Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Il-Morali tal-Partit Nazzjonalista

Kitba ta’ Dr. Alex Saliba, President FŻL

Meta ġimgħa ilu kont qed nisma l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bdejt ngħid bejni u bejn ruħi: dan il-Partit illum verament spiċċa l-Partit tal-kontradizzjonijiet. Partit bi storja riċenti li jixtieq jaħbiha b’kull mod possibbli billi jimmina lil kull min jiftaħ ħalqu u fl-istess ħin Partit li jrid ipinġi lilu nnifsu bħala l-Partit tal-Onestà, il-Partit li llum qiegħed saħansitra jilgħaba tal-Partit Ambjentali f’pajjiżna!

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ partit għatxan għall-poter li lest jikkontradixxi l-metodu politiku riċenti tiegħu sabiex jattakka b’kull mod possibli lill-Gvern biex mingħalih jirbaħ lura n-nagħaġ mitlufa. Partit li jitwerwer malli jara l-investiment ġej lejn pajjiżna, Partit li saħansitra jasal juża l-fora internazzjonali sabiex jattakka lil pajjiżu sabiex mingħalih itellef il-ħidma tal-Gvern preżenti. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-Partit li uża flus il-poplu sabiex jirbaħ il-voti, jibqa’ l-Partit li ta maħfra inkondizzjonata lil kumpanija ewlenija li kienet tqabbdet tibni l-isptar Mater Dei; kumpanija li kieku llum kien ser ikollha tispiċċa tħallas madwar 30 miljun ewro sabiex l-isptar State of the Art li ħallielna b’wirt Gvern Nazzjonalista isir sigur għall-pazjenti Maltin u Għawdxin li jagħmlu użu minnu.

Gianluca u l-KSU

Matul dan il-Kunsill Ġenerali nemmen li ħareġ biċ-ċar punt prinċipali wieħed; dak li l-element arċi-konservattiv fi ħdan il-Partit Nazzjonalista b’ Simon Busuttil fit-tmun issaħħaħ aktar. II-Partit Nazzjonalista spiċċa juża żagħżugħ sabiex imexxi l-quddiem l-aġenda konservattiva tiegħu, sinjal ċar li jekk dan il-Partit spiċċa maħnuq saħansitra mill-faxxa żgħażugħa tiegħu b’elementi konservattivi aħseb u ara x’ vizjoni għandu fi strutturi u faxex oħra tal-Partit.

Kullħadd għandu d-dritt jesprimi l-opinjoni politika tiegħu b’libertà sħiħa f’pajjiżna u l-eks ambaxxatur Malti għall-Eurovision kellu l-istess dritt sagrosant sabiex jagħmel dan waqt il-Kunsill Ġenerali. Pero’ Gianluca jrid jifhem li għal dak li tgħid trid terfa’ responsabilità. Id-diskors tiegħu kien wieħed li jrid jerġa jitfa l-pajjizna 100 sena lura f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet ċivili u l-minoritajiet. Kien ċar fi kliemu u l-ebda stqarrija fuq siti soċjali mhu ser jibdlu l-kliem li uża meta appella lill-Gvern sabiex ma jkunx populista billi jmexxi l’quddiem liġijiet għall-minoritajiet f’ pajjiżna. Għal liema leġislazzjoni beda jirreferi Gianluca jekk mhux għall-liġi tal-Unjoni Ċivili u dik dwar l-Identità tal-Ġeneru? Żewġ liġijiet li mexxa l’quddiem dan il-Gvern bi kburija u b’ konvinzjoni għaliex għalina m’ għandhux ikun hemm ċittadini tal-ewwel u tat-tieni klassi!

Rajna wkoll lill Gayle Lynn Callus, il-President attwali tal-KSU jkaxkar miegħu l-għaqda li suppost tirrappreżenta lill-istudenti universitarji Maltin kollha. Simon Busuttil spiċċa jinqeda b’dan il-Kunsill, li għalkemm magħmul kollu kemm hu mill-għaqda tal-istudenti Nazzjonalisti l-SDM xorta waħda għandu jaġixxi l’fuq mill-politika, u jara li jkun rappreżentattiv tal-istudenti Maltin kollha, Laburisti u Nazzjonalisti. Spiċċajna bil-Kunsill tal-Istudenti Universitarji jattakka proġett li ser ikun qed isaħħaħ il-valur edukattiv f’pajjiżna; proġett li ser ikisser il-ktajjen tal-monopolju akkademiku li għandha l-Università ta’ Malta. Il-poplu tagħna, jgħid x’jgħid il-Partit Nazzjonalista, irid jara l-investiment barrani riesaq lejn pajjiżna; il-poplu tagħna jrid jara lin-naħa t’isfel ta’ Malta tqum fuq saqajha u tibda tgawdi hi wkoll mill-investiment barrani li sa ftit snin ilu kien għadu qisu jappartjeni biss lin-naħa ta’ fuq ta’ pajjiżna.

 

Simon u l-Whistleblower

Għalkemm il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jipprova jilgħaba tal-paladin tal-onestà jidher biċ-ċar li l-passat reċenti tal-Partit tiegħu qed idejqu mhux ħażin. Rajnih jitlef kull sens ta’ raġuni meta spiċċa ħareġ qatt bla ħabel jattakka lill-ewwel persuna li ingħata protezzjoni taħt il-Whistleblower Act. Spiċċa tant ippanikja li għamel protest ġudizzjarju kontra dan ix-xhud ewlieni fil-każ kontra r-raġel tal-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono. Attitudni ċara li ntużat sabiex tipprova tindimida lil dan ix-xhud ewlieni u kif wkoll lil persuni oħra li fil-futur jistgħu jużaw din l-istess liġi sabiex il-politiċi tagħna jitpoġġew ukoll taħt il-lenti tal-ġudizzju tal-qrati tagħna.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ġie mgiddeb b’mod ċar u inekwivoku minn dan ix-xhud ewlieni li qal ċar u tond li Busuttil l-unika soluzzjoni li tah meta mar ikellmu xhur ilu fl-uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali kienet dik li ma setgħax jifhem kif baqa’ jagħmel dan ix-xogħol meta kien jaf li l-Partit Nazzjonalista kien ser jitlef l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss. Veru raġunament denju ta’ Kap tal-Oppożizzjoni ta’ pajjiżna; mur immaġinah li kieku l-poplu kellu jtih il-fiduċja u jibda jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu fuq din l-istess linja ta’ ħsieb!

Simon u l-Konkos

Żgur pero’ li matul dawn l-aħħar jiem l-aktar każ li xxokkja kien dak li jirrigwardja l-konkos użat fil-bini tal-isptar Mater Dei; proġett li sewa lil pajjizna madwar 600 miljun ewro u li issa sforz tal-inkompetenza ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti ser ikollna noħorġu madwar 30 miljun ewro oħra minn butna sabiex isiru t-tiswijiet neċċessarji biex dan l-isptar ikun verament siġur għall-pazjenti Maltin u Għawdxin kollha.

Qalilna l-Kap tal-Oppożizzjoni li la ma waqax s’issa dan l-isptar State of the Art, 20 sena wara li nbena allura huwa mibni fuq pedament tajjeb u m’għandux ikollna problemi – saħansitra iddeskriva r-rapport tal-kumpanija barranija li tqabdet sabiex tagħmel it-testijiet fuq l-istruttura bħala tattika li uża l-Partit Laburista biex jirbaħ il-voti. Jien ngħid ħaġa waħda biss; mhux ta’ b’xejn il-Helipad kellu jinbidlilha l-post oriġinali tagħha u ma ssirx fuq l-istruttura tal-istess sptar! Kienet attitudni verament inkompetenti dik tal-Gvern preċedenti li minkejja li kien jaf b’dawn il-problemi strutturali kollha, baqa’ xorta waħda b’fommu sieket u sabiex jgħatti xturu pperikola tant ħajjiet ta’ pażjenti Maltin u Għawdxin. Dak huwa l-valur tal-Onestà li Simon Busuttil qed jiftaħar bih!

It-Triq ‘il quddiem

Dan il-Gvern, perfett m’huwiex. Żbalji jagħmel u qatt ma pruvajna nilgħabuha tal-perfetti u l-invinċibbli kif tipprova tagħmel l-Oppożizzjoni. Għandna fina sens ta’ umiltà sabiex nammettu meta niżbaljaw u nippruvaw nikkoreġu l-iżbalji tagħna, dan huwa l-element prinċipali li qed iwassal sabiex il-poplu jibqa’ jafda lil dan il-Partit.

It-triq mhix waħda faċli u bħala Gvern għandna nkomplu naħdmu sabiex inkomplu nressqu aktar investiment barrani dirett lejn pajjiżna; għandna nkomplu nieħdu deċizzjonijiet kuraggużi sabiex ngħatu kwalità ta’ ħajja lill-minoritajiet kollha f’ pajjiżna. Għandna nkompu naraw li dawk iż-żoni li tħallew fi stat dilapitat, speċjalment fin-naħa t’isfel ta’ pajjiżna ngħatuha tama u ħajja ġdida b’aktar investiment u aktar attività ekonomika. Dawn huma l-elementi prinċipali li qed jagħmlu lil poplu tagħna aktar ottimist għall-futur tiegħu. S’issa wettaqna ħafna, pero’ jekk l-Oppożizzjoni ħasbet li f’nofs it-tiġrija ser naqtgħu nifisna, sejra żbaljata bil-kbir!

_AD_6708

Alex Saliba

31 May, 15

 

 

latest comments

There are 1 comment. on "Il-Morali tal-Partit Nazzjonalista"

 

  • Nicky Azzopardi

    Kliem semplici min bniedem semplici.