Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Iż-Żewġ Naħat tal-Munita

Kitba ta’ Naomi Cachia – Koordinatur Politiku FŻL

845 – Dan huwa n-numru ta’ nies li tressqu l-Qorti fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena fuq akkużi ta’ vjolenza domestika. In-numru huwa wieħed li bejn jagħmilli ftit kuraġġ, u bejn ikessaħni. Dan għaliex l-istatistiċi juru li fl-aħħar snin, in-numru ta’ inċidenti domestiċi li ġew irrapportati żdied sostanzjalment, u dan ifisser li qed jiżdied l-għarfien f’dan il-qasam. Fl-istess waqt, nitnikket għaliex naf li, minkejja dan, ħafna huma l-inċidenti li xorta ma jiġux rapportati.

Kull sena, bħala Forum Żgħażagħ Laburisti nagħmlu mezz biex nindirizzaw il-vjolenza domestika fl-aġenda politika tagħna. Fis-snin ta’ qabel konna nagħmlu dan bl-intenzjoni li nqajmu iktar kuxjenza fuq is-suġġett; din is-sena qed nagħmluha ukoll b’sens ta’ sodisfazzjon li l-qafas leġiżlattiv f’dan ir-rigward se jissaħħaħ permezz ta’ tibdiliet fl-Att dwar il-Vjolenza Domestika.

Meta nsemmu l-vjolenza domestika, ħafna drabi tiġi preżunta li l-vittma kienet mara. Infatti, il-figuri jitkellmu waħedhom. Il-maġġoranza assoluta tal-akkużati fil-figura li semmejt, madwar żewġ terzi infatti, kienu irġiel. Madanakollu, ir-raġel li jisfa’ vittma ta’ abbużi domestiċi m’għandux jitħalla barra minn din il-konverżazzjoni. Kulħadd jista’ jisfa vittma ta’ vjolenza domestika, u l-għajnuna qiegħda hemm għall-vittmi kollha, ġaladarba jfittxuha.

Fl-istess waqt, il-figuri jistgħu jiġu interpretati bħala tifkira oħra li fejn tidħol il-vjolenza domestika, teżisti tendenza predominanti li tqiegħed lill-mara bħala l-vittma.

Kull sena, fil-25 ta’ Novembru, infakkru il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa. Din il-vjolenza tista tieħu ħafna forom, u mhux biss bejn l-erba’ ħitan tad-dar. Madwar id-dinja, waħda minn tliet nisa u tfajliet tesperjenza l-vjolenza mill-inqas darba f’ħajjitha.

Dan l-iżbilanċ nenfasizzah mhux biex nivvittimizza l-mara, iżda għaliex biex negħlbu din il-pjaga fis-soċjetà tagħna irridu nifhmu x’inhuma l-fatturi li jwasslu għal dan. Fuq kollox, huwa kruċjali li l-vjolenza ma tiġix normalizzata – jekk, anke għal sekonda, nagħlqu għajn waħda fil-konfront ta’ xi forma ta’ vjolenza, inkunu qed nagħmlu l-ikbar inġustizzja mal-vittmi, huma min huma.

Forsi mhux kulħadd jaqbel miegħi fuq din l-osservazzjoni, iżda jiena nemmen li għadna ngħixu f’soċjetà fejn l-irġiel huma dominanti f’ħafna oqsma; il-politika, l-ekonomija, il-bordijiet. Dan huwa żbilanċ sistematiku li jwassal għal ħafna konsegwenzi indiretti. Lokalment, id-dibattitu fuq il-Morning-After Pill huwa eżempju klassiku ta’ dan – kwistjoni li tolqot direttament lill-mara kienet kważi esklussivament f’idejn decision-makers maskili, bl-eċċezzjoni tal-Ministru Helena Dalli u l-attivisti nisa li ngħaqdu biex isemmgħu leħinhom. B’hekk, huwa sors ta’ serħan il-moħħ għalija li fejn tidħol dik imsejħa gender-based violence, qed nistinkaw, permezz tal-leġiżlazzjoni, biex inkunu effettivi u mhux reattivi. Din is-sena, lokalment kellna numru orribbli ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika li spiċċaw f’omiċidji. Il-ħtieġa ta’ prevenzjoni u għarfien għandha tibqa’ prijorità.

 

Naomi Cachia

Naomi Cachia

25 Nov, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Iż-Żewġ Naħat tal-Munita"