Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ STRUMENTALI

Kitba ta’ Georvin Bugeja, Koordinatur PR FŻL

Iż-żgħażagħ huma strumentali. Din mhijiex frażi li ntennu sena wara oħra, jew kull darba li jkun hemm bżonn, iżda hija frażi li fi ħdan il-Partit Laburista nemmnuha, u nħaddnuha. Dan kien, fl-opinjoni tiegħi, l-qofol tad-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat matul il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-FŻL li saret il-Ħamis li għadda.

Matul din il-laqgħa l-Prim Ministru tkellem fuq bosta oqsma, iżda fuq kollox huwa inkoraġġixxa lilna ż-żgħażagħ sabiex ma nibżgħux inkunu progressivi, nipproponu u ngħidu x’naħsbu fuq suġġetti lil hinn minn tradizzjonali jew li qed jiġu diskussi fil-mument; fi kliem il-Prim Ministru, appella sabiex il-Forum Żgħażagħ Laburisti jkun avant-garde.

Matul is-snin l-FŻL imbotta bosta proposti u kien minn ta’ quddiem f’diversi issues, partikolarment fejn jidħlu libertajiet ċivili ġodda f’pajjiżna, bħal ngħidu aħna d-divorzju u d-drittijiet għall-persuni LGBTIQ+. Filfatt riċentament, l-FŻL tkellem sabiex tkun aġġornata l-policy tal-għoti tad-demm biex ma tibqax tiddiskrimina u b’hekk irġiel omosesswali jkollhom l-opportunità biex jagħtu d-demm.

Matul id-diskors tiegħu l-Prim Ministru tkellem fost l-oħrajn dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà, partikolarment fejn tidħol tmexxija. Huwa stqarr li s-sistema preżenti fi ħdan il-Partit Laburista, ta’ gender quota, toħloq bilanċ sabiex ikun hemm rappreżentanza xierqa fi ħdan l-istruttura tal-Partit. Elenka li f’pajjiżna, sfortunatament, il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tal-politika għadha baxxa ħafna, u hawnhekk tkellem ukoll dwar il-kwoti.

Apparti minn hekk, il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu messaġġ ta’ pożittività għalina ż-żgħażagħ. Huwa ħeġġiġna sabiex nibqgħu nkunu ottimisti, nilqgħu ideat ġodda u nkunu ħassieba ħielsa biex b’hekk inkomplu niġbru proposti li tassew jistgħu jkomplu jagħmlu d-differenza għal Malta. Pajjiż li llum huwa mudell Ewropew u li fl-istorja tiegħu l-ebda Gvern ma ħoloq xogħol u naqqas in-nies minn fuq ir-reġistru tal-qgħad daqs dak preżenti. Dan ifisser li allura issa d-disskussjoni għandha tkun mhux fuq kif se jkun maħluq ix-xogħol iżda li x-xogħol ikun ta’ kwalità u pagi aħjar.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-pjan ċar tal-Gvern preżenti. Pjan li beda biex jibni l-pedamenti sodi ekonomiċi, u issa l-ġid jista’ jitqassam ma’ kulħadd.

Min-naħa tiegħu d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, il-Ministru Chris Cardona tkellem dwar l-irwol tal-FŻL fiż-żmien li ġej. Fisser l-importanza ta’ din il-fergħa sabiex il-Partit ikun jista’ jasal għand iż-żgħażagħ. Dwar dan tkellem ukoll il-President tal-FŻL, Alex Saliba, li fisser kemm il-Forum Żgħażagħ Laburisti kien importanti fl-2013 sabiex il-pjan ta’ Malta Tagħna Lkoll seta’ jasal għand iż-żgħażagħ u jifhmu x’inhi l-viżjoni tal-Partit Laburista.

Is-Segretarja Ġenerali tal-FŻL, li ppreżentat ir-rapport ta’ ħidma tal-FŻL, fissret l-importanza tal-membri li kollha flimkien, b’mod volontarju, jagħtu ħinhom sabiex ikunu jistgħu jittellgħu l-attivitajiet kollha ta’ matul is-sena.

Għaldaqstant, nagħlaq billi ngħid, li ż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit Laburista għandhom irwol ċentrali. Għalhekk inħossni kburi li nifforma parti minn għaqda li minkejja l-isfidi kollha, tagħti spazju biex iż-żgħażagħ jgħidu tagħhom. Minn hawnhekk inħeġġeġ sabiex kull min hu interessat jipparteċipa u jinvolvi ruħu fl-operat tal-għaqda għandu jersaq ’il quddiem u javviċinana permezz tal-mezzi ta’ kommunikazzjoni tagħna online.

 

Georvin Bugeja

Georvin Bugeja

 
19 Mar, 17

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "IŻ-ŻGĦAŻAGĦ STRUMENTALI"