Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Hemm alternattiva?

Kitba ta’ Chris Balzia, Uffiċjal Finanzjarju FŻL

 

 

Vera li, skont isimha, l-oppożizzjoni trid topponi deċizjonijiet tal-gvern, pero ma nistgħax nifhem kif qas hemm deċizjoni waħda li Simon Busuttil u sħabu ma qablu mal-gvern. Ironikament, huwa permezz ta’ dawn id-deċizjonijiet li ttieħdu li l-pajjiż qed jimxi l’quddiem f’diversi setturi kruċjali.

Apparti dan kollu, Simon Busuttil irid jagħzel hu ma xhiex jassoċċja ruħu fl-istorja tal-PN – kap a la carte. Kien hu u l-PN li riedu jieħdu l-prosit tal-interconnector, iżda ma jridx ikollu x’jaqsam mar-riżultat ta’ konkos inferjuri fil-bini tal-isptar. Ried jieħu l-prosit tar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma iżda żamm il-bogħod milli jgħid għaliex il-gvern li kien jifforma parti minnu qatt ma raħħas il-kontijiet jew wiegħed li jnaqqashom Kap li jdur mar-riħ u skont fejn tkun qed tħabbat il-popolarità tal-mument.

 

Kif tista tara alternattiva fil-Kap tal-oppozizzjoni biex imexxi gvern, meta għandek individwu li ma tafx x’qiegħed joffri għajr għal retorika bla sustanza? Il-pajjiż għandu bżonn oppożizzjoni pro-attiva u mhux tal-gambetti. Jekk verament Simon Busuttil u sħabu jġibu l-interess tal-pajjiż l-ewwel m’għandhomx jinħlew fit-tfiegħ tat-tajn u bsaten fir-roti, iżda għandhom joffru ideat u proposti li jkunu realistiċi u li jtejbu fuq dak li jkun hemm. Din l-atitudni qed tirrifletti fin-nuqqas ta’ kreddibiltà li qed ibgħati minnha l-PN, mhux biss l-iżbalji tal-passat iżda ukoll il-futur imċajpar li qed joffri.

 

Haġa oħra li innutajt matul dawn l-aħħar ġimgħat huwa l-mod ta’ kif esponenti u membri parlamentari tal-PN qed jattakkaw b’mod personali lill-membri parlamentari sħabhom, kemm fil-parlament kif ukoll waqt dibattiti televiżivi. L-argument ma tirbħux billi tgħajjar lill-avversarju politiku tiegħek b’xi membru/i tal-familja. X’loġika hi din? Meta esponenti tal-PN isibu daharhom mal-ħajt fuq issue partikolari, minflok jissostanzjaw l-argument tagħhom bil-proposti li jkollhom, jinfexxew f’attakk personali fuq l-individwu. Dan ikompli jikkonferma kemm il-PN ma nbidilx f’għemilu u l-uniku proġett tiegħu huwa kruċjata kontra l-Partit Laburista fil-gvern.

 

Ekonomija li qed tikber.

Matul l-aħħar jiem ħarġet statistika uffiċjali mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li turi li l-ekonomija Maltija kibret b’erbgħa fil-mija f’termini reali fl-ewwel kwart tal-2015. Din ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku tkompli timlina b’kuraġġ meta mqabbla mat-tkabbir medju li ġie rreġistrat fiż-Żona tal-Ewro fl-istess perjodu.

Dan żgur ma seħħx b’kumbinazzjoni, ghax waqgħu l-affarijiet mis-sema. Il-miżuri li kien introduċa il-Gvern preżenti fil-budgets tiegħu ħallew il-frott mixtieq. L-istabbiltà fil-prezzijiet tal-fuels u roħs fil-kontijiet tal-enerġija wasslu sabiex tiżdied l-istabbiltà u fiduċja mill-konsumatur. Tajjeb ukoll insemmu li pajjiżna qed jesperjenza l-iktar rati baxxi ta’ qgħad, ċertifikat ieħor tal-għaqal tal-gvern. Riżultati bħal dawn inċentivaw il-konsum privat, fejn rajna tkabbir għal sena oħra filwaqt li juri li t-tkabbir ekonomiku qed jissarraf f’opportunitajiet aħjar għall-familji. Ma’ dan tajjeb ukoll ngħarfu ż-żieda fil-profitabbiltà tal-kumpanija u n-negozji. Din iż-żieda tgħin sabiex jibqà jiżdied l-investiment fl-ekonomija tal-pajjiż u tkompli żżid it-tkabbir tagħha.

 

Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija 2015.

Fuq nota differenti, nixtieq nifraħ lil Dylan Muscat għar-rebħ tal-premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija 2015 organiżżat mill-laboratorju tal-Paċi. L-azzjonijiet ta’ Dylan mal-ħabib tiegħu Kyle Agius żgur huma ta’ min japprezzahom u jgħatihom gieħ. Bħal Dylan, hawn ħafna żgħażagħ oħra li, bil-mod tagħhom, qed ikunu t’għajnuna għal min għandu sfidi partikolari f’ħajtu. Il-kultura tas-solidarjetà hija importanti li tkun ikkultivata minn età żgħira, għaliex fl-aħħar mill-aħħar kulħadd għandu bżonn lil xulxin.

 

Chris Balzia

Chris Balzia

 

14 Jun, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Hemm alternattiva?"