Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Gvern li jisma’…Gvern li jiddeċiedi

Kitba ta’ Alex Saliba, President FŻL

Żgur li l-karatteristika ewlenija li toħroġ b’mod ċar id-differenza ta’ dan il-Gvern minn dak ta’ qablu hija dik li dan huwa verament Gvern li jikkonsulta, iżda fl-aħħar mill-aħħar Gvern li għandu l-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-fibra politika li jieħu deċiżjonijiet li huma fl-aqwa interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Dan rajnih iseħħ matul il-ġimgħa li għaddiet fejn wara ġimgħat ta’ konsultazzjoni tħabbru d-dettalji tal-Università Amerikana li ser tkun  maqsuma f’ Wied il-Għajn u Bormla.

 

Matul dawn l-aħħar jiem komplejna niksbu aktar riżultati ekonomiċi pożittivi li,  bil-fatti u mhux bil-kliem, qed ipoġġu lil pajjiżna mal-aqwa stati membri fi ħdan l-Unjoni Ewropea: aktar riżultati pożittivi mill-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Fitch u kif ukoll statistika pożittiva ħafna mill-NSO fil-qasam tal-ħolqien tal-impjiegi f’ pajjiżna.

 

Mhux ta’ b’xejn l-Oppożizzjoni waqgħet f’silenżju totali u Jason Azzopardi u l-bella kumpanija Nazzjonalista spiċċaw saħansitra xxuttaw mill-Konferenzi stampa! Tuġagħhom żaqqhom wisq meta jaraw li bil-fatti pajjiżna qed jagħmel passi ta’ ġgant fil-qasam ekonomiku u soċjali!

 

80% inqas art ODZ!

 

Minn dejjem kelli ammirazzjoni u rispett lejn dawk il-politiċi li ma jiddejqux jiddeċiedu; politiċi li għalkemm jisimgħu, kapaċi jiddeċiedu. Żgur li dawn kienu l-karatteristiċi ewlenin li wera l-Prim Ministru Joseph Muscat matul il-ġimgħa li għaddiet: tkellem, sema’ l-proposti kollha, għarbel l-ideat kollha, iżda fl-aħħar mill-aħħar wera kemm huwa mexxej dinamiku u ddeċieda sabiex dan l-investiment ma jintilifx.

Il-Proġett tal-AUM kif propost fiż-Żonqor

 

Għalkemm f’dan il-proċess instab kompromess, xorta waħda ma morniex lura minn kelmitna; il-kelma li nagħtu nifs ġdid lin-naħa t’isfel ta’ Malta, nifs ġdid b’ dan l-investiment li ser ikun qed jagħti tama ġdida ta’ aktar prosperità lill-kommunitajiet tal-Kottonera u dik ta’ Marsascala. Fl-istess waqt nemmen li nstab bilanċ tajjeb bejn l-interessi ambjentali u dawk ta’ żvilupp. Kienet deċiżjoni għaqlija dik li l-art ODZ użata f’ dan il-proġett tnaqqset bi 80% mill-pjan oriġinali, deċiżjoni li issa ser twassal sabiex 18,000 metru kwadru ta’ art barra miż-żona ta’ żvilupp ser tintuża għal dan il-proġett mid-90,000 metru kwadru ta’ art li kienet pjanata li ser tintuża f’Mejju illi għadda. Dan wassal ukoll sabiex l-ebda ċentimetru ta’ art privata mhu ser tintuża f’dan il-proġett!

 

Pero’ żgur li l-aktar li laqgħu b’sodisfazzjon dan il-pjan rivedut kienu r-residenti tal-Kottonera li fl-aħħar ser jaraw proġett ta’ riġenerazzjoni. Minn binja mitluqa li tkerrah il-belt pittoreska ta’ Bormla, b’dan l-investiment il-Baċir Numru 1 ser jingħata l-ħajja mill-ġdid b’mijiet ta’ studenti Maltin u barranin li ser jiffrekwentaw iż-żewġ fakultajiet li ser jospita dan is-sit. Nifs ġdid għall-kommunità kummerċjali f’din iż-żona li kienet ġiet injorata u skartata minn amministrazzjonijiet preċedenti għal snin twal u kif ukoll rigal dirett lir-residenti ta’ Bormla u l-madwar li ser ikunu qed jaraw żieda sostanzjali fil-valur tal-propjetajiet tagħhom.

 

Il-Proġett tal-AUM fis-sit tal-Baċir Numru Wieħed, Bormla.

 

Serjetà u trasparenza

 

Żgur pero’ li l-aktar aspett li ħareġ b’saħħtu waqt il-konferenza stampa li ingħatat mill-Prim Ministru sabiex jitħabbru d-dettalji ta’ dan il-proġett kien il-mod trasparenti li bih saret l-għażla aħħarija taż-żewġ siti finali magħżula għal dan il-proġett.  X’differenza mill-mod kif taħt amministrazzjonijiet preċedenti  kienu jittieħdu d-deċiżjonijiet! Bl-istess mod ġew trattati l-Iskalin minn Gvern Nazzjonalista meta ddeċidew li jibnu l-impjant ta’ San Antnin f’nofs żona residenzjali!

 

Tajna preżentazzjoni ddettaljata tal-proposti kollha li ġew sottomessi waqt il-konsultazzjoni; 626 sottomissjoni li minnhom 428 kienu validi u wasslu għal 168 sit validu.  Minn dawn is-siti sottomessi, 12–il sit ġew shortlisted u għal kull wieħed minn dawn is-siti ngħataw ir-raġunijiet kollha kemm favur u anke kontra illi abbażi tagħhom kellha tittieħed id-deċiżjoni aħħarija.

 

Żgur illi f’kemm ilni nsegwi l-politika lokali qatt ma rajt pjan skrutinizzat u mgħarbel b’dan il-mod dettaljat li ma ħalla l-ebda dubju dwar  ir-raġuni tal-għażla taż-żewg siti li fuqhom ser tinbena din l-Università.  Aspett pożittiv ieħor kien dak fejn b’mod immedjat ġew żvelati wkoll il-pjanijiet tal-pixxina l-ġdida ta’ Wied il-Għajn u kif ukoll il-parkeġġi ġodda li ser jinħolqu sabiex jiġi eliminat b’mod totali kull inkonvenjent li dan il-proġett seta jitfa fuq l-ispallejn tar-residenti taz-żewġ żoni.

 

Aktar ċertifikati pożittivi  

 

Tiftakruh dak il-billbord tal-Partit Nazzjonalista li tfaċċa lejliet l-elezzjoni ġenerali li għaddiet bil-mexxejja taż-żewġ Partiti miżbugħin aħmar u blu u b’żewg kartelluni f’idejhom? Dak iż-żmien il-Partit Nazzjonalista għoġbu jqiegħed il-kartellun bil-kliem “Qgħad” f’idejn Joseph Muscat. Profezija oħra bħal tal-Alice in Wonderland għar-roħs tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma! Pero jekk tal-Partit Nazzjonalista għandhom ħafna virtujiet u kapaċitajiet żgur li dejjem jieħdu falza stikka meta jippruvaw jipprevedu l-futur!

 

Skond statistika ippublikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika din il-ġimgħa rajna kif f’Marzu ta’ din is-sena kellna żieda ta’ 4.3% fl-impjiegi; statistika li tkompli tikkonferma kif dan il-Gvern matul din il-legiżlatura irnexxielu joħloq 3 darbiet aktar impjiegi milli kienu jinħolqu taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti! Dan ifisser ukoll li kuljum qed jinħolqu madwar 17–il impjieg ġdid!

 

Sadanitant, pajjiżna ingħata ċertifikat pożittiv ieħor mill-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Fitch li reġgħat ikklassifikat l-ekonomija ta’ pajjiżna bħala waħda bi prospettivi stabbli u għal darb’oħra erġajna ingħatajna il-klassifikazzjoni A. Fost diversi kummenti pożittivi din l-aġenżija faħħret l-investiment li l-Gvern ġab lejn pajjiżna sabiex iqajjem fuq saqajha l-Enemalta, kumpanija li fi żmien gvern Nazzjonalista kienet tant spiċċat mazzra ma’ għonq il-Gvern illi kienu lesti jbiegħuha għall-ewro wieħed biss!

 

Ċertifikat pożittiv ieħor ingħata l-ġimgħa li għaddiet mir-rivista ekonomika The Economist illi poġġiet lil pajjiżna mal-aqwa fl-Unjoni Ewropea fejn għandu x’ jaqsam il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u l-qgħad fost iż-żgħażagħ. The Economist ikkonfermat li pajjiżna, permezz tad-diversi miżuri li mexxa l-quddiem dan il-Gvern, jinsab fit-tieni post, bit-tieni l-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ meta  kkumparat ma’ pajjiżi oħra fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ftit passi l-bogħod biss mill-Germanja.

 

Dan kollu jkompli jnissel sens ta’ ottimiżmu u pożittività għal futur ekonomiku ta’ pajjiżna. Pajjiż li llum mhux biss irnexxielu jgħeleb il-mewġ tal-kriżijiet ekonomiċi iżda wkoll irnexxielu jirkeb fuq l-istess mewġ sabiex bil-fatti u mhux biss bil-kliem sar verament l-aqwa fl-Ewropa!

 

Awguri għal fejqan ta’ malajr!

Qabel nagħlaq ma nistax ma nawgurax fejqan ta’ malajr lil membru tagħna u Kunsillier żagħżugħ Laburista Mellieħi Dario Vella li bħalissa jinsab irrikoverat l-isptar wara inċident li kellu ftit tal-jiem ilu. F’isem l-Eżekuttiv u l-membri nixtiequ lil dan iż-żagħżugh ħabrieki saħħa mill-ġdid sabiex b’hekk jibqa jwettaq dak li verament iħobb jagħmel; li jkompli ikun viċin ir-residenti Melliħin kollha!

Dario Vella

Fejqan ta’ malajr ukoll lill-Ministru George Vella u lill-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Dr Godfrey Farrugia f’dawn il-mumenti diffiċli. Inwegħduhom li ser inżommuhom f’talbna u ħsibijietna!

Onor. Dr. Godfrey Farrugia (Whip)Onor. George Vella (Ministru għall-Affarijiet Barranin)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Alex Saliba

Alex Saliba

 

 

30 Aug, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Gvern li jisma’…Gvern li jiddeċiedi"