Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

L-1 ta’ Mejju 2016: Jum il-Ħaddiem u l-Partit Laburista

Kitba ta’ Glenn Micallef. Viċi-President FŻL

L-1 ta’ Mejju ta’ kull sena hu jum meqjus speċjali għall-Partit Laburista. Hu l-jum iddedikat lil dawk il-pedamenti tal-Partit li tul is-snin kienu fiċ-ċentru tal-politika tagħna u li dejjem kienu ta’ sostenn għalina bħala Partit.

Għaldaqstant, bħal snin oħra, din is-sena il-Partit se jkun qed jikkommemora kif xieraq din il-festa b’numru ta’ attivitajiet fuq medda ta’ ġimgħa.

Bħala Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL) dejjem emminna li l-ħaddiema u ż-żgħażagħ huma żewġ setturi tal-popolazzjoni li jmorru id f’id u li jirrikjedu qafas ta’ politika serja. Barra minn hekk, aħna nemmnu li politika serja f’dawn is-setturi hi investiment neċessarju biex ikollna ekonomija b’saħħitha u suċċessi fis-snin li ġejjin. Fil-fatt, parti mir-riċetta tas-suċċess tal-Gvern Laburista fl-ewwel tlett snin tal-ħidma tiegħu kienet l-importanza li ta lil dawn is-setturi.

F’dan ir-rigward, jien naħseb li hemm żewġ faxex taż-żgħażagħ li hemm bżonn jiġu kkusidrati meta nkunu qed nfasslu l-politika tagħna. L-ewwel faxxa hi dik li tinkludi fiha żgħażagħ li jiddeċiedu li jitilqu aktar kmieni mis-sistema edukattiva biex jidħlu mall-ewwel fid-dinja tax-xogħol. Lil dawn irridu nassiguraw li d-dinja tax-xogħol ma tisfruttaħhomx u li jkollhom xogħol, paga u livell ta’ għejxien xieraq.

It-tieni faxxa ta’ żgħażagħ taqbad imbagħad lill-istudenti – dawk li fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin se jkunu s-sinsla u l-mutur ekonomiku ta’ dan il-pajjiż. Lil dawn irridu niżguraw li ninvestu fihom biex ikunu jistgħu jiġġeneraw aktar valur miżjud fl-ekonomija tagħna. Dan l-investiment se jkun ukoll iċ-ċavetta li tkompli tattira investiment barrani lejn Malta.

L-Irwol tal-FŻL fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-ħaddiem

Naturalment, bħal ma jiġri dejjem fil-Partit Laburista, aħna ż-żgħażagħ se jkun qed ikollna rwol ċentrali f’dan kollu permezz ta’ attivita` bis-sehem tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Nhar l-Erbgħa 27 ta’ April 2015, bħala parti mill-attivitajiet tal-1 ta’ Mejju u biex infakkru Jum il-ħaddiem se jkunu qed jorganizza konferenza li fiha, il-Prim Ministru ser ikun qed iwieġeb il-mistoqsijiet taż-żgħażagħ.

Din se tkun qed tlaqqa’ madwar mejda numru ta’ għaqdiet minn diversi oqsma biex jiddiskutu u jistaqsu lill-Prim MInistru dwar temi li jikkonċernawhom jew li jinfluwenzawhom. Nistiednu għalhekk lill dawk kollha li jixtiequ jitkellmu mal-Prim MInistru jew jistaqsu xi ħaġa biex nhar l-erbgħa jingħaqdu magħna fi Pjazza Kastilja fis-sitta u nofs ta’ filgħaxijja.

Fl-aħħar nett, niltaqgħu ukoll nhar il-Ħadd għall-attivita` tal-Massa biex nagħtu ukoll s-sostenn tagħna lill-Partit li dejjem stinka biex jaġevola l-ħaddiema.

L-immigrant ħaddiem

Ma nistax nagħlaq dan l-artiklu mingħajr ma nagħmel osservazzjoni personali dwar numru ta’ immigranti f’pajjiżjna (ġeneralment ta’ ġilda b’kulur skur), li wara ħafna tbatija biex jitilqu minn art twelidhom biex isibu ħajja aħjar, jispiċċaw sfruttati fis-suq tax-xogħol tagħna. Filwaqt li din il-problema bdiet tiġi indirizzata minn dan il-Gvern permezz ta’ skemi apposta, naħseb li għadna ferm il-bogħod minn soluzzjoni għal din il-problema. Ġenwinament nemmen li l-problema hi waħda ta’ mentalita` u li s-soluzzjoni għaliha tmur lill hinn minn dawn l-skemi. Is-soluzzjoni hi li nedukaw il-poplu.

Glenn Micallef

Glenn Micallef

24 Apr, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "L-1 ta’ Mejju 2016: Jum il-Ħaddiem u l-Partit Laburista"