Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Jibqa’ Negattiv

Kitba ta’ Georvin Bugeja – Uffiċjal Informazzjoni FŻL

Matul dawn il-jiem smajna ħafna dwar il-miżuri u l-inizzjattivi li l-Gvern ħabbar fil-baġit 2016 bit-tema ‘Malta Ekonomija b’Saħħitha’. Naturalment kull persuna fl-ewwel interess tiegħu hu li jara kif il-baġit laqtu b’mod personali. Kif kulħadd seta’ jinnota, u kif stqarrew il-Ministru tal-Finanzi fil-qari tal-baġit u l-Prim Ministru fir-replika tiegħu ta’ nhar it-Tlieta, il-baġit ta’ din is-sena huwa parti minn katina; li kompla jwettaq b’mod strateġiku l-manifest elettorali filwaqt li jmexxi ‘l quddiem il-pjan ekonomiku tal-Gvern għal dan il-pajjiż, biex itejjeb il-livell ta’ għejxien tal-familji, filwaqt li jinċentiva lin-nisa joħorġu fid-dinja tax-xogħol, lil min iħaddem biex jimpjega aktar nisa u persuni b’diżabilita’, liż-żgħażagħ ikomplu jistudjaw, iħeġġeġ aktar investituri jiġu jinvestu f’Malta, ikompli jħares l-ambjent, u jgħin lil min hu fl-aktar risku ta’ faqar billi jsaħħaħ il-pensjonijiet tal-anzjani tagħna. Fi ftit kliem ser nipprova nuri d-differenza bejn min għażel li jibqa’ negattiv u min bl-ottimiżmu qiegħed iġib ir-riżultati.

Bħal ma ġara tul dawn is-sentejn Simon Busuttil, prova u nikkwotah “mhux isib ix-xagħra fl-għaġina, imma l-għaġina fix-xagħra”. Baġit li fit-totalità tiegħu huwa maħsub biex jolqot lil kull ċittadin, għalhekk ftit li xejn wieħed jista’ jikkritika l-miżuri mħabbra b’mod negattiv. Għalhekk il-Kap Nazzjonalista, b’xi ftit tal-fortuna, jkolli nemmen, ħataf l-opportunità li ġietu biex jipprova jiżvija l-attenzjoni minn fuq il-baġit għas-sena dieħla u jipprova joħloq dubju fost iċ-ċittadini billi jagħti prominenza lill-publikazzjoni li kienet ippublikata bi żball u li ġiet irtirata ftit wara, tal-working document tal-baġit u d-dokument finali tal-baġit.

Karatteristika ta’ Simon Busuttil hija li r-riżultati pożittivi u kull kisba li jirnexxielu jagħmel dan il-Gvern minkejja t-tfixkil kollu min-naħa tal-Oppożizzjoni, anke jekk imorru jxewxu kontra pajjiżna ma’ pajjiżi barranin, f’kull opportunità li jkollu jgħid li dawn ġraw grazzi għalih; iżda meta xi ħaġa ma tmurx daqstant tajjeb – każ tipiku huwa t-traffiku – jitfa’ t-tort kollu fuq il-Gvern tal-lum mingħajr ma jipprova jerfa’ r-responsabbiltà tan-nuqqasijiet tal-Kapijiet ta’ qablu – bħal li kieku t-traffiku sar problema minn Marzu 2013.

Fir-replika tiegħu Busuttil, għad-differenza ta’ Kapijiet oħra Nazzjonalisti li ppreċedewh, warrab is-settur edukattiv kważi għal kollox. Dwar iż-żieda fl-istipendji, l-istipendji lil min qiegħed jirrepeti s-sena u l-inizjattiva li l-istudenti msejjħa bħala ‘mature’ se jkunu qed jingħataw stipendju għall-ewwel darba ma semma xejn – irrefera biss għall-grant ta’ €300 lill-istudenti Għawdxin; għax pretenda li jingħataw grants b’valur akbar. Nistaqsi, kieku Simon Busuttil kien Prim Ministru, kien jagħtih dan il-grant lill-istudenti Għawdxin? Għandi d-dubji tiegħi. Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) għażlu li jinterpretaw iż-żieda fl-istipendju bħala żieda li biha tista tixtri banana. Tajjeb li wieħed ifakkar li l-aħħar Gvern li naqqas l-istipendji kien immexxi minn Partit Nazzjonalista. Hawnhekk tispikka in-nuqqas ta’ kredibilità li għandha l-oppożizzjoni f’dan is-settur.

Simon Busuttil kien negattiv ukoll dwar l-għajnuna li qed jingħataw koppja żgħażugħa, kemm biex jixtru l-ewwel propjetà tagħhom, ic-childcare b’xejn, il-benefiċċju ta’ in-work benefit, u t-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul. Simon Busuttil qiegħed jippretendi li Alice in Wonderland, tagħti aktar roħs fil-kontijiet tad-dawl u tal-ilma. Illum kull familja qed tiffranka medja ta’ €680 fis-sena mir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Bla dubju, la dan huwa riżultat pożittiv Simon Busuttil qiegħed jippretendi li nċapċpulu u ngħidulu grazzi; għax grazzi għalih, Malta għandha power station li taħdem bl-aktar żejt li jniġġes. Allura nistaqsi la r-roħs fil-kontijiet tal-enerġija seħħ grazzi għal PN mill-Oppożizzjoni, għalfejn f’25 sena il-kontijiet tad-dawl u l-ilma żdiedu, anke jekk iż-żejt f’xi waqtiet kien fl-aktar livell baxx tiegħu? U għalfejn Simon Busuttil ried li l-familji jagħmlu użu mill-washing machines bil-lejl biex jiffrankaw mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma? Mur ifhmu!

Fir-replika tiegħu Busuttil, wera wkoll kemm mhux kapaċi jieħdu deċiżjonijiet fil-konfront tad-deputati tiegħu stess. Dan minkejja li jitkellem dwar Politika Onesta u standards. Joħroġ biċ-ċar li Busuttil huwa persuna tad-double standards. Mhux talli ma ħax passi fil-konfront tad-deputat tiegħu Claudio Grech li gideb taħt ġurament, talli iddefendih, u tah aktar responsabiltajiet.

Dwar it-tnaqqis fil-qgħad Simon Busuttil għażel li jinterpreta dan bħala deċiżjoni tal-Gvern li jaqta’ lin-nies mir-reġistrar. Apparti li l-qgħad naqas, u dan ir-riżultat narawh mifrux ukoll fost iż-żgħażagħ, il-Prim Ministru kien ikkwotat jgħid u stqarr dan anke fir-replika tiegħu t-Tlieta li għadda, li ma jistax ikun li jkun hemm min ikun offrut impjieg u jirrifjutah.

Dan joħroġ biċ-ċar li minkejja li l-poplu bgħat messaġġ ċar għal darba, tnejn, tlieta li qiegħed jirrifjuta l-politika tan-negattività, Simon Busuttil għadu ma tgħallimx u minflok għadu jippriedka l-firda, u jattakka personalment. Dan filwaqt li  qiegħed jippretendi li qed jissetja l-aġenda nazjzonali. Dan għad-differenza ta’ Prim Ministru li jinsab iffokat fuq il-ħidma tal-Gvern, pożittiv li jkompli jġib il-bidla li  l-poplu vvota għaliha u ottimist li jkompli jsaħħaħ l-ekonomija ta’ Malta biex toffri aktar stabbilità u prosperità lill-familji Maltin.

Georvin Bugeja

Georvin Bugeja

25 Oct, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Jibqa’ Negattiv"