Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

L-ugwaljanza ħolma jew tista ssir realtà ?

L-ugwaljanza ħolma jew tista ssir realtà ?

Kitba ta’ Rachel Powell, Membru FŻL

 

Ftit tax-xhur ilu ġiet mnedija kampanja b’ isem ‘HeforShe’ bl-idea ta’ sħubija bejn in-nisa u l-irġiel favur l-ugwaljanza bejn is-sessi, biex jikkumbattu d-diskriminazzjoni li jsofru n-nisa. Faċli naraw fuq l-aħbarijiet kemm tfajliet inħatfu fin-Nigerja biex jiġu mibjugħa lill-militanti. Sikwit nisimgħu b’ kampanji favur id-drittijiet tan-nisa, kontra l-inugwaljanzi, kontra d-diskriminazzjoni. Pero kemm hija iktar diffiċli li wieħed jieħu azzjoni. Illum sirna passivi wisq, sirna nikkunsidrawhom bħala parti mill-ħajja ta’ kuljum sakemm ma tiġrix lilna. U x’garanzija għandna li din ma ssirx, li hija problema ta’ pajjiż fin-naħa l-oħra tad-dinja u li lilna ma taffetwaniex?

Malala Yousafzai, tfajla ta’ 17-il sena li ingħatat il-Premju Nobel tal-Paċi, qalet li “sa’ minn eta’ żgħira in-nisa għandhom ikunu jafu bil-potenzjal tagħhom li jistgħu ikunu mexxejja influenti, qabel ma dawn jaqgħu vittma tal- insigurtà tagħhom inifushom.” Hija għamlet enfasi kbira fuq l-importanza li n-nisa jirċievu l-edukazzjoni. Dan għaliex l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta tal-ugwaljanza.

F’Kapitlu IV tal-Kostituzzjoni ta’ Malta hemm imniżla id-drittijiet fundamentali u l-liberta’ tal-individwu. Dan jiggarantixxi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, filwaqt li jikkundanna kull tip ta’ diskriminazzjoni tal-generu. ‘L hinn mill-liġi, kemm vera teżisti din l-ugwaljanza hi kwistjoni oħra, u din timmanifesta ruħha b’mod speċjali fl-isfera politika, fil-qasam tax-xogħol u fil-ħajja soċjali.

Dr. JosAnn Cutajar fl-istudju tagħha tagħat ħarsa lejn is-sitwazzjoni fil-Parlament ta’ Malta fejn naraw li l-ammont ta’ nisa fil-Kamra tar-Raprezentanti huwa dak ta’ disgħa biss, iġifieri 13%. Fl-2014 l-ammont ta’ Sindki nisa kien biss ta’ 9%, iġifieri sitta mit-tnejn u sittin Sindki ta’ Malta u Għawdex. Madanakollu, huwa nkoraġġanti li erbgħa mis-sitt mir-rappreżentanti ta’ Malta fil-Parlament Ewropew huma nisa, u iktar minn hekk li għal darb’oħra Malta għandha President mara.

In-nisa m’għandhomx jitqiesu bħala numru. M’għandux ikun hemm kwota partikolari ta’ nisa f’pożizzjonijiet għolja li trid tintlaħaq, għaliex nemmen li n-nisa għandhom jiġu apprezzati għall-kwalitajiet u l-abiltajiet li żgur għandhom. Għandna nkunu kburin li jkollna nisa qed jirrappreżentawna f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-policy making tal-pajjiż. Huwa fundamentali li mara tiġi rrispettata fuq l-istess skala u daqs kull raġel. Din mhix kwistjoni ta’ nisa kontra rġiel jew viċi versa.

Ftit tax-xhur ilu l-attriċi famuża u Ambaxxatriċi tan-Nazzjonijiet Uniti ‘United Nations Women Goodwill Ambassador’, Emma Watson fid-diskors tagħha fil-ftuħ tal-kampanja ‘HeforShe’ irrivoluzzjonat il-mod li bih wieħed iħares lejn il-femminiżmu. L-idea tagħha mhux favur femminiżmu estremist iżda favur l-ugwaljanza fis-sens kollu tagħha. Hija stqarret li  “l-feminiżmu fid-definizjoni tiegħu huwa t-twemmin li l-irġiel u n-nisa għandhom drittijiet u opportunitajiet ugwali, t-teorija ta’ ugwaljanza tas-sessi kemm dik politika, dik soċjali kif ukoll  dik ekonomika.” Filwaqt li ħeġġet lill-irġiel sabiex ikunu l-vuċi ta’ bidla fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza bejn is-sessi, sabiex din tinqered darba għal dejjem, sostniet li din mhix problema li trid tiġi affrontata min-nisa biss, iżda hija problema tal-irġiel ukoll. U hawnhekk, għandha mitt elf raġun!

Għalkemm it-triq hija twila, u fadal ħafna x’isir, ta’ min ifaħħar lil Gvern tal-inizjattivi li qed jieħu sabiex ikompli jinkoraġixxi iktar parteċipazzjoni femminili f’kull qasam tal-ħajja. Huwa fid-dmir ta’ kull wieħed u waħda minnha  li ningħaqdu f’moviment favur l-ugwaljanza, u jkollna sehem attiv fiha. Nagħlaq billi nerġa nikwota lil Emma Watson. Insaqsu lilna nnifusna “Jekk mhux jien, min? Jekk mhux issa, meta?”

Rachel Powell

 

 

11 Jan, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "L-ugwaljanza ħolma jew tista ssir realtà ?"