Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Inkomplu Niġġeddu

Kitba ta’ Alex Saliba – President FŻL

Nemmen li fil-ħajja trid dejjem tkun kuraġġuż u tagħraf li għandek timxi maż-żminijiet, tibdel u tiġġedded. Din kienet dejjem il-viżjoni tal-mexxejja fi ħdan il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista; fergħa li matul dawn l-aħħar 64 sena ħadmet qatigħ sabiex tibqa’ rilevanti maż-żminijiet, tikber u twassal bl-aħjar mod possibbli leħen iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin f’dan il-moviment li bnejna flimkien.

Kien għalhekk li matul dawn l-aħħar xhur ħsibna li wasal iż-żmien sabiex nagħmlu pass kuraġġuz u nwettqu bidliet kbar fi ħdan l-operat tal-għaqda tagħna. Bidliet li ser inkunu qed nimbuttaw ‘il quddiem fil-ġimgħat li ġejjin; bidliet li ser ikunu qed jagħtu dehra ġdida u aktar moderna lil din il-fergħa li minn ħdanha ħarġu l-mexxejja passati, preżenti, u nemmen li anke dawk futuri, tal-Partit Laburista.

 

L-20 ta’ Frar 2015

Nhar l-20 ta’ Frar li ġej fit-Tattingers Club, ir-Rabat ser inkunu qed inpoġġu quddiem il-membri tagħna sfida ġdida; dik ta’ ristrutturar kbir fi ħdan l-operat tal-għaqda tagħna, ristrutturar li ser iwassal sabiex inkomplu nġeddu u nkabbru l-enerġija u l-ħidma fi ħdan il-Forum Żgħażagħ Laburisti. Minbarra t-tibdil kożmetiku li ser inkunu qed inwettqu, fosthom bidla fil-logo u s-sit elettroniku tal-għaqda, ser inkunu qed immexxu ‘l quddiem ukoll sistema ġdida ta’ kif jopera l-FŻL. 

Għall-ewwel darba ser inkunu qed nintroduċu sistema ta’ fergħat distrettwali: Tnax-il fergħa f’Malta u oħra f’Għawdex. Fergħat distrettwali li l-għan ewlieni tagħhom ser ikun dak li l-FŻL ikompli jifrex aktar l-għeruq tiegħu fil-lokalitajiet tagħna. Riforma li ser tkun qed tiġi implimentata b’għaqal sabiex, b’koordinazzjoni mal-Eżekuttiv ċentrali, dawn id-distretti jkunu jistgħu jsaħu l-attiviżmu żagħżugħ fi ħdan il-Partit Laburista.

 

Rekord ta’ kandidati żgħażagħ

Nhar il-11 ta’ April ser inkunu qed naraw ukoll rekord ieħor ta’ kandidati żgħażagħ li ser jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet f’isem il-Partit Laburista. Żgħażagħ li b’ħeġġa u entużjazmu ser joffru enerġija ġdida fi ħdan il-kunsilli lokali tagħna. Żgħażagħ li ser jaħdmu id f’id ma’ dawk il-kunsilliera li ilhom joffru s-servizzi tagħhom għal snin twal fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom. B’hekk nemmen li l-enerġija żagħżugħa u l-ħeġġa ta’ kandidati b’esperjenza fuq il-lista tal-Partit Laburista ser tkun qed iġġib bidla pożittiva fit-tmexxija tal-ibliet u l-irħula tagħna. Kandidatura li perswaz li ser tissarraf f’riżultat pożittiv ieħor għall-Partit Laburista f’dan ir-rawnd ta’ elezzjonijiet.

Matul il-ġimgħat li ġejjin, l-FŻL ser ikun protagonist mill-ġdid bil-kampanja tiegħu għall-kunsilli lokali. Kampanja li għal darb’oħra ser tkun qed isservi sabiex tgħin lil dawn iż-żgħażagħ iwasslu l-messaġġ tagħhom. Kampanja li mill-ġdid ser tgħin lil ħafna żgħażagħ li ħadu dan il-pass għall-ewwel darba sabiex ikunu jistgħu imexxu ‘l quddiem b’suċċess il-kandidatura tagħhom f’dawn l-elezzjonijiet.

Xejn ma jagħtina aktar sodisfazzjon milli nkomplu naraw liż-żgħażagħ tagħna jieħdu dan il-pass u jkomplu jinvolvu ruħhom fil-Partit Laburista. Huwa biss bl-enerġija taż-żgħażagħ li dan il-Partit ikun jista’ jkompli jikber u jiġġedded sabiex jibqa’ rilevanti. Dan għandu dejjem isir billi nifhmu minn fejn tlaqna, nifhmu għalhekk ukoll l-importanza tal-esperjenza tal-veterani fi ħdan il-Partit tagħna, veterani li għamlu sagriffiċċji kbar biex illum aħna ż-żgħażagħ inkunu nistgħu ngawdu partit mibni fuq pedamenti b’saħħithom, pedamenti li jgħinuna nkomplu mixjin ‘il quddiem.

 

_AD_6708

Dr. Alex Saliba President FŻL

19 Feb, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Inkomplu Niġġeddu"