Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

It-Tiġrija sal-Barkun: God Bless the USA

Kitba ta’ Ryan Pace

Wara tant xhur ta’ kandidati, propoganda, elezzjonijiet u battuti xi mdaqqiet infantili, tista’ tgħid li issa wasalna fil-milja tal-elezzjoni Presidenzjali Amerikana, elezzjoni kkulurita li żgur mhux forsi, minkejja l-kontroversji kollha li ġabet magħha, ser tkun waħda li tibqa’ tissemma’ fis-snin li ġejjin. Fis-siegħat bikrin ta’ nhar l-Erbgħa filgħodu d-dinja ser tkun taf għal min ivvota l-poplu Amerikan sabiex imexxi lil pajjiżu għall-erba’ snin li ġejjin, u ċioe jekk hux ser ikun il-kandidat Repubblikan Donald Trump jew inkella l-kandidata mill-Partit Demokratiku Hillary Clinton, li jieħu jew tieħu t-tmun ta’ wieħed mill-iktar pajjiżi influenti fid-dinja.

14900326_10154723144914669_3378794281390863741_n

Ċertament naqblu illi mhux kull proċess elettorali jqajjem l-entużjażmu globali li qajjmet din l-elezzjoni iżda lil hinn mill-fatt li l-Istati Uniti ma huwiex kwalunkwe pajjiż, daqstant ieħor nemmen li hemm qbil illi din l-elezzjoni ma kinetx xi waħda li mxiet man-norma. L-elezzjonijiet primarji fil-kamp Demokratiku raw battalja qalila bejn l-eventwali kandidata Hillary Clinton u s-Senatur minn Vermont Bernie Sanders. Min-naħa l-oħra, fil-kamp Repubblikan bosta qatgħu barra mit-tiġrija lil Donald Trump, imprenditur mill-aktar b’saħħtu li beda jittanta xortieh fil-politika. Ħafna qalu li definittivament ma kienx ser jirnexxilu jimraħ b’suċċess fil-kamp politiku izda llum, bosta xhur wara, hawn qegħdin niddiskutu l-possibilità reali li Donald Trump saħansitra jkun il-President Amerikan, kariga meqjusa globalment bħala waħda mill-iktar, jekk mhux l-ikar, kariga influenti fil-politika globali.

Filwaqt li t-tip ta’ tmexxija imwegħda u l-proposti miġjuba miż-żewġ kandidati rispettivi indubbjament qanqlu interess f’bosta nies, l-interess żgur mhux forsi kompla jikber hekk kif donnhom Trump u Clinton ingaġġaw rwieħhom f’logħba ping pong ta’ battuti fil-konfront ta’ xulxin, battuti li minkejja li xi kultant missew il-linja tal-frivolu u l-infantili xorta waħda rnexxielhom iżommuna entużjażti u ħerqana għal dak li seta’ jsegwi. Biss però, hekk kif issa wasalna fl-aħħar ftit jiem ta’ din il-kampanja indimentikabbli, il-Forum Żgħażagħ Laburista xtaq illi jorganizza attività li tikkommemora dan il-vjaġġ elettorali Amerikan.

Nhar it-Tlieta, 8 ta’ Novembru, mis-19:00 ‘il quddiem, il-Forum Żgħażagħ Laburista ser ikun qed jorganizza attività nformali ġewwa ċ-Ċentru Laburista tar-Rabat (Malta) b’tema mill-iktar Amerikana. God Bless the USA hija attività mtella’ mill-Forum Żgħażagħ Laburista b’kollaborazzjoni mal-fergħat distrettwali. Dakinhar, sejrin, qabel xejn, niddiskutu din il-mixja elettorali ta’ Donald Trump u Hillary Clinton. Oltre minn hekk, ser insegwu flimkien l-andament elettorali Amerikan hekk kif ikun qed jiżvolġi u niddevertu lkoll flimkien f’ambjent mill-iktar rilassat u Amerikan! L-entratura għal din l-attività ser tkun b’xejn. Ikel u xorb stil Amerikan ser ikun għal bejgħ għal dawk kollha li jixtiequ. Apparti dan kollu, il-lejla ser tkun miżgħuda b’logħob u mużika karatteristikament Amerikana. Ser tkun lejla mhux tas-soltu u ċertament divertenti. Tistgħu ssegwu l-avveniment fuq Facebook.

Għalhekk, inħeġġu lil kulħadd, partikolarment liż-żgħażagħ sabiex jingħaqdu magħna ġewwa ċ-Ċentru Laburista tar-Rabat (Malta) nhar it-8 ta’ Novembru fis-19:00 biex flimkien niddevertu u niskopru min ser ikun dak/dik li jieħu jew tieħu t-tmun tal-Istati Uniti f’idejh. Fl-istess waqt inħeġġu lil dawk kollha interessati li jibdew jagħtu daqqa t’id fil-fergħat distrettwali sabiex jikkuntattjawna. Għal kwalunkwe informazzjoni ulterjuri jew mistoqsijiet ikkuntattjawna fuq il-paġna tal-Facebook tagħna! Niltaqgħu!

Ryan Pace

Ryan Pace

06 Nov, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "It-Tiġrija sal-Barkun: God Bless the USA"