Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Lesti għall-pass li jmiss

Kitba ta’ Naomi Cachia, Uffiċjal Politiku Forum Żgħażagħ Laburisti 

Bħal daż-żmien 3 snin ilu, fl-2013, il- Forum Żgħażagħ Laburisti kien għaddej ġmielu bil-kampanja I’m In. M’għandix dubju li din il-kampanja m’għandha bżonn l-ebda introduzzjoni għal min kien qed isegwi l-kampanja elettorali tal-Partit Laburista mill-viċin. Il-kampanja serviet sabiex timobbilizza eluf ta’ żgħażagħ u votanti ġodda, u s’issa tibqa l-ikbar kampanja taż-żgħażagħ li qatt ra pajjiżna.

Il-FŻL baqa’ jżomm irwol importanti waqt il-kampanji elettorali tal-Partit Laburista. Wieħed irid imur lura biss ftit xhur għall-kampanja Start,fejn l-FŻL kien qed jaħdem f’parallell mal-kampanja tal-PL għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Hawnhekk, in-numri jitkellmu waħedhom, għaliex grazzi għall-imbuttatura u pubbliċità li ingħataw il-58 kandidat żagħżugħ tal-PL, minnhom ġew eletti 44, inkluż 7 sindki ġodda u 2 sindki ikkonfermati mill-ġdid.

Ma nistgħux ma nkunux kburin bil-livell ta’ ħidma li tellajna f’dawn l-aħħar snin, iżda issa huwa ż-żmien li nħarsu l’quddiem, u mhux lura.  L-istrutturi tal-FŻL ma waqfu qatt bil-ħidma tagħhom, iżda issa wasal iż-żmien li nxammru l-kmiem u nlestu għall-isfida li jmiss, l-ikbar sfida tal-leġislatura. Il-ħidma tax-xhur li ġejjin ilna nantiċipawha mir-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali, fejn tant konna ewforiċi li l-ħidma tagħna tat il-frott tagħha, li bqajna naħdmu bl-istess ritmu, enerġija u determinazzjoni s’issa, mingħajr htieġa li nqaċċtu eżekuttiv sħiħ fil-proċess.

Fit-26 sat-28 ta’ Frar, il-Forum Żgħażagħ Laburisti ser ikun qed jorganizza weekend seminar fil-Qawra Palace Hotel, bil-għan li nħarġu lill-membri tagħna dwar kull aspett ta’ kampanja elettorali. L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, jew mis-sit tal-FŻL www.fzl.org.mt.

Kampanja fuq dan il-livell ma tista qatt tkun biss imwellda u mmexxija mill-eżekuttiv tal-FŻL, iżda trid tilqa fiha lil kull min għandu għal qalbu l-interessi tal-Partit Laburista, u wara kollox, l-interessi ta’ pajjiżna. Kullħadd jista jikkontribwixxi – b’ideat ta’ kampanji, għajnuna iktar prattika meta tasal il-qofol tal-kampanja u tiżdied il-preżenza tagħna fit-toroq Maltin jew Għawdxin, jew permezz ta’ kontribut fil-kumitati distrettwali tal-FŻL.

Membri ġodda huma mistiedna li jagħmlu kuntatt magħna, sabiex  flimkien, u bl-esperjenza ta’ membri li ilhom fi ħdan l-FŻL, inkunu nistgħu niktbu paġna oħra fl-istorja tal-FŻL u l-istorja elettorali tal-Partit Laburista. 

Naomi Cachia

Naomi Cachia

14 Feb, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Lesti għall-pass li jmiss"