Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ U X-XOGĦOL

Kitba ta’ Naomi Cachia, Koordinatriċi tal-Politika FŻL

Kull sena, nhar it-12 ta’ Awwissu, madwar id-dinja jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ.

L-aħħar statistiċi maħruġa mill-Eurostat, proprju f’din il-ġurnata, juru kif pajjiżna għandu wieħed mill-inqas rati ta’ NEET fl-Unjoni Ewropea. Il-kelma NEETs (People Not in Employment, Education or Training) tirreferi għal nies li la jagħmlu parti mid-dinja tax-xogħol, la fl-iskola u lanqas f’xi forma ta’ taħriġ.
Ovvjament, dawn l-istatistiċi huma l-iktar rilevanti għaż-żgħażagħ u t-tranżizzjoni li kienu qed jagħmlu mill-iskola għad-dinja tax-xogħol.

Figura oħra rilevanti u importanti ħafna għal pajjiżna, li ħarġet ix-xahar li għadda, kienet li pajjiżna kellu waħda mill-inqas rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, dik ta’ 4.1%. Din hija figura sinifikanti meta wieħed joħodha f’kuntest Ewropew. X’differenza minn dik ta 18.6% – il-medja fl-Unjoni Ewropea!
Forsi għal ħafna, dawn huma biss figuri u persentaġġi; riżultat pożittiv ieħor fost il-ħafna li qed niksbu bħala pajjiż speċjalment f’dawn l-aħħar tliet snin.

Mill-perspettiva ta’ żagħżugħa, iżda, dan hu forma ta’ serħan il-moħħ – Garanzija li l-Istat qed jieħu liż-żgħażagħ bis-serjetà u li qed jaħdem biex min ma wasalx waħdu mal-ewwel prova, qed jagħtih ċans ieħor permezz tal-Garanzija taż-Żgħażagħ, u l-klassijiet ta’ reviżjoni, biex insemmi biss tnejn min-numru ta’ miżuri li qed joffru alternattiva lil ħafna.

Kien ikun faċli għall-Gvern li ma jagħtix widen lill-karba ta’ dawn iż-żgħażagħ, speċjalment meta l-klima ekonomika ġenerali fl-Unjoni Ewropea f’dawn l-aħħar snin ma kienet qed tiffavorixxi xejn liż-żgħażagħ. F’pajjiżna ninsabu xxurtjajti li m’aħniex qed inħabbtu wiċċna ma’ sitwazzjoni fejn iż-żgħażagħ jiġu miċħuda milli japparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà, u fejn il-ħiliet tagħhom qed jinħlew għax hija diffiċli ħafna biex isibu impjieg.

Ovvjament, dan ma jfissirx li ma fadalx problemi li jridu jiġu indirizzati f’dan il-qasam. Irridu naraw li l-kwalità ta’ xogħol li qed isibu ż-żgħażagħ, speċjalment wara li jiggradwaw, hija adegwata. Personalment, naħseb ukoll li wasal iż-żmien li nitfgħu ħarsitna fuq l-internships, mhux biss fil-kwalità tagħhom, iżda nemmen li hemm bżonn li min iħaddem ma jiħux vantaġġ minn żagħżugħ li għadu jiggradwa u jinsab ħerqan biex isib postu fid-dinja tax-xogħol, speċjalment f’każ ta’ unpaid internships.
Iżda dawn ir-riżultati iqawwuli qalbi li l-Gvern, b’mod partikolari l-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, jinsab konxju tal-isfidi li hemm fis-suq tax-xogħol u lest biex jieħu l-miżuri neċessarji biex l-ebda żagħżugħ jew żagħżugħa ma jibqgħu lura.

Taħriġ – Forum Żgħażagħ Laburisti

Il-Forum Żgħażagħ Laburisti se jkun qed jorganizza serje ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ għall- membri tagħna, fis-17 u l-24 ta’ Settembru, u l-1 u t-8 ta’ Ottubru. L-FŻL dejjem tkun qed tfittex uċuħ ġodda, speċjalment fi żmien ta’ kampanji elettorali, fejn kull għajnuna tgħodd. Iż-żmien li għamilt nikkampanja mal-FŻL: niltaqa’ ma’ nies ġodda fit-toroq sabiex inwassal il-messaġġ tal-Partit Laburista u niddiskuti l-manifest elettorali qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, nibqa’ ngħożżu bħala l-isbaħ żmien ta’ ħajti.

Is-suġġetti se jinkludu temi bħal Creative Thinking fejn nitħarrġu fuq kif noħorġu b’ideat innovattivi, taħriġ fil-kitba u kif twassal messaġġ politiku, il-midja soċjali, u public speaking.

Dan it-taħriġ se jkun ideali biex, fiż-żmien li fadal qabel l-elezzjoni, jitrawmu iktar żgħażagħ fi ħdan l-organu taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista u – għaliex le? – insaħħu l-potenzjal tal-politiċi ta’ għada.

Naomi Cachia

Naomi Cachia

17 Aug, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "IŻ-ŻGĦAŻAGĦ U X-XOGĦOL"