Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

L-2015 għall-FŻL

Kitba ta’ Georvin Bugeja – Uffiċjal Informazjoni FŻL

Kif jgħid il-Malti, “Iż-żmien itir”. Hija xi ħaġa istintiva li meta joqorbu l-aħħar jiem ta’ Diċembru wieħed iħares lura għal matul is-sena li tkun ser tintemm f’qasir iż-żmien, jara dak li jkun għamel u jevalwa l-kisbiet, u n-nuqqasijiet tas-sena inkwistjoni. L-istess isir fil-politika.

Għall-Forum Żgħażagħ Laburisti, l-2015 filwaqt li kienet sena pożittiva ferm, wieħed iħares lejn din is-sena bħala waħda fejn matulha komplejna nitgħallmu u niksbu aktar informazzjoni dwar it-tip ta’ messaġġ li n-nies qed jitolbu li jitwassal; messaġġ pożittiv li jirifletti l-ottimiżmu u l-enerġija li ż-żgħażagħ normalment jittrasmettu.

L-2015 bdiet bit-tiġdid tad-dehra u l-mod kif  l-FŻL iwassal il-komunikazzjoni tiegħu; proġett li minkejja li konna bdejna naħdem fuqu sa minn wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Novembru 2014, liema laqgħa rat il-ħatra ta’ eżekuttiv ġdid, il-qofol tiegħu intlaħaq fi Frar 2015 bit-tnehdija tal-logo il-ġdid u s-sit elettronika l-ġdida tal-għaqda. Ħassejna l-ħtieġa li nbiddlu d-dehra għax ridna ngħatu image aktar friska u moderna lill-għaqda tagħna.

Is-sit elettronika tal-għaqda, li żammet l-istess indirizz elettroniku li kellha, jiġifieri www.fzl.org.mt, kienet ilha ma tkun aġġornata għal diversi snin. Apparti li ma kienetx user-friendly, is-sit ma kienetx kompatibbli għal devices bħal smartphones u tablets. Ridna wkoll li s-sit elettronika tagħna tkun aġġornata kull ġimgħa b’kontribuzzjonijiet tal-membri tagħna, b’hekk inkunu qed nagħtu vuċi wkoll lill-membri.

Fl-istess okkażjoni ħadna ħsieb li nniedu operat differenti għall-għaqda. Fl-istruttura tal-FŻL żidna wkoll il-fergħat distrettwali. Xogħol dawn il-fergħat huwa li minkejja li jorganizzaw attivitajiet politiċi u soċjali għad-distretti rispettivi tagħhom, iżommu lill-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista f’kuntatt maż-żgħażagħ. B’hekk inkunu nistgħu nifhmu aktar il-ħsibijiet u l-kummenti li jridu jwasslu iż-żgħażagħ, irrispettivament jekk  humiex involuti direttament fil-Partit Laburista, jew inkella humiex interessati fil-politika partiġġjana.

F’April, il-Partit Laburista kellu jaffaċċja test elettorali ieħor, l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li kienu wkoll meqjusa bħala elezzjonijiet mid-term. Il-Forum Żgħażagħ Laburisti, bħal f’kull elezzjoni preċedenti,  tella kampanja kompletament immirata għaż-żgħażagħ. Il-kandidatura żagħżugħa kienet b’saħħitha ħafna; fil-fatt dan kien l-akbar numru ta’ kandidati żgħażagħ b’58 żagħżugħ u żagħżugħa kienu qed jikkontestaw f’isem il-Partit Laburista. Il-kampanja START kienet suċċess ieħor b’78% tal-kandidatura żagħżugħa tal-Partit Laburista jiġu eletti bħala Kunsilliera,  fejn fosthom kienu kkonfermati żewġ sindki, u ġew eletti 7 Sindki ġodda, fosthom l-iżgħar Sindku ta’ Malta fl-età ta’ 18-il sena.

Din is-sena, irritornat ir-rally tas-Satira Politika Għax Hekk. Din is-sena, iż-żewġ weekends ta’ din ir-rally kienu fully booked. Għax Hekk din is-sena ingħaqdet mal-cast tas-serje televiżiva ‘Klassi Għalina’. Din hija l-akbar attività li jorganizza l-FŻL fuq bażi annwali u l-akbar introjtu finanzjarju għall-għaqda tagħna.

Il-Forum Żgħażagħ Laburisti, għal sena oħra, kien fdat mill-Membri Parlamentari Ewropej Laburisti li jiffurmaw parti mill-Grupp politiku tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, sabiex imexxu l-istand tal-S&D matul il-ġimgħa ta’ Freshers’ Week fl-Università ta’ Malta. Matul din il-ġimgħa ingħaqdu magħna aktar minn 150 membru ġdid. Din kienet opportunità tajba sabiex inkomplu niltaqgħu ma’ aktar studenti, nisimgħu l-ħsibijiet tagħhom, u nniedu l-Kungress tal-Forum Żgħażagħ Laburisti bit-tema; Progress b’Responsabbiltà.

Dan il-Kungress hu mifrux fuq serje ta’ laqgħat li qed jitrattaw temi diversi u li għalihom qed ikunu mistiedna diversi għaqdiet taż-żgħażagħ, fosthom il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, għaqdiet studenteski, kif ukoll esperti fis-settur. F’Ottubru saret l-ewwel laqgħa li trattat il-bżonn ta’ riforma fil-liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni. Għal din il-laqgħa attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, l-Onor. Chris Fearne. Ftit tal-jiem ilu, itellgħet it-tieni laqgħa li trattat il-bżonn ta’ aktar sigurtà u infurzar tal-liġijiet f’postijiet tad-divertiment. Għal din il-laqgħa attendew il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali l-Onor. Carmelo Abela u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sports, Riċerka u Innovazzjoni, l-Onor. Chris Agius. Matul din il-laqgħa, l-FŻL ippreżenta wkoll dokument bi proposti u alternattivi sabiex tkun imħarsa aħjar is-sigurtà ta’ min jiffrekwenta l-postijiet ta’ divertiment.

Matul is-sena wkoll, kienu organizzati diversi attivitajiet mill-fergħat distrettwali tal-FŻL, fosthom tournament tal-football b’risq ALS Malta, u diskussjoni politika li ttrattat il-partiti tax-Xellug, bil-lenti tkun fuq l-Ingilterra u l-Amerika.  Apparti minn hekk ipparteċipajna wkoll fil-Kampanja Solidaritree b’risq l-Istrina u tellajna attività matul ix-xahar ta’ Diċembru bit-tema Reach Out biex jinġabru fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Attendejna wkoll għal diversi laqgħat organizzatti minn għaqdiet Studenteski, filwaqt li pparteċipajna f’diskussjonijiet u laqgħat internazzjonali kemm f’Malta, fosthom u laqgħa organizzata mill-MEP Alfred Sant, sabiex jagħti l-viżjoni ta’ dak li ż-żgħażagħ jistennew mill-Unjoni Ewropea u ċ-CHOGM 2015, u anke barra minn Malta, fosthom fi Brussell għal-diskussjoni dwar l-SMEs, organizzata mill-MEP Miriam Dalli, u f’Pariġi, f’konferenza mtella mill-S&D b’rabta mat-tibdil tal-klima u laqgħa oħra fl-istess belt ta’ Pariġi organizzata mill-għaqda taż-żgħażagħ Soċjalisti Ewropej, il-YES, dwar l-Immigrazzjoni.

Is-sena 2016 ser tkun sena oħra impenjattiva li  matulha ser inkomplu nesperjenzaw aktar tibdiliet. Ippermettuli nirringrazzja lill-Membri tagħna li matul is-sena jagħtu l-impenn tagħhom u flimkien magħna, b’mod volontarju, inkomplu nwasslu messaġġ pożittiv favur iż-żgħażagħ, filwaqt li nibqgħu nkunu il-vuċi tagħhom. Nixtieq nirringrazzja wkoll lil wieħed minn sħabna, Larson Pisani, li matul dawn it-tlett snin serva fl-eżekuttiv tal-FŻL u li minħabba impennji personali ħass li kellu jċedi l-post tiegħu fi ħdan l-eżekuttiv. Il-post tiegħu ikun qiegħed jimtela fil-Laqgħa Ġenerali Annwali li ser issir matul l-ewwel xhur tas-sena l-ġdida.

F’ismi personali u f’isem l-eżekuttiv tal-FŻL nixtieq nawguralkom il-festi t-tajba, u sena ġdida mimlija saħħa.

Georvin Bugeja

Georvin Bugeja

27 Dec, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "L-2015 għall-FŻL"