Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Gvern Viċin il-Poplu

Kitba: Bryony Bartolo – Segretarja Generali FŻL

Ħaġa pożittiva li dejjem laqtitni minn dan il-Gvern hija l-importanza li jagħti l-komunikazzjoni u l-kuntatt maċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Matul it tlett snin li għaddew ta’ sikwiet ġew organizzati laqgħat bit-tema Gvern li jisma’ bil-għan li l-Gvern jisma’ s-suġġerimenti tal-poplu u jkompli jtejjeb l-ħidma tiegħu. L-istess saru laqgħat maż-żgħażagħ, bl-iktar waħda riċenti tkun l-attività organizzata mill-Forum Żgħażagħ Laburisti nhar l-Erbgha li għadda fi Pjazza Kastilja bit-tema #AskJM.

Waqt din l-attività kienu mistidnin għaqdiet li jirrapreżentaw żgħażagħ minn oqsma differenti tal-ħajja, b’dawk li laqgħu l-istedina setgħu jistaqsu mistqosijiet u jgħaddu kummenti u suġġerimenti lil Prim Ministru Joseph Muscat innifsu. Waqt din il-laqgha tqajjmu diversi suġġetti, bl-iktar popolari jkunu l-edukazzjoni u x-xogħol. Iż-żgħażagħ staqsew ukoll mistoqsijiet dwar drittijiet ċivili, saħħa, ambjent, it-tmexxija amministrattiva tal-pajjiż u anke fuq pensjonijiet. Dawn it-temi kollha b’xi mod jew ieħor jolqtu l-ħajja ta’ kuljum taż-żgħażagħ.

Is-sabiħ ta’ din l-attivita kien li għaqqdet liż-żgħażagħ f’attività waħda minkejja d-differenzi fl-ideat politiċi tagħhom. Huma opportunitajiet bħal dawn li jressqu lill-Prim Ministru viċin iż-żgħażagħ b’tali mod li jifhem x’inhuma l-prijoritajiet tagħna u, bħal ma sar f’dawn l-aħħar tlett snin, iż-żgħażagħ ikomplu jkunu fiċ-ċentru tal-ħidma ta’ dan il-Gvern.

Spikkat l-umiltà ta’ Prim Ministru li minkejja s-suċċessi kbar li kellu dan il-Gvern matul dawn it-tlett snin, xorta waħda hu awtokritiku lejn it-tmexxija tiegħu flimkien mal-Ministri l-oħra. Din turi umiltà u kapaċita fit-tmexxija ta’ Prim Ministru li mhux supperv u, filwaqt li jaċċetta l-kritika, jaħdem fuq l-iżbalji sabiex dawn ma jerġgħux isiru, mhux biss bil-kliem iżda bil-fatti.  

Din l-imġieba matura rajnieha diversi drabi, bl-iktar ricenti tkun ftit tal-jiem ilu meta l-Prim Ministru għamel għażla fil-każ tal- Ministru Konrad Mizzi u c-Chief of Staff Keith Schembri. Kienet deċiżjoni li waslet wara li l-Prim Ministru wieżen il-fatti u, għalkemm ma ġiet allegata l-ebda illegalità, xorta qies il-korrettezza politika u s-sentiment tal-poplu.  Iżda fil-qalba tad-deċiżjoni li ħa kien hemm bla dubju l-ġid tal-pajjiż, pajjiż li grazzi għall-ħidma ta’ dan il-Gvern irnexxielu jnaqqas il-qgħad b’mod sostanzjali, jkabbar l-ekonomija b’ 6.3% u jnaqqas il-faqar.

Dan jikkuntrasta bil-qawwi ma’ Kap tal-Oppożizzjoni negattiv li, filwaqt li saħaq kemm-il darba li jekk ikun hu fil-Gvern ikun hemm politika onestà, fl-Oppożizzjoni għadu mdawwar b’nies involuti f’każijiet ta’ korruzjoni. Kap tal-Oppożizzjoni bla ebda pjan li l-għan ewlieni tiegħu hu li jżeblaħ lil Malta lil hinn minn xtutna billi jipprova jpinġi stampa ta’ pajjiż li għaddej minn żminijiet imwiera.

Iżda r-riżultati pożittivi li qed jikseb pajjiżna żgur li jxejnu din in-negattività tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-poplu qed iħoss ir-riżultati pożittivi tal-ħidma ta’ dan il-Gvern.

Lil hinn minn dan, Il-Gvern għandu jkompli jimxi l‘quddiem bil-ħidma tiegħu għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi. Għandu jkompli jagħti dak li verament jixraq lill-poplu filwaqt li jaċċetta l-kritika kostruttiva, kif dejjem għamel. Iżda fuq kollox għandu jibqa’ jkun viċin il-poplu sabiex jisma’ u jifhem il-ħtiġijiet. Huwa b’hekk u bil-ħidma bil-għaqal li jista’ jkompli jikseb aktar riżultati pożittivi.

Bryony Bartolo

Bryony Bartolo

01 May, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Gvern Viċin il-Poplu"