Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Is-Sehem taż-Żgħażagħ fil-Politika

Kitba ta’ Sarah Agius, Koordinatriċi taż-żgħażagħ fis-Seba’ Distrett tal-FŻL  u Kandidata għall-Kunsilli Lokali f’Ħaż-Żebbuġ
Kienet deċiżjoni faċli li illum nagħżel li nikteb fuq is-sehem taż-żgħażagħ kemm fil-kampanja elettorali li ġejja u kif ukoll bħala parti mill-politika nnifisa. Pelé, footballer rinomat mad-dinja kollha kien qal li s-suċċess ma jsirx b’aċċident, iżda bil-perseveranza, bit-tagħlim, studju, sagrifiċċji u fuq kollox l-imħabba għal dak li qed tagħmel.
Il-Partit Laburista dejjem emmen fina ż-żgħażagħ u dan qed jagħmlu billi jgħallem liż-żgħażagħ jistadu u mhux jitmagħhom il-ħuta.  Kif jistgħu ż-żgħażagħ ikunu l-mera tal-futur, fejn irawwmu fihom kuraġġ, lealtà u determinazzjoni biex il’quddiem ikollhom il-kwalitajiet adekwati biex imexxu lil pajjiżna?
B’wiċċna l-quddiem nistgħu ngħidu li illum l-Partit Laburista hu partit li ġibed u għadu jiġbed numru kbir ta’ żgħażagħ grazzi għal numru ta’ inizjattivi li jsiru matul is-sena u mhux biss mal-wasla tal-Elezzjoni Ġenerali. Barra minn hekk, hu partit li ħadem bi sħiħ biex jisma u jagħti attenzjoni xierqa lil kull żgħażugħ u żgħażugħa billi jkun lest jagħtihom iċ-ċans iħaddnu l-valuri politiċi f’ħajjithom. Grazzi għal dan, kull żgħażugħ individwali jkun jista’ jiżviluppa u jimraħ biex dak kollu li qabel kien jaħseb li ma setax ikun possibbli, iseħħ. Dan seta jsir grazzi għall-mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, li barra li wieħed jikkunsidraħ bħala żgħażugħ, wasal biex biddel l-fehma lil ħafna li l-politika mhix biss xi ħaġa tal-adulti.
Ġimgħa ilu l-Forum Żgħażagħ Laburisti nieda l-proġett tad-Distretti, liema proġett ser  jikkrea tlettax-il fergħa distrettwali biex b’hekk iwassal għar-reklutaġġ ta’ numru ikbar ta’ membri ġodda fi ħdan il-Forum u fl-istess ħin fi ħdan il-Partit Laburista. Dan ser isir billi grupp ta’ żgħażagħ minn kull distrett jindividwaw żgħażagħ oħra mill-istess distrett matul il-ħidma tagħhom; u b’hekk jilħaq il-mira li jaħdem mill-qrib tagħhom billi jorganiżża numru ta’ attivitajiet matul is-sena kemm informattivi u kemm ta’ divertiment. B’wiċċi minn quddiem ngħid li jien ser ikolli parti attiva ukoll minn dan il-proġett fejn ġejt inkarigata biex inkun il-Koordinatur Uffiċjali taż-żgħażagħ fis-7 Distrett. Jien nilqa din l-opportunità b’idi miftuħa għax nemmen li s-sehem taż-żgħażagħ għandu jingħata priorità fis-soċjeta tal-lum. M’għandix dubju li dan ser iwassal biex l-Forum Żgħażagħ Laburisti tissaħħaħ, kemm fis-sħubija u kif ukoll fl-ideat innovattivi. Żgħażagħ madwar Malta u Għawdex issa ser ikollhom sehem aktar attiv fi ħdan il-Moviment, għax hu biss Gvern ġdid Laburista li jista’ jbiddel ir-rotta għalina ż-żgħażagħ.
Bħala kandidata għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fuq Ħaż-Żebbuġ, nħeġġeġ ukoll lill-elettorat biex fil-11 ta’ April 2015 joħrog jivvota u b’hekk ikompli jagħti risposta li l-Partit Laburista jistħoqlu postu fil-Gvern. Bil-vot tiegħu l-poplu juri li jemmen fil-Kunsilli Lokali, jemmen fid-demokrazija u jemmen fih innifsu. Nappella b’mod speċjali lir-residenti tad-distrett tiegħi, is-7 Distrett, fejn ha jkun hemm il-Kunsilli Lokali; Ħaż-Żebbuġ u Ħad-Dingli biex jivvutaw għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista għaliex dawn ghandhom programm elettorali msejjeġ fuq il-htiġijiet tal-lokalitajiet rispettivi. Barra minn hekk il-kunsilliera laburisti għandhom warajhom lill-Partit li jemmen fihom u kif ukoll fil-kunsilli. Il-Kandidat jagħti u jagħmel l-almu tiegħu pero’ fl-aħħar mill-aħħar irid jiġi mill-votant sabiex jeleġġiħ u jtih post fejn jixraqlu.
Il-politika vera hija meta l-persuni jigu l-ewwel. Grazzi ghall-Moviment ta’ Joseph Muscat irnexxieli nsib dak li jien nemmen fih, u kien propju għalhekk li ħadt id-decizjoni li fil-11 ta’ April 2015 nkun waħda mill-Kandidati tal-Partit Laburista. Wara li għal dawn l-aħħar snin kont attiva fit-tiġdid tal-Partit Laburista, illum nħoss li għandi nagħti iktar. Nemmen li s-sehem taż-żgħażagħ fil-Kunsilli Lokali hu ta’ gwadan kbir f’kull Lokalità. Dan grazzi għall-entużjażmu li juru u l-enerġija ġdida li jwasslu f’kull ma jagħmlu. Nemmen li kapaċi nagħti l-massimu li nista biex nara lil Rahal Twelidi jimxi l-quddiem kif dejjem jixraqlu, u jieħu l-frott ta’ ħidma b’saħħitha li ssir biss hekk il-Kunsill jaħdem id f’id mar-resident.

Sarah Agius

01 Mar, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Is-Sehem taż-Żgħażagħ fil-Politika"