Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea

Kitba ta’ Glenn Micallef, Uffiċjal Internazzjonali Forum Żgħażagħ Laburisti

Personalment, l-Unjoni Ewropea u l-proġett Ewropew huma suġġetti għal qalbi immens. Għaldaqstant ħassejt li bħala uffiċjal internazzjonali tal-Forum Żgħażagħ Laburisti  għandi  niffoka dan l-artiklu fuq il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni u x’naħseb fuq is-suġġett. Nemmen li issa li qegħdin sena biss il bogħod minn din il-Presidenza għandu jkun hemm diskussjoni fuq livell nazzjonali dwar is-suġġett sabiex in-nies jifhmu din xi tfisser u x’inhuma l-implikazzjonijiet tagħha.

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea

“L-Unjoni Ewropea qegħda fi stat ħażin” – dan kien il-kliem tal-Kap tal-Kummissjoni Ewropea meta fl-indirizz tiegħu lill-Parlament Ewropew ġie mitlub jiddiskrivi l-istat li qegħda li qeda fih l-Unjoni. Saħaq ukoll li l-kriżijiet tal-immigrazzjoni, tat-terroriżmu u oħrajn, wasslu lil dan il-proġett f’xifer ta’ irdum li jista’ potenzjalment iwassal għat-tmiem tiegħu.  

Jekk wieħed iħares il’quddiem, jista’ jinnota li l-2017 ser tkun sena importanti ħafna għall-Unjoni Ewropea, fejn fiha ser timmarka ħamsin sena minn meta l-mexxejja ta’ sitt pajjiżi iffirmaw it-trattat ta’ Ruma – trattat li permezz tiegħu ġiet msejjsa Unjoni li kellha l-għan li tippromwovi l-paċi, l-istabbilit u l-prosperità ekonomika. Din ser taħbat ukoll mal-Presidenza ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ministri – Presidenza li ġejja fi żmien kruċjali. Dan għaliex mistennija li ssib fuq il-mejda tad-diskussjoni tal-Unjoni numru ta’ kwistjonijiet jaħarqu bħal dik tar-Renju Unit u t-terroriżmu.

B’mod prattiku, din il-Presidenza ser tfisser li Malta ser tkun qed tmexxi d-diskussjonijiet u preparamenti għad-diskussjonijiet tal-laqgħat tal-Ministri tal-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni. Tfisser ukoll li ser tkun qed tiddetermina dak li għandu jiġi diskuss u tinnegozja ligijiet mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.

Jekk wieħed irid jispjega dan b’mod aktar sempliċi, jista’ jgħid allura li il-Presidenza ser tkun għal Malta pjattaforma li ttina vuċi aktar fuq livell Ewropew. Ser tkun ukoll opportunità għall-Ministri Maltin biex jitkellmu f’isem il-Ministri tal-pajjiżi kollha l-oħra u għalhekk importanti li nkunu preparati sabiex bħalma għamilna drabi oħra, fosthom fil-Valletta Summit dwar l-immigrazzjoni, nkunu nistgħu nqumu għall-okkażjoni u nagħmlu ġieħ lill-pajjiżna.

Bħala Forum Zgħazagħ Laburisti ninnutaw b’sodisfazzjon li din il-Presidenza u l-preparamenti tagħha qed jiġu kkordinati mill-izgħar membru elett fil-parlament nazzjonali. Dan juri bl-iktar mod ċar il-fiduċja li hemm min-naħa ta’ dan il-Gvern fiż-żgħażagħ u l-kapaċitajiet tagħhom li jagħmlu biċċa xogħol tajba. Nemmnu ukoll li din il-Presidenza għandha isservi ta’ opportunità li tgħaqqad lill-Maltin, speċjalment lill-politiċi tagħna, f’ħidma sabiex flimkien nagħmlu ġieħ lill-pajjiżna u nressqu l-prijoritajiet tagħna quddiem Unjoni li bħalissa qegħda fi kriżi politika. Bla ma nkun ottimist iżżejjed, b’konvinzjoni ngħid li bħala pajjiż għandna ħafna x’noffru fuq livell Ewropew biex intejjbu mhux biss il-ħajja taċ-ċittadini Maltin, iżda tal-Ewropej kollha.

L-Unjoni tan-nies?

Għal Malta din tista’ isservi ta’ opportunità oħra sabiex in-nies jifhmu aktar l-Unjoni kif taħdem. Konvint li l-problemi l-kbar li għandu quddiemu l-proġett Ewropew huma parzjalment ikkawżati mill-fatt li l-Unjoni mhux viċin in-nies u li dawn tal-aħħar ma jifhmux kif eżattament taħdem l-Unjoni. Jarawha bħala xi ħaġa li qegħda il-bogħod minnhom ġewwa Brussell u jafux eżatt x’tagħmel, kif u għaliex. Dan sostnewh ħafna min-nies li ħadmu fl-Unjoni u mhux xi fenomenu ġdid. Fil-fatt, wieħed jista’ jgħid li dan kien wieħed mill-fatturi li wassal għal trends ewroxettiċi madwar ħafna pajjiżi Ewropej.

Nemmen bis-sħiħ li bħala pajjiż għandna ninvestu biex nispjegaw lill-poplu xi tfisser l-Unjoni, il-presidenza u x’inhuma l-mekkaniżmi tagħha. Dan hu importanti sabiex in-nies fit-triq jifhmu l-impatt ta’ dak li jkun qed jiġi diskuss ġewwa Brussell u kif dan jimpatta l-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

 

Glenn Micallef

Glenn Micallef

 

15 Jan, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea"