Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Id-Diversità: Niċċelebrawha!

Kitba ta’  Naomi Cachia, Uffiċjal Politiku FŻL

PRIDE2015-2

Ġimgħa ilu fakkarna il-Jum kontra l-omofobja u t-transfobja. M’għandix dubju, u dan aċċennajt għalih kemm il-darba anke f’artikli preċedenti, li l-Gvern tal-ġurnata qed jilleġisla b’mod eżemplari f’dan ir-rigward, fejn saħansitra fid-drittijiet LGBTIQ huwa ta’ mudell għal pajjiżi oħra. Dan jidher biċ-ċar mill-klassifikazzjoni li ħarġet l-assoċċjazzjoni ILGA-Europe, fejn Malta ġiet fit-tielet post minn 49 pajjiż Ewropew.

Minkejja dan, l-aktar riżultati importanti f’dan li-qasam iridu jiġu miksuba permezz tal-attitudni tagħna bħala soċjetà inklussiva li tilqa, u tiċċelebra, id-diversità. Ngħid dan għaliex inutli nkunu l-ewwel pajjiż li b’mod espliċitu ninkludu d-diskriminazzjoni abbażi tal-identità tal-ġeneru fil-kostituzzjoni jekk de facto fostna għad hemm ħafna individwi li ta’ kuljum qed jaffaċċjaw ċerta intolleranza jew mibgħeda.

Dan il-ħsieb nixtieq li nestendih għal kull forma ta’ diskriminazzjoni, speċjalment dik razzjali, li sfortunatament għadha viżibli ħafna. Ir-realtà ta’ pajjiżna ġabitna f’pożizzjoni fejn meta tissemma d-diskriminazzjoni razzjali, wieħed tiġih f’moħħu il-problema tal-immigrazzjoni; problema li tqajjem sentimenti ta’ rabja fost ħafna li jħossu li pajjiżna ilu għal snin sħaħ jerfa piżijiet li ma jiflaħx għalihom. U bir-raġun. Iżda dan għandu jkun argument separat u jkun qed jiżbalja min din ir-rabja jesprimiha permezz ta’ attakki personali lejn dawn in-nies. Huwa żball ħafna ikbar meta l-attakki jkunu purament razzisti u dawn, taħt l-ebda ċirkustanza, ma jistgħu jiġu ġġustifikati.

Ftit ġimgħat ilu kont ixxukjata nara ċerta kummenti fuq Facebook mimlijin mibgħeda, u bla ebda bażi sana jew iġġustifikata, indirizzati lejn Maltin fostna li jħadnu reliġjonijiet differenti. Nikkundanna bla riżervi dan l-aġir li ma jagħmel ġieħ lil ħadd. Dawn l-individwi – li għandi ngħid ukoll, huma l-minoranza – inqishom bħala pjaga f’pajjiż li dejjem qed isir iktar progressiv u poplu li minn dejjem kien ta’ qalb twajba.

Fid-dinja tal-lum huwa faċli wisq li wieħed jikteb dawn il-kummenti mill-kumdità ta’ daru. Il-linja bejn dan kollu u  l-libertà tal-espressjoni kull ma jmur qed issir iktar diffiċli biex tiddefinixxiha, iżda li hu żgur hu li l-ħsibijiet li nagħżlu li nesprimu għandhom ikunu inteligenti u maturi u mhux immotivati mill-preġudizzji; preġudizzji li ħafna drabi jagħmuna. Kull wieħed u waħda minnha huwa individwu, b’abiltajiet u esperjenzi li jiddefinixxuh.

Minkejja l-qafas leġislattiv li qiegħed fis-seħħ, ftit huma dawn ir-reati li jiġu rrappurtati. Nixtieq inħeġġiġkom sabiex ma tagħlqux għajn waħda meta tkunu xhud għal dan it-tip t’aġir. L-edukazzjoni u l-kampanji kontra d-diskriminazzjoni huma importanti ferm iżda fejn hu meħtieġ għandhom jittieħdu ukoll passi kriminali sabiex nassiguraw li jkollna soċjetà sikura għal kullħadd.

24 May, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Id-Diversità: Niċċelebrawha!"