Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Il-Futur taż-Żona Ewro

Kitba ta’ Kearon Bruno, Membru Uffiċjali FŻL

Nhar it-Tlieta li għadda kont guest speaker f’isem il-Forum Żgħażagħ Laburisti waqt dibattitu li sar fl-Università ta’ Malta imtella’ mill-għaqda studenteska JEF fejn ġew diskussi diversi kwistjonitijiet li jikkonċernaw lilna l-Maltin kemm bħala Ewropei kif ukoll bħala memrbi fiż-żona Ewro. Dawn jinkludu s-sitwazzjoni preżenti fil-Greċja u l-qagħda finanzjarja ta’ dan il-pajjiż, il-futur taż-żona ewro u anke fuq it-TTIP (li għal ħafna huwa kunċett ġdid għaliex ma tantx hemm informazzjoni dwarha.)

Id-diskussjoni fetħet bil-mistoqsija ta’ x’wassal għall-kriżi finanzjarja tal-elfejn u tmienja, u ta’ min kien it-tort; jekk hux tal-gvernijiet, il-mod ta’ kif jaħdem il-privat jew inkella l-attitudni tal-poplu. Jien sħaqt fuq il-punt li l-kriżi finanzjarja waslet sforz tal-kilba għall-flus u politika qarrieqa. L-oriġini tal-kriżi finanzjarja kienet fl-Istati Uniti fejn kien hemm ħafna avvenimenti li seħħew flimkien; fostom il-kollass u falliment tar-raba’ l-akbar bank tal-investimenti fl-Amerka – Lehman Brothers, il-prezzijiet tal-propjetajiet li tbaxxew f’daqqa u anke il-fatt li l-banek bdew iselfu b’mod xejn prudenti.

Sħaqt fuq l-irwol tal-gvernijiet f’din il-kriżi, għaliex kienu deċiżjonijiet żbaljati min-naħa tagħhom li wasslu għal dan l-effett, u li minħabba l-globalizzazjoni ġera anke sal-Ewropa. Il-gvernijiet immiraw għal-liberalizzazjoni tas-suq finanzjarju sabiex jagħtuhom aktar lok fejn jikbru iżda dan għarralhom. Alan Greenspan, li kien il-mexxej tal-Federal Reserve Amerikan qal “l-akbar żball li għamilt kien meta fdajt lil persuna umana” u dan għaliex il-libertà li kien hemm fis-settur bankarju ta lok għal abbużi kbar. Ovvjament il-kriżi finanzjarja Amerikana waslet sabiex l-investituri Ewropej ukoll jitħasbu dwar il-flus tagħhom u saħansitra rajna banek, fosthom Northern Rock, li fallew għax ma laħqux mal-ammont ta’ ħruġ ta’ flus mill-bank tiegħu. Dan juri dak li fl-ekonomija insejħulu ‘Ripple effect’ jew ‘Domino effect’, fejn il-kwistjoni tal-bank Lehman Brothers tefgħet dell ikrah fuq is-sistema bankarja dinjija.

Fl-Ewropa dan beda bi kriżi fil-banek li ġew mejjuna mill-flus tal-poplu permezz tat-taxxi u evolva fil-kriżi Ewropea fejn stajna naraw pajjiżi bi djun kbar. Tant kienet sitwazzjoni diffiċli li saħansitra kellu jintervjeni l-bank ċentrali Ewropew sabiex jipprovdi bailouts lil 4 pajjiżi fostom il-Greċja. Dan jitfà dawl fuq id-differenzi ekonomiċi li juru l-qasma bejn il-pajjiżi ta’ fuq u dawk t’isfel li avolja differenti totalment minn xulxin, xorta jagħmlu parti mill-istess żona tal-Ewro.

Id-diskussjoni kompliet billi sħaqna li l-kriżi tal-Ewro għadha ma għaddietx avolja nistgħu naraw aktar stabilità minn qabel. Il-problemi preżenti huma; ir-rata ta’ qgħad li għadha għolja ħafna, il-biża min-naħa tal-entrapriżi u l-konsumaturi sabiex jissellfu aktar wara li ġara fis-snin ta’ qabel u anke il-fatt li aktar restrizzjonijiet fuq il-banek qed iwasslu sabiex dawn inaqsu l-ammont ta’ self tagħhom peress li issa huwa marbut mal-ammont ta’ kapital miżmum mill-bank.

Il-kwistjoni Griega tmur oltre mill-kriżi finanzjarja u l-bailout li ġie mogħti lilhom. L-Unjoni Ewropea u ż-żona Ewro kellhom għan wieħed f’moħħhom; dak li jikbru bħala nazzjonijiet. Il-Griegi babsu l-finanzi tagħhom sabiex jissodisfaw id-dħul fiż-żona Ewro u in-nuqqas ta’ superviżjoni min-naħa taż-żona Ewro wassal sabiex għal bidu ħadd ma nduna li l-Griegi mifnijin bid-dejn. Il-fatt li l-Griegi issa kellhom il-munita Ewro wassal sabiex dan ta lok għal infieq enormi minħabba l-fatt li l-munita Ewro kienet aktar b’saħħitha u anke setgħu jieħdu imaxxijiet baxxi ħafna. L-infieq kien wieħed fi proġetti li ma jrendux tkabbir ekonomiku (terminu li fl-ekonomija insejħulu ‘white elephant projects’). Dan nistgħu narawh meta l-Griegi ospitaw il-logħob olimpiku fejn intefqu biljuni ta’ liri fi stadiums li llum il-ġurnata spiċċaw mitluqa u fi stat ħażin ħafna. Dan kompla jitfà l-pożizzjoni finanzjarja tal-pajjiż lura sakemm faqqgħet

il-kriżi finanzjarja li wriet il-vera qagħda tal-pajjiż Grieg. Il-fatt li l-Griegi aċċettaw il- bailouts ifisser li dawn kellhom joqgħodu għal dak li ż-żona Ewro imponiet fuqhom fosthom miżuri ta’ awsterità. Fil-25 ta’ Jannar ta’ din is-sena, għall-ewwel darba fl- istorja tal-Greċja ġie elett il-partit Syriza fejn il-prim ministru l-ġdid Alexis Tsipras telà fuq il-mandat li jieħu ħsieb il-kwistjoni tal-bailout u anke juri li l-miżuri ta’ awsterità imposti fuq il-poplu Grieg ma wasslu mkien iżda komplew ikisru l-ekonomija Griega. Is-sitwazzjoni Griega bħalissa hija riżultat ta’ deċiżjonijiet żbaljati minn amministrazzjonijiet preċedenti li issa qiegħed ibgħati għalihom iż-żgħir. B’hekk jidħol l-aspett uman ta’ kif ser nikkontrollaw din il-kwistjoni mingħajr ma nkomplu ngħafġu lill-poplu Grieg. Yanis Varoufakis, il-ministru tal-finanzi Grieg qiegħed jitlob mhux li jinħafer id-dejn iżda li jkun hemm pjan ġdid fuq l-aspett ‘keynesian’ li jerġa’ jqajjem fuq tagħha l-ekonomija Griega u mhux l-miżuri ta’ awsterità. Saħaq ukoll fuq il-fatt li jekk il-Greċja kellha titlaq miż-żona Ewro, dan jagħti lok sabiex pajjiżi oħra jagħmlu l-istess u dan iwassal għat-tmiem tal-Ewro. Personalment nemmen li pajjiżi oħra joħorġu miż-żona Ewro diment li l-Greċja tavvanza l-quddiem waħedha u l- probabiltà li dan jiġri huwa minimu ħafna. B’hekk jidħol l-aspett uman fejn għandna niftakru fil-poplu Grieg f’dan iż-żmien diffiċli. Nemmen ukoll li ma għandux jinħafer id- dejn iżda naqbel ma’ Varoufakis li għandu jkun hemm pjanijiet ġodda li jippromovu tkabbir ekonomiku.

Din il-kwistjoni twassal fis-suċċess li l-unjoni monetarja kellha fiż-żona Ewro u tqajjem il-punt li ma jistax ikollok pajjiżi b’ekonomiji differenti għall-aħħar li jħadnu l-istess munita. Bid-dħul fiż-żona Ewro, pajjiż iċedi maġġoranza mis-sovranità monetarja lill-bank ċentrali Ewropew u dan ifisser li issa l-pajjiż ma jistax inaqqas il-valur tal-munita sabiex iżid il-kompetittività. Fl-aħħar ta’ dan id-dibattitu ħarisna lejn it-TTIP u iddiskutejna kemm il-vantaġġi u anke kwistjonijiet li għadhom mhux ċari f’dan ir-rigward. ‘Free trade’ huwa fattur li jwassal għal tkabbir ekonomiku li miegħu iġib nuqqas fil-qgħad, u anke titjib fil- kundizzjonijiet tax-xogħol. Riċentament l-Ewropa ffirmat ftehim għall-kummerċ mal- Korea t’isfel fejn rajna żieda fl-ammont tal-esportazzjonijiet lejn dan il-pajjiż. Uħud mil-kwistjonijiet li jitfgħu dell ikrah fuq it-TTIP huma n-nuqqas ta’ trasparenza, l-ISDS u anke il-kwistjoni ta’ saħħa b’xejn. Fir-rigward tal-ISDS, dan jagħti ċertu saħħa lill-korporazzjonijiet fuq il-gvernijiet. Dan stajna narawh fil-Ġermanja fejn kumpanija

Svediża li tipproduċi enerġija nukleari qegħda tfittex lill-gvern Ġermaniż għal danni ta’ biljuni ta ewro għal fatt li dan il-gvern waqqaf kull tip ta’ enerġija nuklejari wara d-diżastru ta’ Fukushima fil-Ġappun. Min-naħa ta’ saħħa b’xejn il-kummisjoni serħet ras il-pubbliku meta qalet li dan mhux parti mit-TTIP.

02 Feb, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Il-Futur taż-Żona Ewro"