Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

ILKOLL GĦANDNA L-ISTESS DEMM

Kitba ta’ Naomi Cachia – Kordinatur Politiku FŻL

Nhar is-Sibt 17 ta’ Settembru, l-eżekuttiv u numru ta’ membri tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, inġbarna biex immorru nagħtu d-demm, għax nemmnu li l-eżempju jkaxkar. Inutli noqogħdu nisħqu u nappellaw lill-pubbliku biex jagħti d-demm meta numru minna qatt ma kienu resqu lejn iċ-ċentru tal-għoti tad-demm. B’hekk iddeċidejna li nagħtu eżempju bl-azzjonijiet tagħna. Ġest żgħir iżda sabiħ.

Madankollu, l-istess konna nkunu kemxejn ipokriti li kieku ma tfajniex dawl fuq il-fatt li, minkejja s-sejħa li ssir biex in-nies imorru jagħtu d-demm, irġiel li jkollhom x’jaqsmu sesswalment ma’ rġiel oħra preżentament taħt l-ebda ċirkustanza ma jitħallew jagħtu d-demm.

F’din l-era ġdida għal pajjiżna fejn qed niġu meqjusa bħala ta’ eżempju anke għall-ikbar pajjiżi fejn jidħlu drittijiet umani u ugwaljanza, irridu nagħtu ħarsa lejn prattiki li ilhom hemm snin – f’dan il-każ din il-projbizzjoni ilha fis-seħħ mill-kriżi tal-AIDS/HIV fis-snin tmenin – sabiex naċċertaw li mhumiex diskriminatorji u, fejn hemm bżonn, naġġornawhom.

DSC_7003-minB’hekk, wara ħafna ħsieb, il-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL) qed iniedi l-kampanja “Ilkoll Għandna l-Istess Demm” sabiex insejħu lill-awtoritajiet biex id-donazzjoni tad-demm minn dawn l-irġiel ma tibqax projbita għal għomorhom iżda tiġi differita bi 12-il xahar mill-iktar kuntatt sesswali riċenti li raġel kellu ma’ raġel ieħor. Din mhix xi proposta avantgardista min-naħa tagħna; madwar id-dinja huma diversi entitajiet li qed jimxu fuq din il-linja tal-ħsieb, u n-numru ta’ pajjiżi li qed jimxu fuq dan il-parir qed jikber ukoll. Fi kliem il-Qorti Ewropea, projbizzjoni totali hija waħda li tikser il-prinċipju tal-proporzjonalità.

Huwa importanti li nenfasizza li bl-ebda mod m’aħna qed nistiednu li ma jibqax jingħata l-ogħla livell ta’ protezzjoni lis-saħħa tal-ħajja umana f’dan il-każ. Dan għax kull borża demm, ġejja mingħand min ġejja, tintbagħat għat-testijiet meħtieġa. Din il-projbizzjoni totali ġiet fis-seħħ tletin sena ilu; illum il-ġurnata l-avvanzi mediċi li saru għandhom ikunu biżżejjed biex nassiguraw li ma nużawx it-tabujiet tas-snin tmenin bħala skuża biex ma napplikawx ċerta standards tal-ugwaljanza. It-tieqa ta’ 12-il xahar tiżgura li ma jkunx hemm riskji li, jekk persuna tkun ġiet infettata ftit qabel, din it-tali infezzjoni ma tiġix identifikata fl-iskreening li jsir. B’hekk tkun qed tneħħi kull dubju.

Fil-verità, l-attenzjoni tagħna qabel id-donazzjoni tad-demm għandha tkun fuq l-imġiba riskjuża, fejn il-kuntatt sesswali tal-persuna li qed tiġi eżaminata jġib miegħu riskju għoli ta’ mard li jiġi trażmess sesswalment – u dan l-istandard għandu jiġi applikat bl-istess mod ma’ kulħadd; raġel jew mara, eterosesswali jew omosesswali. B’hekk id-donazzjoni tad-demm ma tibqax ikkundizzjonata mill-orjentazzjoni sesswali.

Il-messaġġ li nixtiequ ngħaddu b’din il-kampanja hu li ma nistgħu bl-ebda mod nibqgħu nagħmlu dawn il-ġeneralizzazzjonijiet u nemarġinaw lill-irġiel gay jekk verament irridu ngħixu f’soċjetà ugwali. B’hekk ma nistgħux nibqgħu nitfgħu lil dawn l-irġiel fl-istess kategorija, anke jekk medikament ma jġibu l-ebda riskju.

Naomi Cachia

Naomi Cachia

25 Sep, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "ILKOLL GĦANDNA L-ISTESS DEMM"