Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

In-Nisa Fid-Dinja tax-Xogħol

Kitba ta’ Elaine Degiorgio, Membru FŻL

“L-edukazzjoni la hija tal- Lvant u wisq inqas tal-Punent. L-edukazzjoni hija edukazzjoni u hija dritt ta’ kull bniedem”
—Malala Yousafzai

Qabel l-elezzjoni tal-2013 il-Partit Laburista wiegħed li Gvern Laburista ser ikun qed iżomm l-interessi tan-nisa ’l fuq fl-aġenda tiegħu biex ikun jista’ jagħti nifs lil dawk li filwaqt li jgawdu lill-familja jkomplu l-ħajja tagħhom fid-dinja tax-xogħol. Filfatt din il–ġimgħa mill-kliem għaddejna għal fatti għaliex ġew ippreżentati miżuri li jagħtu tefgħa ‘l quddiem l-ugwaljanza assoluta bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol.

Matul is-snin gvernijiet differenti dejjem ħassew il-ħtieġa li jippreżentaw miżuri biex iħeġġu iktar nisa jegħlbu kull ostaklu li jżommha milli tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha. Liġijiet bħal tat-teleworking u tal-flexi hours ċertament li għenu biex il-bilanċ bejn iż-żewg ħajjiet, dik ta’ mara tad-dar u dik ta’ ħaddiema, issir iktar faċli.

Madankollu dan ma kienx biżżejjed.

Statistiċi għandhom juru li minkejja li matul is-snin ħafna iktar nisa qed jiggradwaw mill-Università ta’ Malta jew istituzzjonijiet oħrajn, inqas nisa minn irġiel qegħdin jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Iktar minn hekk, fejn jidħlu pożizzjonijiet għolja ma’ kumpaniji jew fl-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż, persentaġġ żgħir huwa magħmul min-nisa.

Fl-opinjoni tiegħi dan huwa inkwetanti ħafna għal pajjiżna, fejn l-iktar riżorsa b’saħħtiha hija dik umana. L-ekonomija ta’ Malta tiddependi ħafna fuq dan ir- riżors u għaldaqstant, ma naffordjawx li jintilfu talenti minħabba xi tip ta’ diskriminazzjoni.

Statistiċi maħruġa mill-Unjoni Ewropeja jindikaw li l-Isvezja huwa l-iktar pajjiż li jipprometti fil-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u x-xogħol. Infieq fuq benefiċċji għall-familji, leave u ħin flessibbli għal ġenituri akkumpanjat minn child care centres ta’ kwalità huma meqjusa bhala riċetta għas-suċċess.

Fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura Gvern Laburista wettaq il-wegħda tiegħu ta’ child care centres b’xejn u statistiċi juru sinjali sbieħ f’dan il-qasam. Ftit tal-jiem ilu daħal fis-seħħ ukoll dak li kien ilu mwiegħed għal diversi snin, fond monetarju tal-maternità. Sfortunatament għadna nisimgħu każijiet fejn mara, minkejja li jkollha l-livell meħtieġ, il-fatt li tkun mara bħal donnu jtellfilha ċ-ċans milli tintgħażel għal xi xogħlijiet. Min iħaddem iqisha bħala piż fuq il-kumpanija u dan żgur li mhuwiex aċċettabbli. Għalhekk inħoloq dan il-fond li kull min iħaddem irid jagħti sehmu fih kemm jekk iħaddem nisa kif ukoll irġiel. B’dan il-mod ma jkunx hemm lok għal diskriminazzjoni miħhabba l-ġeneru.

Il-familja hija valur tassew sabiħ u fortunatament f’Malta għadu b’saħħtu ħafna. Din hija haġa tajba ferm u għandna nkunu kburin li l-familja għadha tiġi l-ewwel. Madankollu tkun ħasra li wara ħafna snin ta’ studju u sagriffiċji l-mara jkollha tabbanduna l-karriera tagħha.

Żgur li jien ma nistax nqis ruħi xi waħda femminista. Mhuwiex ġust li tinħoloq dik hekk imsejħa positive discrimination fejn jiġu diskriminati din id-darba l-irġiel. Nemmen iżda, li għandu jkun hemm ugwaljanza b’ġustizzja fejn minkejja li l-inċentivi għandhom ikunu skont il-ħtiġijiet tal-persuna, iż-żewġ sessi għandhom jingħatalhom l-istess punt tat-tluq u ċ-ċans ugwali li jikkompetu għax-xogħol.

Nħarsu lura fiż-żmien lejn nisa bħal Margaret Thatcher, Eva Peron u Mother Teresa sa nisa ta’ żminijietna bħal Malala Yousafza, persuna li dejjem qabżet għad-dritt ta’ edukazzjoni għal kull mara, dawn kollha ħallew u għadhom iħallu timbru importanti u influwenti fl-istorja mhux biss għal pajjiżhom iżda għad-dinja. Inħarsu lejhom u nħalluhom jispirawna u jagħmlulna kuraġġ biex dejjem nimxu ‘l quddiem.

 

Elaine Degiorgio

Elaine Degiorgio

 

03 Feb, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "In-Nisa Fid-Dinja tax-Xogħol"