Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Kif se nirrispondu għat-Terrur?

Kitba ta’ Georvin Bugeja – Koordinatur PR tal-FŻL

Dak li  ġara matul din il-ġimgħa definittivament se jibqa’ mmarkat f’moħħna bħala jum ikrah fejn għal darb’oħra it-terrur reġa’ kien fuq fomm kulħadd. Mistoqsija li tiġini f’moħħi u f’moħħ kulħadd meta jara dawn il-brutalitajiet, hi; kemm ser idumu jintilfu ħajjiet innoċenti qabel il-kwistjoni tat-terroriżmu tkun miġġielda u tispiċċa?

Wara l-attaki ta’ Franza li qajjmu allarm madwar l-Ewropa kollha, l-attakki fi Brussel, li seħħew ftit jiem wara li nqabad wieħed mis-suspettati ewlenin ta’ dak li ġara f’Pariġi, inħoss li l-allarm fost il-pajjiżi tal-EU żdied, u mhux ftit.

Wara dan l-inċident, ħsibijiet kulħadd mill-ewwel iduru fuq il-libertà ta’ persuna sabiex tkun tista’ tivvjaġġa madwar il-pajjiżi tal-Unjoni, dawk li huma msieħba fiż-żona Schengen, mingħajr kontrolli.  Għandna nneħħu din il-libertà, li wara kollox hija importanti għas-suq wieħed fil-pajjiżi tal-Unjoni, li hu wieħed mill-pilastri tal-Unjoni Ewropea? Ma naħsibx. Nemmen li jekk isir dan inkunu qed inħallu lil dawn il-persuni jaslu għall-għan tagħhom.

Dan huwa ż-żmien li fih il-poplu Ewropej jingħaqad, filwaqt li l-Membri Stati iridu jgħaddu minn diskors għal fatti attwali u konkreti li jkunu maqbula bejn il-pajjiżi kollha u li jistgħu jsibu soluzzjoni biex it-terrur jieqaf darba għal dejjem.

Bħala poplu, l-attakki tat-Tnejn u Għoxrin ta’ Marzu, żgur li ħassejnihom f’dahrna, minħabba li dawn l-attakki seħħew f’dak li hu meqjus il-qalb tal-EU, minn fejn joperaw diversi istituzzjonijiet tal-EU u l-post fejn hemm mijiet ta’ Maltin jaħdmu. Aktar minn hekk, sfortunatament wieħed minn dawk li weġġgħu kien Malti, Lorenzo Vella, li għal diversi snin kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Forum Żgħażagħ Laburisti. Bħala għaqda nawguraw lil Lorenzo fejqan ta’ malajr, filwaqt li nsellmu l-memorja tal-vittmi kollha li mietu mhux biss f’dan l-attak, iżda f’kull attakk terroristiku ieħor matul is-snin.

Nawguralkom l-Għid it-tajjeb.

 

 

Georvin Bugeja

Georvin Bugeja

27 Mar, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Kif se nirrispondu għat-Terrur?"