Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

L-involviment taż-Żgħażagħ

Kitba ta’  Naomi Cachia Uffiċjal Politiku Forum Żgħażagħ Laburisti

 

Fil-bidu ta’ kull sena, huwa naturali li wieħed jevalwa minn fejn ġej, u fejn jixtieq li jasal. Mil-lat politiku, inħares lura b’sens ta’sodisfazzjon fuq sena li tagħtna spinta tremenda f’diversi oqsma, iżda b’mod speċjali f’dak tal-libertajiet ċivili, kif ukoll riżultati pożittivi ferm fil-qasam tat-turiżmu u tal-ekonomija. Madankollu, ma nemminx li għandi noqgħod nagħti rendikont ta’ dak li lkoll diġà nafu – l-irwol tiegħi bħala żagħżugħa u membru tal-eżekuttiv tal-Forum Żgħażagħ Laburisti mhuwiex li noqgħod nirrepeti biss dak li jgħid il-Partit tiegħi, jew li jgħid il-Gvern. Dan huwa punt li sħaqtu kemm-il darba, anke f’din il-kolonna, u li nibqa nsostnih għaliex inħoss dik il-ħtieġa mill-esperjenzi personali tiegħi.

Issa li ilni iktar minn sentejn nokkupa kariga fl-FŻL, inħoss iktar minn qatt qabel id-dmir li nuża l-esperjenza li ksibt u nikkonvertiha f’xi ħaġa tanġibbli. Inħossni xxurtjata ferm li qed ngħix fi żmien fejn l-opportunitajiet għalina ż-żgħażagħ huma ħafna, għal min ifittixhom. L-iktar avveniment riċenti minn dawn kien il-Commonwealth Youth Forum f’Novembru li għadda, fejn mal-ħamsin delegat ieħor Malti kellu x-xorti jiddibatti u jaqsam il-ħsibijiet tiegħu ma’ żgħażagħ oħra minn madwar id-dinja kollha. Kienet esperjenza li kull min kien involut b’xi mod fiha, mhu se jinsa qatt; festa ta’ kulturi u diversità li ħallietna iktar għonja fl-għarfien tagħna.

Bla dubju li dawn it-tip t’esperjenzi jikkontribwixxu bil-kbir għall-iżvilupp ħolistiku ta’ żgħażagħ li jagħmlu ħin ghal dawn l-attivitajiet extra-kurrikulari.  B’hekk, il-mistoqsija li naffaċċja ħafna drabi tkun: għalfejn iktar żgħażagħ ma jinvolvux ruħhom fil-politika? Risposta eżatta m’għandix; forsi għax l-involviment personali tiegħi jirrendi l-opinjoni tiegħi waħda suġġettiva, iżda naf nagħraf li l-ostakli huma bosta.

Nemmen li l-ikbar fattur huwa li l-kunċett ta’ attiviżmu politiku għandu tifsira kemxejn żbaljata. Li tkun attiv politikament mhux neċessarjament ifisser li l-irwol tiegħek huwa marbut ma’ partit politiku u li ser tkun biss numru waqt kampanja elettorali. Minkejja dan, in-numru ta’ żgħażagħ li jingħaqdu magħna fi żmien l-elezzjoni huwa sabiħ ferm, u d-dedikazzjoni tagħhom, anke minn wara l-kwinti, hija l-magna indispensabbli għas-suċċessi li ksibna f’dawn l-aħħar tlett snin.

Madanakollu, hawnhekk ma nistax ma nistqarrx id-dispjaċir li nħoss meta niltaqa’ ma’ żgħażagħ b’potenzjal enormi li m’għandhomx interess jikkontribwixxu direttament fl-isfera politika għaliex ma jemmnux li għandhom jaqgħu taħt l-aħmar jew il-blu.  

Hawnhekk nitfa ħarsti fuq il-midja, li għandha influenza u responsabbiltà liema bħalha biex tikkultiva l-imħuħ. Għall-kuntrarju ta’ x’taħseb il-midja Nazzjonalista, jien m’inix interessata li niddiskuti kċejjen, videos jew messaġġi tal-Ewwel tas-Sena. Stejjer fieħra indikattivi ta’ slow news day, bħalma rajna dil-ġimgħa, ma jagħmlu xejn ħlief iservu ta’ distrazzjoni mill-kwistjonijiet li għandna nkunu qed niddiskutu. Forsi kienu għadhom ma kkargawx wara d-divertiment taċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel tas-sena?

Nittama li fl-isfera ta’ attiviżmu politiku taż-żgħażagħ, din il-sena li għadna kemm bdejna iġġib magħha iktar opportunitajiet ta’ tagħlim u iktar diskussjonijiet bilanċjati; diskussjonijiet interġenerazzjonali, dawk bejna ż-żgħażagħ u bejn min jinsab fit-tmexxija tal-pajjiż, u dawk bejn żgħażagħ differenti. Min-naħa tal-FŻL diġà ninsabu ikkargati għal sena oħra ta’ ħidma bla waqfien u riżultati pożittivi, u nwiegħdkom li iktar minn qatt qabel lesti biex inkunu minn ta’ quddiem biex insemmgħu leħinna fuq il-kwistjonijiet li huma tal-iktar sinifikat għalina ż-żgħażagħ.

 

Naomi Cachia

 

08 Jan, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "L-involviment taż-Żgħażagħ"