Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

IL-ĦIDMA TKOMPLI

Kitba ta’ Bryony Bartolo, Segretarja Ġenerali FŻL 

Waslet laqgħa ġenerali annwali oħra għall-Forum Żgħażagħ Laburisti li jfisser li għaddiet sena oħra. Sena oħra ta’ ħidma li, minkejja li ma rat ebda kampanja għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, xorta waħda kienet sena impenjattiva. Kienet sena li matulha l-għaqda ddedikat il-ħidma tagħha għall-operat intern u ffukat fuq il-membri tagħha. Huma l-membri li fl-aħħar mill-aħħar jagħtu l-ħajja lil din l-għaqda u għalhekk, f’sena li forsi kienet ftit kwieta mill-ħidma politika elettorali, l-għaqda setgħet aktar tiddedika ħin lil membri tagħha li b’mod jew ieħor dejjem kienu attivi, minkejja li forsi huwa żmien fejn l-attiviżmu politiku ikun xi ftit kwiet.

Għaldaqstant, l-għaqda ħasset li dan kien il-mument li fih niddedikaw ftit ħin sabiex inkattru l-ħiliet tal-membri tagħna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħiliet li dawk l-aspiranti politiċi żgur isibu ta’ għajnuna. Għal dan il-għan tellajna seminar li matulu sar taħriġ rigward il-ħsieb kreattiv u kitba aktar effettiva. B’mod aktar intensiv saru wkoll sensiela ta’ sessjonijiet fuq public speaking, ħsieb kreattiv, kitba u użu effettiv tal-midja soċjali. Dan it-taħriġ ingħata minn esperti fil-qasam sabiex il-membri tagħna jkomplu jkabbaru l-għarfien tagħhom u b’hekk dejjem inwasslu l-messaġġ tagħna b’mod aħjar, speċjalment fejn jidħlu kampanji mhux biss ta’ elezzjonijiet imma anke kampanji dwar policies differenti.

Barra minn hekk, ma naqsux ukoll l-attivitajiet politiċi, bl-akbar attivita tkun #askjm, laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat li rat għadd ta’ għaqdiet taż-żgħażagħ jingħaqdu fi Pjazza Kastilja sabiex jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom lil Prim Ministru fuq oqsma t’interess għaż-żgħażagħ prezenti u jaqsmu l-ideat tagħhom. L-għaqdiet preżenti kienu kemm dawk studenteski kif ukoll oħrajn li jirrappreżentaw iż-żgħażagħ f’kull qasam ieħor. Kienet attività ta’ sodisfazzjoni għax għall-ewwel darba irnexxielna ngħaqqdu dawk l-għaqdiet kollha f’post wieħed minkejja l-opinjoni politika differenti.

Ma naqsux ukoll l-interventi tal-għaqda fuq diversi temi politiċi. Fost l-aktar temi jaħarqu li semmet leħinha l-għaqda żgur li kien hemm dik tal-Morning-After Pill. Fil-fatt, l-FZL saħqet favur id-dritt li kull mara Maltija u Għawdxija tingħata d-dritt ta’ aċċess ħieles għall-Morning-After Pill. Fuq kollox l-għaqda emmnet li l-edukazzjoni għandha tilgħab parti importanti f’dan kollu.

Tkellimna wkoll favur bidla fir-regolamenti tal-għoti tad-demm minn persuni omosesswali b’kampanja “Ilkoll għandna l-istess Demm”. L-għan ta’ din il-kampanja qasira kien li naħdmu favur it-tneħħija tal-projbizzjoni li ma tħallix irġiel li jkollhom x’jaqsmu sesswalment ma’ rġiel oħra jagħtu d-demm. Din il-pożizzjoni ttieħdet wara li rriċerkajna każijiet tal-Qorti Ewropea li ddeskriviet din il-projbizzjoni bħala waħda li tikser il-prinċipju tal-proporzjonalità, dan wara li tabib Franċiż irrifjuta donazzjoni tad-demm mingħand Geoffrey Leger fl-2009 abbażi li dan kellu relazzjoni sesswali ma’ raġel ieħor.

Se nkunu qed nagħtu ħarsa lejn ħidmet l-għaqda waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali li ser issir nhar il-Ħamis 16 ta’ Marzu fis-6.30pm ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun, li matulha se jkun qed jindirizza ż-żgħażagħ il-Prim Ministru Joseph Muscat. Żgur li dawn l-attivitajiet kollha ma setgħux ikunu ta’ suċċess mingħajr il-ħidma kollettiva li bl-enerġija u bl-entużjażmu l-membri dejjem kienu parteċipi fl-attiviatjiet. Huwa dan li jagħti saħħa lill-għaqda sabiex tibqa’ mixja ’l quddiem fil-ħidma tagħha favur iż-żgħażagħ. Ħidma sabiex filwaqt li tagħti l-appoġġ tagħha lill-Gvern fil-ħidma siewja tiegħu, tkun ukoll il-mutur ta’ ideat ġodda li jtejbu l-ħajja tagħna billi tisma’ u tifhem liż-żgħażagħ sabiex l-aspirazzjonijiet tagħna ż-żgħażagħ u l-ideal ta’ Malta li rridu ngħixu fiha tkompli ssir realtà.

Bryony Bartolo

Bryony Bartolo

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

05 Mar, 17

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "IL-ĦIDMA TKOMPLI"