Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Il-Brexit: x’effett se jħalli fuqna ż-żgħażagħ?

Kitba ta’ Jean Paul Gauci, Teżorier FŻL

It-23 ta’ Ġunju 2016 se jibqa’ mfakkar bħala jum storiku, mhux biss għar-Renju Unit, imma wkoll għall-Unjoni Ewropea. Ir-riżultat tar-referendum kien dak li jġiegħel lill-Gvern Ingliż japplika biex joħorġu l-pajjiż mill-Unjoni Ewropea. L-effett fuq is-swieq finanzjarji nħass mill-ewwel fejn il-lira Ingliża waqgħet għall-aktar livelli baxxi mill-1985; effett li qed jiġi msejjaħ ‘the most expensive divorce ever’.

L-akbar impatt li kellu r-riżultat tal-Brexit, wieħed jista’ jgħid li huwa fuq is-suq finanzjarju. Ġie kkalkulat li, mal-aħbar li l-vot kien għadda, madwar żewġ triljun dollaru Amerikan intilfu min fuq is-swieq finanzjarji. Din l-aħbar ħasdet lill-maġġoranza tan-nies, kemm dawk involuti f’dan ir-referendum, kif ukoll dawk li kienu passivi lejn ir-referendum u segwew kollox minn barra. Minkejja l-kritika u sentimenti negattivi li ħarġu biċ-ċar diversi drabi matul is-snin minn ċittadini tar-Renju Unit lejn il-UE, xorta waħda donnu kien hemm l-istennija li l-poplu Ingliż se jagħżel li jibqa’ jagħmel parti mill-Unjoni.

Wieħed mill-akbar effetti li jista’ jkollu l-Brexit fuqna ż-żgħażagħ huwa fil-qasam tal-edukazzjoni. Ammont konsiderevoli ta’ studenti Maltin u Għawdxin jattendu universitajiet Ingliżi biex ikomplu l-istudju terzjarju tagħhom. Sal-lum il-ġurnata, dawn iż-żgħażagħ kienu jħallsu l-istess tariffi bħall-istudenti Ingliżi u studenti oħra Ewropej. Dan minħabba l-fatt li wieħed ma jistax jiddiskrimina bejn studenti ta’ pajjiżi differenti li jagħmlu parti mill-UE.

Madankollu, wara l-Brexit, il-Gvern Malti jkollu jagħmel trattat dirett mal-Gvern Ingliż biex dan jibqa’ fis-seħħ. Bħala eksstudent li għamilt sena nistudja fl-Iskozja, l-effett ta’ dan nifhmu sew għax gawdejt minnu. Kollegi universitarji li għamlu l-kors fl-istess sena miegħi, li iżda mhumiex ċittadini tal-Unjoni Ewropea, kellhom iħallsu aktar mid-doppju tal-ammont li jien, bħala student Ewropew, kont mitlub inħallas.

Wieħed irid jistaqsi x’impatt se jkollu wkoll il-Brexit fuq iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li jaħdmu fir-Renju Unit. Dawn il-Maltin se jkollhom japplikaw għall-viża biex ikunu jistgħu jibqgħu jaħdmu hemm? Tkun sfortuna kbira għal dawn iż-żgħażagħ li, wara li jkunu telqu minn pajjiżhom biex jaħdmu ġo pajjiż ieħor tal-UE taħt l-arranġament tax-Schengen, ikollhom isibu modi oħra biex jibqgħu jaħdmu f’dak il-pajjiż.

Ammont konsiderevoli ta’ tobba jaħdmu fl-NHS li, tul din il-kampanja referendarja, kien fiċ-ċentru tal-attakk bejn iż-żewġ naħat. Wieħed ta’ min jistaqsi lill-Gvern Ingliż issa x’se jsir min dawn it-tobba li dejjem kienu hemm biex joffru servizz bla waqfien. Dawn se jitħallew ikomplu joffru s-servizzi tagħhom, jew inkella se jintbagħtu lura lejn pajjiżhom?

Ammont ta’ negozjanti, sal-ġurnata tal-lum, għad għandhom in-negozji tagħhom irreġistrati fir-Renju Unit. Minħabba l-fatt li l-Brexit se jġib fi tmiemu l-parteċipazzjoni fis-single market kif nafuh illum għar-Renju Unit, dawn in-negozji mhux se jkollhom l-istess faċilità li kellhom qabel, fejn jistgħu jqassmu l-prodotti tagħhom ma’ pajjiżi Ewropej bla ebda problema. Dan minħabba l-fatt li bħala pajjiż ir-Renju Unit se jkollu jilħaq ftehim mal-pajjiżi kollha Ewropej individwalment għat-tqassim tal-prodotti. Bħala persuna li naħdem fis-suq finanzjarju, tul din l-aħħar ġimgħa, smajt b’diversi kumpaniji, kemm kbar kif ukoll żgħar, li diġà qegħdin ifittxu li jmexxu xogħolhom ’il barra u jiftħu f’pajjiżi oħra, fosthom Malta stess.

Is-safar jista’ jkun ukoll li se jieħu daqqa ta’ ħarta kbira wara dan ir-riżultat. Sal-ġurnata tal-lum, il-Maltin li jsiefru lejn ir-Renju Unit m’għandhom bżonn l-ebda tip ta’ viża, però mal-ħruġ mill-Unjoni Ewropea jaf ikun hemm bżonn ta’ viżi għad-dħul fil-pajjiż. Ta’ min jgħid ukoll li, bħala pajjiż li jagħmel parti mill-Commonwealth, Malta taf tkun eskluża minn dawn ir-rekwiżiti.

Wieħed jista’ jikkonkludi li l-Brexit jista’ jkollu kemm effetti pożittivi kif ukoll negattivi fuq il-UE inġenerali, għalkemm bħalissa għad hemm inċertezza kbira. Se joffri sfidi ġodda li, jekk bħala pajjiż jaqbadhom minn qrunhom, effettivament ikunu pożittivi. Minkejja li l-Brexit se joħloq terremot u problemi sinifikanti fil-futur qrib, fil-futur imbiegħed jista’ joffri sfidi ġodda ta’ ċerta interess.

Jean-Paul Gauci

Jean-Paul Gauci

03 Jul, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Il-Brexit: x’effett se jħalli fuqna ż-żgħażagħ?"