Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Il-pass li jmiss għall-prokreazzjoni assisstita f’ Malta?

Kitba ta’ Thea Leigh Micallef, Membru FŻL.

Fl-2012, il-Parlament Malti approva l-Att Dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni li essenzjalment introduċiet leġiżlazzjoni li tirregola l-għoti ta’ servizz ta’ fertilizzazzjoni assistita għall-koppji bi problemi ta’ konċepiment.

F’Ottubru 2013, dan is-servizz ġie estiż għall-Isptar Mater Dei hekk kif qabel dan is-servizz kien disponibbli biss fl-isptarijiet privati. Il-Gvern issa qed jipprovdi servizz tal-IVF b’xejn għalkemm koppji interessati xorta jkollhom jġorru l-piż sostanzjali tal-ispejjeż ta’ medikazzjoni qabel ma jgħaddu għal tali proċedura.

Għalkemm dan kien pass kbir biex jingħata rimedju lil dawk il-koppji li ma jistgħux ikollhom it-tfal b’mod naturali, xorta għad hemm lok għal ħafna iktar avvanzi.
L-ewwelnett, l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni toħloq diskriminazzjoni bbażata fuq orjentazzjoni sesswali u l-istatus konjugali. Hija tiddefinixxi “ġenitur prospettiv” bħala “wieħed jew waħda minn żewġ persuni tas-sess oppost li huma marbutin bir-rabta taż-żwieġ, jew li jkunu laħqu l-età maġġuri u li huma f’relazzjoni stabbli ma’ xulxin.”

Minkejja l-fatt li l-leġiżlatur ried li jiżguraw li t-tfal jkunu mrobbija fl-aħjar kundizzjonijiet, dan l-Att imur kontra kemm in-natura progressiva tal-Gvern preżenti u r-realtà tas-sitwazzjoni illum il-ġurnata.

Hija realtà li l-ġenituri waħedhom jeżistu u dan ma bl-ebda mod ma jista’ jnaqqas mill-imħabba li l-ġenitur waħdu jista’ jagħti lit-tfal tiegħu. L-istess japplika fir-rigward ta’ koppji omosesswali li issa ġew konċessi d-dritt tal- unjonijiet ċivili, dritt li qabel kien miċħud. Dan ma jikkwalifikawx bħala “żwieġ” jew “relazzjoni stabbli” ma’ xulxin a termini tal-Att?

Jekk Malta qed timmira biex issir Stat progressiv u inklużiv hemm bżonn li din il-liġi tiġi emendata sabiex dawn iż-żewġ inġustizzji, fost oħrajn, jkunu indirizzati.

Ninsab ċerta li l-Gvern għandu kull intenzjoni li din il-lakuna fil-liġi Maltija tkun indirrizata biex b’hekk drittijiet ċivili jkun jista’ jgawdi minnhom kull individwu.
Bħala riżultat tal-fatt li proċedura IVF tista’ tintuża biss minn “koppji” li jkollhom problemi bil-konċepiment tat-tfal, din xorta ma tipprovdix soluzzjoni għal dawk il-koppji li huma infertili hekk kif l-liġi tipprojbixxi t-trasferiment jew donazzjoni ta’ l-isperma jew bajd jew li mara oħra tkun ta’ sostitut għall-omm.

Dan effettivament ixxekkel kompletament il-possibilta’ li ġenituri waħedhom u l-koppji omosesswali jużaw l-IVF biex ikollhom it-tfal.
Kontroversja li hija possibilment ikbar minn din giet diskussa fir-Renju Unit fejn il-Parlament Ingliz  approva liġi ġdida li tirregola l-ħolqien ta’ trabi b’DNA minn żewġ nisa u raġel wieħed – magħrufa bħala “three-parent babies”, din hija l-ewwel liġi ta’ dan it-tip fid-dinja.
Il-metodu, li ġie żviluppat fi Newcastle, huwa l-unika għażla għal wild b’saħħitu għall-familji milquta minn mard mitokondrijali li jinkludu dijabete, truxija u kundizzjonijiet fil-qalb u fil-fwied. Il-proċedura tissostitwixxi ammont żgħir ta’ DNA difettuż fil-bajd ta’ omm bi DNA b’saħħtu minn mara oħra, b’hekk li t-tarbija tiret il-ġeni minn żewġ ommijiet u missier wieħed.

L-idea hi li jkun prevenut ċertu mard ġenetiku li jiġi mgħoddi lit-tfal. Filwaqt li xi nies jargumentaw li tibdil tal-mitokondrija huwa simili għal trapjant ta’ demm l-implikazzjonijiet huma usa peress li trasferiment mitokondrijali jagħmel bidliet ġenetiċi minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Xi nies jargumentaw li dan huwa l-ewwel pass biex tiddaħħal liġi għal “designer babies” fejn il-ġenituri jkollhom dritt jgħażlu l-fattizzi tat-trabi tagħhom. Iżda din il-liġi ma tippermettix tbagħbis f’DNA “nukleari”.
L-abbozz ta’ liġi gie approvat mill-House of Lords, il-kamra superjuri tal-Parlament Ingliz, huwa mistenni li l-ewwel proceduri ta’ dan it-tip ser jitwettqu f’Ottubru ta’ din is-sena.

Żgur li Malta għadha il-bogħod milli tikkontempla liġi ta’ din ix-xorta allavolja din tista’ twassal għal trabi b’anqas mard ġenetiku. Iżda Malta għamlet passi ta’ ġgant f’dawn l-aħħar sentejn,u b’hekk wieħed jittama li l-emendi neċessarji li għandhom isseħħu fil-liġi tal-IVF ma jdumux ma jiġu diskussi.

Photo for Kullhadd

Thea Leigh Micallef

 

05 Apr, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Il-pass li jmiss għall-prokreazzjoni assisstita f’ Malta?"