Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Inġeddu d-determinazzjoni żagħżugħa fil-Kunsilli Lokali

Inġeddu d-determinazzjoni żagħżugħa fil-Kunsilli Lokali

Kitba ta’ Adrian Dominic Ellul, Membru FŻL

Fil-11 ta’ April li ġej il-Partit Laburista se jkun impenjat b’appuntament ieħor importanti, dak tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Qed insegwi din il-Kampanja għal diversi raġunijiet. Waħda minnhom hija li ħafna minn sħabi se jkunu qed jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet. Għalkemm forsi ma naqbilx ma kull wieħed minnhom politikament, nixtiqilhom l-aqwa riżultat. Raġuni oħra hija li jekk Alla jrid, jien ukoll ningħata ċ-ċans nirrapreżenta l-Komunita’ ta’ San Ġiljan f’isem il-Partit Laburista.

L-enerġija li tinsab fost il-kandidati Laburisti żgħażagħ hi fenomenu li ser iwassal biex numru kbir ta’ votanti li ser jivvutaw għall-ewwel darba jikkonvinċu ruħhom li l-‪‎Moviment‬ Laburista huwa l-aqwa għażla għalll-Komunitajiet tagħna. M’hemmx dubju li ż-żgħażagħ tal-lum qegħdin iffitxu movimenti liberali, u qegħdin jiskartaw bi stmerrija Partiti li jħaddnu prinċipji konservattivi. Kif iż-żgħażagħ tal-bieraħ bnew pajjiżna, iż-żgħażagħ tal-lum se jwasslu lil Malta għal iktar suċċessi fil-komunitajiet tagħna u fuq bażi nazzjonali.

Filwaqt li l-Partit Laburista qed imexxi kampanja pożittiva fejn qed imur quddiem l-elettorat b’wiċċu minn quddiem u juri x-xogħol li sar tul dawn l-aħħar sentejn, il-kantaliena tal-Partit Nazzjonalista waqt din il-kampanja saret fuq ‘skandlu’ iehor li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed joħroġ li dan ma kien skandlu xejn. Bħal dejjem, il-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil qed ikompli bit-tradizzjoni mibdija mill-Mexxej ta’ qablu u jippreferi s-sensazzjonaliżmu fuq il-fatti.

In-nuqqas ta’ kredibbiltà tal-Partit Nazzjonalista tinsab fil-fatt li l-PN jippreferi jakkuża lill-Partit Laburista bl-iżballji tiegħu, iżda għal raġunijiet ovvji ma jsemmix l-istejjer ta’ suċċess li qed iġġib magħha din l-amministrazzjoni Laburista. Il-PN jasal jiġġustifika ukoll it-tmexxija hażina ta’ ċertu Kunsilli ta’ maġġoranza Nazzjonalista li kellu madwar Malta.

Il-ħaġa li tinkwetani l-iktar f’din il-kwistjoni hija l-attitudni mmatura tal-Partit Nazzjonalista. Fil-verita’, din l-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista ser tkun qed toħloq ġenerazzjoni oħra ta’ żgħażagħ diżillużi mill-politika li jaraw il-Kunsilli Lokali biss bħala estensjoni tal-burokrazija. Ġenerazzjoni oħra ta’ żgħażagħ li tara l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali bħala logħba oħra maħmuġa bejn il-Partiti. Konvint li dan kollu ma kienx parti mill-viżjoni ta’ min nieda l-Kunsilli Lokali bħala strutturi lokali ta’ devoluzzjoni tal-poter.

Il-bogħod minn dan kollu, konvint li dawn l-elezzjonijiet ser ikunu okkażjoni ġdida biex bħala Moviment nerġgħu nġeddu l-impenn tagħna favur Kunsilli aktar viċin in-nies b’membri żgħażagħ u determinazzjoni akbar minn qatt qabel biex nibnu komunitajiet aħjar għar-residenti .

Adrian Dominic Ellul

08 Mar, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Inġeddu d-determinazzjoni żagħżugħa fil-Kunsilli Lokali"