Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Is-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġi f’Postijiet ta’ Divertiment

Kitba: Bryony Bartolo – Segretarja Ġenerali, Forum Żgħażagħ Laburisti

Wara l-inċident li seħħ f’Paceville ftit tal-ġimgħat ilu, li sfortunatament ħalla diversi żgħażagħ feruti, qamet ħafna diskussjoni fuq l-operar ta’ postijiet tad-divertiment. Fosthom tqajjmu diversi punti, kemm fejn tidħol sigurtà kif ukoll l-età taż-żgħażagħ li jattendu dawn il-postijiet ta’ divertiment.

Kien wara dan l-inċident li donnu diversi persuni rrealizzaw li f’Paceville ikun hemm żgħażagħ taħt is-17-il sena. Iżda din mhix xi ħaġa tal-llum. Żgħażagħ taħt l-età ilhom is-snin jitilgħu Paceville u sakemm mhux se jkunu offruti alternattiva għal post ta’ divertiment apposta għalihom żgur li mhux se tonqos il-preżenza ta’ dawn. Minkejja l-inizjattiva tajba tal-Agenzija Żgħażagħ sabiex jitwaqqfu Youth Hubs, jidher li dawn mhux qed jappellaw ghal ħafna żgħażagħ ta’ bejn it-13 u s-17-il sena. Għaldaqstant, konsultazzjoni pubblika li tinvovli żgħażagħ ta’ din l-eta tista’ tagħti idea għall-postijiet ta’ rikreazzjoni li joffru divertiment u sigurtà lil dawn iż-żgħażagħ.

Iżda ngħiduha kif inhi, tagħmel x’tagħmel xorta ha jkollok dawk iż-żgħażagħ li jibqgħu jmorru Paceville jew postijiet oħra simili. Għaldaqstant għandhom jittieħdu diversi miżuri sabiex tigi indirizzata wkoll din il-problema. L-ewwel nett, ir-responsabbiltà ta’ żgħażagħ ta’ bejn it-13 u 17-il sena taqa’ taħt il-ġenituri jew il-persuna li għandha kura u kustodja. It-tieni nett, huwa illegali li wieħed ibiegħ jew jagħti alkoħol lil żgħażagħ taħt is-17-il sena kif ukoll huwa illegali li żgħażagħ taħt is-17-il sena jikkonsmaw l-alkoħol f’post pubbliku. Għaldaqstant, għandhom jiħħraxu l-pieni  għal min jikser il-liġi bħala deterrent. Iżda fuq kollox għandha tigi infurzata din il-liġi. Inutli li jkollok liġi jekk ma jsirux affarijiet sabiex tiġi mħarsa.

Barra minn hekk, irid ikun hemm kollaborazzjoni mis-securities imħaddma mis-sidien tal-istabillimenti. Huwa minnu li diversi żgħażagħ jidhru akbar mill-età li vera ghandhom u għaldaqstant faċli li jithallew jidħlu. Għalhekk, ikun għaqli li tigi nstallata sistema, f’kollaborazzjoni mal-Identity Malta, li tiċċekkja l-e-IDs qabel dawn jidħlu fl-istabbilliment. Huwa tajjeb ukoll li jkun hemm aktar patrolling tal-pulizija f’dawn l-istabbilimenti, kif ġieli sar.

Iżda s-sigurtà għandha wkoll titjieb għal ġid ta’ żgħażagħ li għalkemm ‘il fuq minn 17-il sena xorta waħda għandu jkollhom għażla ta postijiet ta’ divertiment siguri. Għaldaqstant, securities impjegati ma’ dawn l-istabbilimenti għandhom jingħataw taħriġ, mhux biss dwar sigurtà f’każ ta’ ġlied iżda wkoll bħala crowd control u crowd flow fl-istabbilimenti u quddiem l-istabbiliment. Barra minn hekk, kull post ta’ divertiment ghandu jkollu pjan ċar u viżibli tal– proċess ta’ ħrug mill-istabbilment f’każ ta’ emerġenza, l-ammont ta’ nies li jiflaħ il-post kif ukoll passaġġi ta’ ħrug li jifilħu l-ammont aċċettat fil-post. Jaf ikun tajjeb li dawn jiġu meqjusa bhala prerekwiżiti sabiex wieħed jingħata l-liċenzja sabiex jiftaħ stabbiliment ta’ divertiment, anke sabiex b’hekk is-sigurtà tkun aċċertata.

Dan u iktar se jiġi diskuss waqt diskussjoni organizzata mill-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL), nhar il-Ħamis 10 ta’ Diċembru ġewwa c-City Lounge, il-Belt Valletta mis-7.30pm ‘il quddiem. Din se tkun it-tieni laqgħa ta’ diskussjoni f’serje ta’ laqgħat ta’ diskussjoni li qed ittella din l-organiżazzjoni stess bit-tema Progress b’Responsabbiltà. Jiddiskutu dwar it-tema tas-sigurtà u l-infurzar tal- liġijiet f’postijiet tad-divertiment se jkun hemm is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ l-Hon. Chris Agius, kif ukoll rappreżentanti ta’ uħud mill-għaqdiet taż-żgħażagħ. L-għan prinċipali ta’ din l-attività mhuwiex biss li nqajmu diskussjoni iżda wkoll li noħolqu l-pedamenti għal tfassil ta’ politika li fuq kollox toffri sigurtà liż-żgħażagħ.

Bryony Bartolo

Bryony Bartolo

09 Dec, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Is-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġi f’Postijiet ta’ Divertiment"