Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Il-Monumenti Ħajjin tal-Perit

Kitba ta’ Georvin Bugeja, Uffiċjal Informazzjoni FŻL

“…il- Perit Mintoff huwa simbolu ta’ entużjażmu u enerġija sabiex fil-ħajja ma taqta’ qalbek qatt”
 
Il-Ħamis l’għadda kienet iċċelebrata l-festa tas-Salvatur, kif ukoll il-Jum li fih twieled l-akbar statista tal-Gżejjer Maltin fl-istorja politika tagħna. Il-Perit Duminku Mintoff, magħruf bħala s-Salvatur ta’ Malta (u għax ma qablux miegħu mgħajjar traditur) li twieled fis-6 ta’ Awwissu tal-1916 fit-toroq dojoq ta’ Bormla, belt li spiratu sabiex jaħdem għal min kien bagħtut, jibqa fil-qlub ta’ dawk kollha li  b’xi mod jew ieħor esperjenzaw jew inkella qed igawdu mill-politika li Mintoff kien ħaddan tul iż-żmien li serva lill-poplu kemm permezz tal-Partit Laburista, kif ukoll matul is-snin tiegħu  bħala Prim Ministru ta’ Malta. Mhux neċessarjament taqbel mal-istil li bih kien jieħu d-deċiżjonijiet hu, iżda wieħed ma jistax jiċħad li fid-deċiżjonijiet li affaċċja prova, bħal m’għandhom jagħmlu l-politiċi kollha, iżomm l-interess ta’ “Malta l-ewwel u qabel kollox”.Bħala żagħżugħ Bormliż, ma nistax ma nirrimarkax kif il- Perit Mintoff huwa simbolu ta’ entużjażmu u enerġija sabiex fil-ħajja ma taqta’ qalbek qatt, tibqa’ tħares ‘il quddiem u b’determinazzjoni  tasal fejn dejjem tixtieq, imma fuq kollox iżżomm il-valuri u l-prinċipji li jsawwruk f’kull deċiżjoni li tiehu.

 

Forsi matul iż-żmien il-mentalità ta’ ġeneralizzazzjoni u stigma fost il-poplu naqset xi ftit, għalkemm nemmen li aktar integrazzjoni fost iċ-ċittadini ta’ dawn il-gżejjer hija ċ-ċavetta sabiex ħadd ma jħoss li  jeżistu nies li ġejjin minn lokalitajiet tat-tielet dinja meta qed ngħixu f’pajjiż daqstant ċkejken li, sfortunatament, ta’ sikwiet nippruvaw naqsmuh f’żewġ partijiet differenti li jiddistingwu minn xulxin.

 

Bħala żagħżugħ li ġej minn lokalità li għal snin twal ingħatat dejjem il-ġenb u  kienet dejjem midfuna taħt problemi soċjali li ġabet magħha s-sistema ta’ housing f’pajjiżna, inħoss li  dak li ġġieled għalih il-Perit Mintoff, biex jeqred il-faqar u l-injoranza, mhux neċessarjament komplejna nibnu fuqu matul is-snin li segwew. Inħoss li bħalma kien dan il-fatt li qabbad in-nar sabiex nibda naħdem u nara kif nista’ nwassal il-vuċi għal min m’għandux permezz tal-involviment tiegħi f’diversi għaqdiet fosthom il-FŻL, l-istess esperjenza għaddha minnha il-Perit u għalhekk inħoss li nista’ nifhem ftit mill-ħsibijiet soċjali li kellu Mintoff, minkejja li m’għextx taħt it-tmexxija tiegħu bħala Prim Ministru jew meta serva bħala Ministru fil-kabinett ta’ Boffa.

 

Illum–il ġurnata qed ingawdu minn diversi beneffiċċji soċjali, fosthom il-pensjonijiet, u diversi għajnuniet oħra partikolarment għal min hu l-aktar vulnerabbli, iżda ftit nirrikonoxxu li  ħafna minn dan kollu beda grazzi għall-viżjoni li kellu l-Perit. Nazzarda ngħid li l-ebda Monument ieħor ma jagħti ġiħ lil Dom Mintoff daqs dawn il-monumenti ħajjin li jibqgħu simbolu tiegħu għal dejjem.

 

Madanakollu minajr ma niġġeneralizza, il-ġenerazzjoni żagħżugħa xi waqtiet ma tapprezzax biżejjed il-viżjoni li kellu Mintoff għall Malta u taqta’ l-kejl fuq l-istil tat-tmexxija li kien iħaddan jew inkella tiġġudikah biss fuq id-deċiżjonijiet li fid-dawl tas-soċjetà li qed ngħixu fiha llum jidhru li kienu żbaljati.

 

Jaf li minħabba li trabbejna f’soċjetà aktar żviluppata xi waqtiet nieħduha for granted li kellu jkun persuna b’viżjoni li trid tara lil Malta tal-Maltin, immexxija minn niesha, soċjetà li tkun ugwali fost uliedha, fejn d-diżabbli ma jibqgħux meqjusa bħala diżunur, fejn in-nisa jkollhom l-istess drittijiet f’soċjetà demokratika, fejn tal-klassi tal-ħaddiem ikollhom l-opportunità biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom biex lil uliedhom ikunu jistgħu ituhom l-edukazzjoni xierqa, fejn l-omosesswali jkunu jistgħu jgħixu f’soċjetà li ma tqishomx kriminali. Illum il-ġurnata wasalna? Fadal ħafna aktar xi jsir, iżda diffiċli nifhmu, bħala żgħażagħ, li biex Mintoff wettaq il-viżjoni tiegħu, hu u ta’ madwaru mhux darba jew tnejn kienu mkassbra.

 

Nagħlaq bil-kliem li kien qalli l-Perit, ftit snin qabel miet meta kont iltqajt miegħu fix-Xatt ta’ Bormla, “Ibqa’ għożż il-valuri tiegħek u qatt tinsa’ minn fejn bdejt”.

 
 
 
 
 
Georvin Bugeja

Georvin Bugeja

 
 
09 Aug, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Il-Monumenti Ħajjin tal-Perit"