Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Il-PN Ma Jitgħallem Qatt

Kitba ta’ Glenn Micallef – Uffiċjal Internazzjonali FŻL

It-titlu radikali iżżejjed? Le.

Nobgħod nikteb kliem iebes bħal dan it-titlu. Nobgħod diskors partiġġjan (bħalma jistgħu jixhdu ħbieb tiegħi jew dawk li jafuni mill-qrib – anke ħbieb li għandi fil-Partit Nazzjonalista). Għalhekk veru b’dieqa nikteb titli u artikli bħal dawn.

Imma s-sitwazzjoni li kellna ftit tal-ġranet ilu fuq il-kwistjoni tal-conversion therapy kienet patetika u diżgustanti. F’dan l-artiklu ser ngħid għaliex.

Taħt amministrazzjoni preċedenti, għall-ewwel darba l-pajjiż beda jiddiskuti kwistjonijiet relatati ma’ drittijiet ċivili. Għax qajjimhom il-Gvern ta’ dakinhar? Le.

Pjuttost tista’ tgħid li l-Gvern ma ħax gost meta qamet il-kwistjoni tad-divorzju. Xi deputati baqgħu jinsistu, saħansitra wara dak li qal il-poplu f’referendum, li d-divorzju m’għandux jidħol fis-seħħ. Bqajna sejrin hekk fuq kwistjoni wara l-oħra.

Inbidlet l-amministrazzjoni. Wieħed forsi ħaseb li demm ġdid fil-Partit Nazzjonalista kien se jġib miegħu ideat ġodda. Il-Gvern Laburista beda jdaħħal liġi wara l-oħra li ġabu lil pajjiżna l-aktar pajjiż fejn il-libertajiet ċivili huma avvanzati fl-Ewropa.

U l-Partit Nazzjonalista? Silenzju

Issa, fl-opinjoni tiegħi, is-sitwazzjoni saret waħda komika. Wara rallies tal-komunità LGBTIQ, pereżempju dawk li ċċelebraw id-diversità, Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista hu partit miftuħ u mġedded u li jaċċetta lil kulħadd. Saħansitra tefa’ warajh nies bħal Alex Mangion u Karl Gouder biex jippruvaw jikkonvinċuna kemm iħossuhom komdi fil-PN u kemm seħħet il-bidla li wiegħed Simon.

Ċajta ħelwa.

Ċajta għaliex? Għax li kieku dan kien minnu, il-Partit Nazzjonalista ma kienx għal darba wara l-oħra jibqa’ sieket quddiem kwistjonijiet bħal dawn. Kien ikun minn ta’ quddiem biex ikun il-vuċi fuq id-drittijiet ċivili (li huma meqjusa drittijiet fundamentali tal-bniedem) bħalma dejjem kien il-Partit Laburista.

Conversion therapy

Il-kwistjoni tal-conversion therapy hi eżempju ċar ta’ kemm il-PN ma tgħallem xejn.

Il-premessa u l-punt tat-tluq fuq din il-kwistjoni trid tkun li l-Istat qed jipproteġi nies li jisfaw vittmi ta’ professjonisti li jippruvaw ‘ifejquhom’ minn marda.

Forsi wieħed jaħseb li l-pożizzjoni f’pajjiż sekulari hi ovvja. Li tkun gay, straight, bi jew trans mhux marda. Kulħadd hu aċċettat għal dak li hu. Forsi wieħed jaħseb li l-pożizzjoni allura hi awtomatikament li jkun hemm qbil fuqha miż-żewġ naħat jew li, wara li ġie mbeżbeż darba wara l-oħra mill-komunità LGBTIQ+, Simon kien se jieħu l-lezzjoni.

Imma le. Simon Busuttil ma kellux il-ħila jgħid ċar u tond kif jaħsibha (anke jekk kellu l-abbozz tal-liġi f’idejh għal għaxar ġimgħat). Iddeċieda li jibqa’ sieket u jgħid li jrid jiddiskutiha internament. Kellhom jgħaddu ġimgħat sħaħ, u wara ħafna pressjoni mill-midja, biex Simon Busuttil u sħabu iddeċidew li għandhom jivvutaw favur l-abbozz tal-liġi. 

Dak hu li jiddistingwi lil Simon Busuttil mill-Partit Laburista.

Il-Partit Laburista għaraf li kulħadd għandu dritt jgħix ħajtu b’mod liberu. Għarafna li għandna nkunu ta’ tarka għal min għandu bżonn. Bil-fatti, il-Ministru Helena Dalli, għal darba, tnejn, tlieta, għamlet ġustizzja ma’ persuni bħal Joanne Cassar u ħafna oħrajn.

Għaldaqstant, nixtieq intemm dan l-artiklu billi ngħid li, meta jkun hemm kwistjonijiet bħal dawn, inħossni kburi li jien parti minn dan il-moviment. Inħossni kburi li jien Malti. Inħossni kburi li nista’ ngħid li Malta saret eżempju politiku ta’ pajjiż li jirrispetta lil kulħadd, hu kif inhu u hu min hu.

 

 

Glenn Micallef

Glenn Micallef

28 Feb, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Il-PN Ma Jitgħallem Qatt"