Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

L-Edukazzjoni hija prijorità

Kitba ta’ Ramon Mangion – Kandidat Elezzjoni Kunsill Lokali Isla 2015
L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta tas-suċċess u għaldaqstant l-investiment f’dan il-qasam huwa importanti. L-edukazzjoni mhux biss ittina l-bażi biex inkunu nistgħu ngħixu f’soċjetà moderna, imma anke ttina l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li huma bżonnjużi fid-dinja tax-xogħol. Bħala kunsillier u kandidat fil-belt tal-Isla rrid  nagħmel referenza għal-irwol tal-Kunsilli Lokali. Illum il-ġurnata hawn ħafna opportunitajiet u min irid jitgħallem, jista’ jitgħallem, kemm permezz ta’ inizjattivi li nsemmi f’dan l-artiklu u anke permezz ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja. Allura nemmen li l-Kunsilli Lokali għandhom ikomplu jsaħħu dan il-qasam billi anke joffru programmi ta’ tagħlim, kemm  b’mod formali u anke mhux formali.
Xtaqt ukoll  inwassal messaġġ għall-ġenituri. Agħrfu l-importanza u r-rwol tagħkom fl-edukazzjoni ta’ wliedkom.  Kunu hemm biex twasslu l-għajnuna u anke l-esperjenza tagħkom biex l-edukazzjoni dejjem tkun fil-quċċata. Fuq bażi lokali, nħeġġiġkom biex taħdmu id f’id mal-Kunsill Lokali u anke mal-iskola fil-belt jew raħal tagħkom. Tkun xi ħaġa sabiħa wkoll jekk tipparteċipaw fi programmi differenti li jorganizzaw il-Kunsilli jew inkella tattendu ma’ wliedkhom għal xi attivitajiet edukattivi li jkun hemm fl-ibliet u l-irħula tagħna.
L-edukazzjoni hija wkoll importanti għall-pajjiż għax hija l-pedament tal-iżvilupp individwali, soċjali u ekonomiku. Bħala professjonist fil-qasam edukattiv xtaqt li permezz ta’ dan l-artiklu nitkellem dwar inizjattivi differenti meħuda minn dan il-Gvern biex ikunu indirizzati aspetti kritiċi fil-qasam edukattiv ta’ pajjiżna. Dan ukoll b’mod speċjali b’referenza lejn il-qasam vokazzjonali li ħa spinta ’l quddiem taħt Gvern Laburista.
Il-Partit Laburista kien ċar fil-manifest elettorali tiegħu fl-2013 fejn sostna dwar l-importanza tal-edukazzjoni: “l-għan ewlieni tagħna fil-qasam tal-edukazzjoni huwa li aktar żgħażagħ ikomplu jistudjaw b’suċċess.”
Nibda billi mmur lura lejn Ġunju tas-sena l-oħra meta tnieda l-pjan strateġiku biex iż-żgħażagħ ma jibqgħux iħallu l-iskola kmieni. L-għan ta’ din l-istrateġija huwa li r-rata ta’ Malta tonqos bin-nofs sal-2020. Fl-2013 Malta kellha rata ta 20.9% u kienet klassifikata fit-tieni post fl-Unjoni Ewropea wara Spanja. Din ir-rata tinkludi dawk iż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-24 sena li ma għandhomx mill inqas 5 o’ levels bi grad 1-7 u li mhux qed jirċievu edukazzjoni jew taħriġ ieħor. Għaldaqstant dan il-Gvern qiegħed jaħdem biex iħeġġeġ, jimmotiva u jinċentiva aktar u aktar żgħażagħ ikomplu bl-istudji tagħhom u eventwalment isibu impjieg.
Importanti li  nsemmi l-inizjattiva tal-garanzija għaż-żgħażagħ u l-programm ta’ tagħlim alternattiv.  Hawn naraw programm li jindirizza l-problema ta’ studenti li jkunu spiċċaw l-aħħar sena tal-iskola sekondarja u li lanqas biss japplikaw għall-eżamijiet. Dan il-programm għaldaqstant ikompli jħeġġeġ lil  dawn iż-żgħażagħ jibqgħu  jistudjaw. Sfortunatament il-kap tal-oppożizzjoni Simon Busuttil ipprova jwaqqa’ għaż-żuffjett din l-inizjattiva hekk kif qabbilha ma’ garanzija ta’ magna tal-ħasil. Fuq in-naħa l-oħra nirreferi għad-diskors pożittiv li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-4 ta’ Marzu ġewwa Ħal Għargħur fejn tenna li permezz tal-garanzija għaż-żgħażagħ il-Gvern qiegħed jagħmel differenza fil-ħajja ta’ numru ta’ żgħażagħ.
Reċentament il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat żaru l-kumpanija Maltapost. Intqal li s-sena l-oħra fil-fatt kien hemm 1,800 żagħżugħ li gawdew mill-benefiċċji ta’ din l-iskema. L-għan huwa li din is-sena dan in-numru jiżdied għal 3,000. Din il-kumpanija wkoll tħaddem 16-il żgħażugħ bħala parti minn din l-iskema.
Il-gvern kompla jsaħħaħ l-edukazzjoni vokazzjonali permezz ta’ iktar programmi vokazzjonali fl-iskejjel sekondarji fosthom tal-ospitalità, l-inġinerija, is-servizzi komunitarji, it-teknoloġija tal-informatika u  l-agrikultura. Fortunatament kelli l-opportunità li nsegwi u nkun parteċipi f’dan il-proċess u nemmen li dan kien pass ’il quddiem fejn dawn l-istudenti mbagħad ikollhom l-opportunità li jkomplu jistudjaw l-MCAST jew inkella l-ITS. Kemm l-MCAST u anke l-ITS komplew iżidu l-korsijiet tagħhom u għaldaqstant hemm ħafna fejn dak li jkun jista’ jkompli jistudja.
Inkompli nsemmi iktar ħidma fil-qasam vokazzjonali billi nirreferi  għar-riforma fl-iskema tal-apprentistat li l-għan tagħha huwa li jressaq dan it-tip ta’ taħriġ aktar qrib l-industrija. Naraw fil-fatt il-kollaborazzjoni bejn l-MCAST u l-industrija lokali biex din tal-aħħar tkompli tikber. Naraw kif din kienet skema ta’ suċċess hekk kif minn Awwissu tal-2014 din ir-riforma kisbet riżultati tajbin ħafna hekk kif 350 entità offrew 600 post f’oqsma differenti tal-MCAST.
Fl-aħħar u mhux l-inqas ma nistax ma nsemmix l-istipendji. Niftakru li qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 il-Partit Nazzjonalista kien beda jbeżża’ lil-istudenti u jgħid li Gvern Laburista se jneħħi l-istipendji. Infakkar li fil-fatt il-Gvern Laburista mhux talli ma neħħiex l-istipendji imma kompla jsaħħaħhom. B’hekk komplejna naraw l-impenn lejn l-edukazzjoni, t-taħriġ u x-xogħol mill-Partit  Laburista.
Nagħlaq b’appell għaż-żgħażagħ, votanti ġodda fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. Il-Partit Laburista dejjem kien fuq quddiem biex ikun id-dar naturali għaż-żgħażagħ. Mela ejja ħalli nkomplu nagħtu kuraġġ lil dan il-moviment biex ikompli miexi ’l quddiem anke fuq livell lokali. Għaldaqstant inħeġġiġkom biex tagħtu l-vot tagħkom lill-Partit Laburista anke b’mod speċjali lill-kandidati żgħażagħ biex inkomplu nagħmlu d-differenza bil-ħidma tagħna fil-Kunsilli Lokali.
IMG_2807

Ramon Mangion

15 Mar, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "L-Edukazzjoni hija prijorità"