Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Il-Morning- After Pill

Kitba ta’ Bryony Bartolo, Segretarja Ġenerali FŻL

“Mill-kummenti ta’ diversi individwi jidher li m’hawnx biżżejjed informazzjoni dwar dan is-suġġett. Barra minn hekk, għadu trattat bħala tabù u għalhekk għandu jkun hemm aktar għarfien…”

F’dan l-aħħar ġranet diskussjoni li kienet fuq fomm kulħadd hi dik tal-Morning-After Pill. Dan wara li grupp ta’ nisa ressqu protest ġudizjarju quddiem il-Qorti ta’ Malta li fih talbu li tiġi liċenzjata u rregolata il-Morning-After Pill f’pajjiżna. Dan hekk kif Malta rrattifikat konvenzjonijiet, fosthom il-Konvenzjoni dwar l-eleminazzjoni tad-diskriminazzjoni kontra l-mara, li jagħtu dritt lil mara tippjana l-familja tagħha. Iżda, minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għall-Morning-After Pill, dan ma jistax iseħħ.

Konsegwentament, kienu bosta organizzazjonijiet u individwi li esprimew l-opinjoni tagħhom kontra jew favur dan il-kontracettiv. Lil hinn minn jekk hux kontra jew favur l-użu tal-Morning-After Pill, wieħed jinnota l-bżonn kbir ta’ edukazzjoni dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva inġenerali. Huwa minnu li dan is-suġġett jiġi mgħallem fl-iskejjel sekondarji waqt il-PSCD jew ix-Xjenza iżda jidher ċar li mhux biżżejjed. Mill-kummenti ta’ diversi individwi jidher li m’hawnx biżżejjed informazzjoni dwar dan is-suġġett. Barra minn hekk, għadu trattat bħala tabù u għalhekk għandu jkun hemm aktar għarfien saħansitra minn etajiet aktar żgħar. Iżda huwa importanti li dan it-tgħalim isir b’mod li l-istudent janalizza l-fatti u jkun kapaċi jasal għal konkluzjoni hu dwar is-suġġett.

Għaldaqstant, l-informazzjoni li tingħata lil pubbliku għandha tkun waħda veritiera u riċerkata. M’għandhiex tkun waħda qarrieqa jew immirata biex tnissel biża’ fil-pubbliku. Fost dawn il-kummenti qarrieqa nsibu kummenti li l-Morning-After Pill hi abborttiva, kumment li ġie anke nnegat mill-Profs Serracino Inglott, Chairman tal-Awtorità tal-Mediċini. Hawnhekk tidħol responsabiltà tal-organizzazjonijiet u għaqdiet li joħorġu stqarrijiet u jitkellmu fuq dan is-suġġett fil-pubbliku. Ir-rwol ta’ dawn ghandhom ikunu li jqassmu argumenti riċerkati u mhux jippruvaw ipinġu sitwazzjoni differenti milli verament hi b’referenza għal informazzjoni li ħadd ma jkun jaf minn fejn inkisbet. Għandha tiġi rrispettata l-intelliġenza tal-poplu li m’għadux jemmen lil kull min jipprova jbeżża’ bil-babaw. Barra minn hekk, fl-2016 filwaqt li Malta kellu jsir dan il-protest ġudizzjarju biex titqajjem diskussjoni fuq il-Morning-After Pill, f’pajjiżi oħra Ewropej dan il-kontraċettiv jinxtara over-the-counter mill-farmaċiji. Dan ikompli juri biċ-ċar kemm dawn is-suġġetti għandhom jiġu aktar diskussi b’mod apert u analitiku.

Diversi argumenti kontra l-Morning-After pill huma bbażati fuq il-moralità. Filwaqt li għandha tiġi rrispettata l-moralità ta’ kull individwu, l-istess moralità m’għandhiex tkun użata b’konvenjenza. Ġaladarba l-Morning-After pill tkun għall-bejgħ fil-farmaċiji, l-użu tagħha mhu ħa jkun impost fuq ħadd, iżda sempliċiment tkun aċċessibli għal min irid jużaha bħala kontraċettiv. Huwa ghalhekk li l-moralità m’għandhiex isservi ta’ impediment fuq id-drittijiet tal-mara.

Għalhekk li nerġa’ nisħaq fuq l-importanza ta’ edukazzjoni ħolistika f’dan il-qasam sabiex kull individwu jkun kapaċi jasal għall-aħjar deċiżjoni għalih. Il-libertà mhix kollox u għalhekk l-informazzjoni u t-tgħalim għandhom jgħinu lill-individwu jgħarfu x’inhuma l-obbligi tiegħu ukoll. 

Madanakollu jrid ikollna soċjetà li taħdem favur il-libertà ta’ kull indivdwu u li tirrispetta din l-istess libertà.

Bryony Bartolo

Bryony Bartolo

26 Jun, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Il-Morning- After Pill"