Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

It-Tibdil fil-Klima: Mill-Kliem għall-Fatti

Kitba ta’ Naomi Cachia – Uffiċjal Politiku FŻL

Protokolli u konvenzjonijiet internazzjonali, negozjati li fallew u miri li mhux qed jiġu milħuqa. Ikolli nistqarr li, sa ftit ilu, meta kont nisma’ bil-kwistjoni tat-tibdil fil-klima, dan kien li jiġini f’moħħi. Bħal ħafna oħrajn, sfortunatament, kont nissottovaluta r-rwol tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra din it-theddida. Iżda fl-aħħar tax-xahar li għadda kelli l-opportunità li, f’isem il-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL), nattendi konferenza f’Pariġi li fetħitli għajnejja dwar waħda mill-ikbar sfidi li qed tiffaċċja l-ġenerazzjoni tagħna.

Fil-21 ta’ Ottubru, fi Franza ltaqgħu numru ta’ mexxejja Progressivi Ewropej sabiex jiffirmaw dikjarazzjoni ftit ġimgħat qabel il-konferenza msejħa COP21 li ser issir iktar tard din is-sena. L-iskop wara l-COP21 huwa sabiex il-195 pajjiż firmatarju tal-United Nations Framework Convention on Climate Change (UNFCCC) jasal fi qbil fuq il-qafas internazzjonali li għandu jidħol fis-seħħ fl-2020, meta jiskadi l-qafas preżenti, imsejjaħ il-Kyoto Protocol.

Quddiem dawk preżenti, il-mexxejja progressivi u Soċjo-Demokratiċi Ewropej iffirmaw dikjarazzjoni ta’ 21 proposta b’antiċipazzjoni għal dan is-summit li indirizzaw, fost l-oħrajn, in-natura tar-riżultati ta’ dawn in-negozjati, ir-rwol tal-Unjoni Ewropea, l-aspett finanzjarju u l-koperazzjoni ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan sar quddiem udjenza ta’ żgħażagħ b’ideali progressivi, u nemmen li ma setax kien hemm udjenza aħjar minn hekk. Il-kwistjoni ta’ tibdil fil-klima hija kruċjali għall-futur tal-umanità, iżda inħoss li għadna mhux qed inkunu proattivi biżżejjed biex insalvaw il-futur ta’ din il-pjaneta. Jinħass nuqqas ta’ urġenza – forsi riżultat ta’ nuqqas ta’ edukazzjoni – kemm fl-istituzzjonijiet edukattivi nfushom u kemm bħala għarfien ġenerali ta’ x’inhi t-theddida li qed niffaċċjaw u x’nistgħu nagħmlu, realistikament u prattikament, biex intaffuha. B’hekk nemmen li laqgħa ta’ din l-importanza u ċ-ċans li ngħatalna bħala żgħażagħ biex niddiskutu soluzzjonijiet fattibbli assigura li aħna li konna preżenti, kollha żgħażagħ attivi politikament, morna lura lejn pajjiżna bil-ħeġġa u impetu neċessarju sabiex inkomplu niddiskutu u naħdmu biex it-tibdil tal-klima jibqa’ wieħed mill-kwistjonijiet li għandna nindirizzaw b’urġenza.

B’hekk, fi ftit ġimgħat, il-komunità internazzjonali ser timxi mill-kliem għall-fatti permezz ta’ dan il-ftehim internazzjonali. Fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru, l-istess bidla fl-attitudni hemm bżonn li sseħħ f’livelli eqreb għar-realtajiet tagħna, u mhux biss f’forma ta’ negozjati internazzjonali li sfortunatament ma jingħatawx importanza jew ma jinftehmux mis-soċjetà inġenerali.

Qed nirreferi għall-ħtieġa li tinbidel il-mentalità sabiex tirrifletti l-urġenza tal-kriżi li qed niffaċċjaw aħna, u li żgur ser iħossu b’mod iktar aggressiv il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Fil-konferenza Progressives for Climate, l-MEP Miriam Dalli saħqet fuq il-bżonn li t-tibdil fil-klima jkun inkluż fil-kurrikulu tal-iskejjel. B’hekk inkunu nistgħu nassiguraw li din il-kwistjoni tant kruċjali ma tibqax biss meqjusa bħala problema fil-bogħod li mhux ser tolqot lill-ġenerazzjoni tagħna, iżda nibdew innibtu sens ta’ responsabbiltà soċjali minn età żgħira.

Kunċetti bħal teknoloġiji nodfa, inċentivi għall-investiment fil-low-carbon economy u ‘impjiegi ħodor’ ma jistgħux jibqgħu jitqiesu bħala aljeni jew ambigwi, iżda jridu  neċessarjament    isiru parti mill-vokabolarju tagħna jekk irridu li verament ikollna sforz kollettiv f’dan il-qasam.

 

15 Nov, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "It-Tibdil fil-Klima: Mill-Kliem għall-Fatti"