Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Jum l-Ewropa | Malta, Il-Presidenza tal-Kunsill u ż-żgħażagħ

Kitba ta’ Glenn Micallef | Segretarju Internazzjonali FŻL

Jum l-Ewropa

Nhar id-9 ta’ Mejju, il-pajjiżi tal-Ewropa jikkomemoraw Jum l-Ewropa. Jum li jfakkar u jiċċelebra l-proġett Ewropew – proġett imsejjes fuq is-solidarjeta, bil-għan li joffri paċi dejjiema lill-pajjiżi imsieħba.  Filfatt ir-raġuni prinċipali għalfejn ġie konċeput dan il-proġett kienet propju dik li permezz ta’ kollaborazzjoni u aktar għaqda, l-istati membri ikollhom wisq interessi komuni u jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ gwerra bejn l-istess pajjiżi. Imma kemm għadhom relevanti dawn is-sisien tal-Unjoni, aktar minn ħamsin sena wara d-dikjarazzjoni fid-9 ta’ Mejju tal-1950?

Illum, aktar minn ħamsin sena wara li ġie ffirmat dan il-ftehim, il-pedament li nbniet fuqu l-Unjoni Ewropea, qed naffaċjaw kriżijiet bħalma hi dik tal-immigrazzjoni, li hemm bżonn li l-Ewropa tingħaqad quddiemhom. Hi biss din l-għaqda li tista’ toffri soluzzjonijiet Ewropej għal kriżi Ewropea li twassal għall-għan aħħari ta’ paċi dejjiema fil-Mediterran u fl-Ewropa. F’dan ir-rigward, tajjeb li wieħed ifakkar li dan l-għan hu sinonimu mal-Partit Laburista li minn dejjem saħaq li mingħajr paċi fil-Mediterran ma jista’ qatt ikun hemm paċi fl-Ewropa. Imma forsi min qed jaqra dan l-artiklu jgħid u jaħseb bejnu u bejn ruħu: ‘x’għandha x’taqsam il-paċi fil-Mediterran u l-Unjoni Ewropeja mal-Partit Laburista u ż-żgħażagħ? Mistoqsija valida li ser nipprova nindirizza fil-bqija tal-artiklu li jitkellem dwar Malta u l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej.

_

 

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri u ż-żgħażagħ

Fl-ewwel nofs tal-2017, Malta ser tkun qed tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri. Kieku kelli nfisser dan fi ftit kliem, ngħid li din hi opportunità li ser tagħti lil Malta ċ-ċans li ġġib il’quddiem fuq il-mejda tad-diskussjoni tal-Unjoni Ewropea dawk il-kwistjonijiet relevanti għall-Unjoni u għaliha. Hi opportunità, li jekk nippreparaw tajjeb u kif suppost għaliha ser tgħin lilna bħala l-iżgħar fost l-istati membri tal-Unjoni, insemmgħu leħinnha fost il-kbar u nġibu għall-attenzjoni tagħhom kwistjonijiet bħall-immigrazzjoni u l-paċi fil-Mediterran.

Apparti l-kliem fieraħ u dawn id-dikjarazzjonijiet pero, jeħtieġ preparazzjoni serja għal dan iż-żmien sabiex nieħdu l-massimu minn din l-opportunità. Dan għaliex f’dan iż-żmien, Malta tista’ permezz ta’ negozjati li jiġu konklużi fil-Kunsill tal-Ministri, tagħti direzzjoni politika lill-Unjoni Ewropea u aktar minn hekk tagħti struzzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea biex tilleġiżla fuq suġġetti partikolari, dejjem b’rispett lejn it-trattati ewropej.  Għalhekk nemmen li kien pass neċessarju li jinħatar l-iżgħar deputat minn naħa tal-Gvern sabiex jikkordina l-preparazzjonijiet għal-Presidenza – pass għaqli u li juri l-fiduċja li l-moviment Laburista għandu fiż-żgħażagħ, li b’enerġija u b’determinazzjoni, ser issarrfu din il-fiduċja f’suċċess għal Malta, il-Mediterran u l-Unjoni kollha kemm hi.

Finalment nemmen li t-temi prinċipali li għandha tiffoka fuqhom il-Presidenza ta’ Malta, għandhom ikunu dawk li huma ta’ problema immedjata għalina, fosthom l-immigrazzjoni.

_

Opportunitajiet Ewropej

L-Unjoni Ewropeja, permezz tas-suq ħieles u bla fruntieri tippermetti l-prodotti, servizzi, kapital u liċ-ċittadini tagħha li jimxu b’mod liberu bejn l-istati membri. Dan jippreżenta ruħu lilna ż-żgħażagħ f’forma ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ, edukazzjoni u xogħol barra minn Malta. F’dan ir-rigward, wieħed ma jistax ma jinnutax li uħud minn dawn il-programmi edukattivi huma imħallsa permezz ta’ fondi ewropej u jistgħu iservu ta’ mitqlu deheb għal min jaspira li jieħu esperjenza ta’ studju barra minn xtutna.

Għaldaqstant, nemmen u nissuġġerrixxi li kull student għandu jaħtaf din iċ-ċans li jqatta ftit żmien jistudja barra minn Malta.

_

Fl-aħħar nett, naħseb li Malta għanda tibqa’ taħdem sabiex tkun ta’ eżempju għall-pajjiżi kollha l-oħra Ewropej. Dan kien il-messaġġ tal-President Ġermaniż f’Malta meta ddiskriva l-mod kif il-Prim Ministru Malti ġab għall-attenzjoni tal-Unjoni t-traġedja umana fil-Mediterran. ‘Eżemplari’ kien il-mod kif iddiskrivew lill-iżgħar stat membru l-akbar stazzjonijiet tal-aħbarijiet.

Malta l-aqwa fl-Ewropa.

Glenn Micallef

Glenn Micallef

10 May, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Jum l-Ewropa | Malta, Il-Presidenza tal-Kunsill u ż-żgħażagħ"