmodernizza l-mediċina biex tigi miġġielda din il-marda filwaqt li se jnaqqas il-piż ekonomiku fuq l-pazjenti u l-familji tagħhom billi jipprovdi din il-mediċina b’xejn.  Biex ikompli jżid l-għajnuna lill-pazjenti l-Gvern ser jintroduċi sistema ta’ ‘sick leave’  bi ħlas lil min qiegħed jiġġieled din il-marda kronika.  Se tigi mmodernizzata wkoll il-mediċina kontra d-dijabete filwaqt li l-pazjenti li jsofru minn dijabete tat-tip wiehed u tnejn se jingħataw ‘glucose sticks’ b’xejn.   

Dan il-Gvern għamel mezz li jiġu mgħejjuna il-pensjonanti Maltin li għadhom jissieltu mal-ħajja ta’ kuljum b’pensjoni minima.  Dan il-Gvern se jkun jżid il-pensjoni b’erba’ Ewro fil-ġimgħa lill-pensjonanti miżżewġin li għandhom pensjoni minima.  Din il-miżura se jkunu qed jiggwadanjaw minnha elfejn u ħames mitt Malti u Għawdxi.  Din iż-żieda tammonta għal mitejn u tmien Ewro fis-sena lil kull pensjonant.  Il-koppji miżżewġin li jibbenefikaw biss minn pensjoni waħda, taħt Gvern laburista se jkunu qed igawdu minn żieda fl-‘allowance’ supplimentari.  F’dan il-budget, il-Gvern ma nesiex ukoll lil dawk li ma jikkwalifikawx għall-ebda pensjoni hekk kif se jkollhom żieda ta’ ħamsin ewro bonus.  Ta min isemmi wkoll ż-żieda ta’ erba’ Ewro fil-ġimgħa fil-paga minima li se jgawdu minnha eluf ta’ Maltin u l-familji tagħhom.   

Fis-settur tal-enerġija l-Gvern ikompli jaħdem biex itejjeb l-ambjent Malti filwaqt li  jżid il-flus f’but il-poplu Malti u Għawdxi.  Huwa dan li se tkun qed tagħmel l-introduzzjoni ta’ skema li biha l-familji se jkunu jistgħu jinvestu f’ ‘bonds’ soċjali li permezz tagħhom jibbenefikaw mill-produzzjoni tal-enerġija mis-sistemi fotovoltajiċi li jkunu nstallati f’postijiet pubbliċi.  B’dan il-mod il-konsum tal-enerġija jerġa’ jiġi irħas lill-familji Maltin.   

Wara numru ta’ miżuri li dan il-Gvern introduċa f’budgets oħrajn l-istudenti se jergħu jibbenefikaw minn għadd ta’ miżuri li se jgħinuhom kemm fl-istudji tagħhom kif ukoll fil-ħajja ta’ kuljum.  F’dan il-Budget il-Gvern ħabbar li se jerga’ jgħolli l-istipendji mal-għoli tal-ħajja. Wara li dan il-Gvern diġa’ żied stipendji ohra bħal m’huma l-istipendji għal min ikun qed jirrepeti xi sena ta studju, issa se jkun qed jgħati stipendji wkoll lil studenti li jkunu qed jagħmlu korsijiet alternattivi f’livell inqas t’edukazzjoni, kif ukoll lil studenti b’diżabilita’ u studenti li jgħixu ġo orfanatrofji.  Ħabbar ukoll li se jkun qed iniedi skema ġdida ta’ stipendji għal dawk iż-żgħażagħ li jagħmlu xogħol volontarju barra minn xtutna.  Matul din is-sena l-istudenti Maltin mhux se jsibu għajnuna finanzjarja biss.  Dan għaliex l-Gvern se jkun qed jgħin biex isir parkeġġ komunitarju f’tal-Qroqq u b’hekk tonqos il-problema ta’ parking fl-Università.  Dan juri kemm Gvern Laburista qed jagħti kas l-problemi li jaffaċċjaw ta’ kuljum studenti Maltin u jsolviehom.  Minn dan il-budget se jkunu qed jiggwadanjaw ukoll lis-studenti ż-żgħar.  Kif kien imwiegħed issa ser jingħataw ‘tablets’  lil kull student tar-raba’ sena tal-primarja.  

Għal darb’oħra dan il-Gvern juri bil-provi kemm hu qrib tal-poplu kif wara proposta li tpoġġiet quddiemu miż-żgħażagħ Maltin issa se jkun qed jiftaħ konsultazzjoni pubblika fuq il-vot ta’ sittax fl-elezzjoni ġenerali.  B’dan il-mod iż-żgħażagħ ma jibqgħux biss ornament wara l-politiċi fi żmien l-elezzjonijiet iżda jkollhom sehem importanti fit-tmexxija ta’ pajjiżna. Kif rajna f’dan il-budget ħafna mill-miżuri jolqtu lil żgħażagħ ta din l-eta’ u għalhekk għandhom ikollhom dritt jgħażlu f’idejn min iridu jpoġġu l-futur ta pajjiżhom u l-futur tagħhom rispettivament.  Il-poplu għad għandu parti mit-tmexxija ta’ pajjiżna hekk kif il-Gvern fetah numru ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi.  Fosthom insibu dik fuq it-talba li għamlu ż-żgħażagħ biex persuni LGBTIQ ikunu jistgħu jgħatu d-demm ukoll.  Il-Forum Żgħażagħ Laburisti nieda l-kampanja “Ilkoll Għandna l-Istess Demm”  b’din il-mira u s-sejħa tidher li waslet għand l-awtoritajiet kif deher b’din il-miżura.  

Sa mill-bidu nett ta’ dan il-moviment politiku kien jidher ċar li waħda mill-miri tiegħu hu li f’Malta jkollna soċjeta’ inklussiva fejn irrispettivament ta’ dak li tkun għaddejt minnu jkollok dritt għall- indipendenza tiegħek.  Permezz tal-inċentiv tad-djar residenzjali għall-persuni b’diżabilita’ din il-mira diġa bdiet tintlaħaq.  Wara li ġew inawgurati għadd ta’ djar, il-Gvern ħabbar li se jkompli jibni iktar djar fejn persuni b’diżabilita’ jistgħu jgħixu ħajjithom bl-għajnuna kollha li jkollhom bżonn.  B’dan il-mod is-soċjetà tagħna tkompli ssir aktar ġusta u inklussiva.

Meta wieħed iħares lejn ftit mill-miżuri li fih dan il-Budget jinduna li “Inwasslu l-Ġid Għand Kulħadd” mhuwiex biss slogan marbut ma’ dan il-Budget iżda hu dak li effettivament se jkun qed jagħmel il-Gvern matul din is-sena li ġejja.  Ħafna ddeskrivew dan il-budget bħala wieħed ta’ qabel l-elezzjoni minħabba l-ammont ta’ miżuri  tajbin li fih.  Dan juri kemm l-poplu Malti kien dara li jkollu budget tajjeb qabel elezzjoni biss.  Madankollu llum qed naraw pjan ta’ Gvern li ta s-saħħa lura lill-ekonomija Maltija u issa qiegħed iqassam dan il-ġid b’mod ġust lil kullħadd  b’mod speċjali lil dawk li l-iktar għandhom bżonn l-għajnuna.  Minħabba n-natura soċjali tiegħu, dan l-budget huwa wieħed li l-poplu Malti kien ilu jistenna.          

14798894_1133920046675620_2143378832_n

Colin Deguara

 

23 Oct, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Gvern bi pjan ċar: Budget li jqassam il-ġid għand kulħadd"