Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

MALTA BL-UNURI, GVERN GĦAQLI

Kitba ta’ Rachel Powell – Membru FŻL
Malta, pjaċir fix-xemx! U bir-raġun, hekk kif tkompli tiżdied il-lista ta’ suċċessi li artna qiegħda tikseb. Malta tikklassifika fit-tieni post fost l-aktar postijiet ideali għal min jgħix barra minn pajjiżu. Pajjiżna jissupera l-Messiku hekk kif avvanza post fuq il-klassifika tas-sena li għaddiet. Dan kollu huwa turija ta’ għaqal minn dan il-Gvern hekk kif kompla jissaħħaħ l-investiment fit-turiżmu.

Skont l-artiklu fl-Expat Insider, Malta kisbet l-ewwel post għall-faċilità li biha l-barranin li jgħixu hawn Malta jaddattaw għall-kultura lokali, u jagħmlu ħbieb ġodda. Pajjiżna daħal għall-ewwel darba fil-lista fl-2015, u immedjatament kien kiseb it-tielet post. Pajjiżna kompla jikseb popolarità hekk kif kienu 41% li ddeskrivew il-proċess bħala faċli ħafna, iktar mid-doppju tal-medja globali ta’ 16%. Qabża radikali saret fil-Personal Finance Index fejn, mit-42 post, Malta spiċċat fis-sitt post. Malta kisbet il-ħames post fl-indiċi tal-kuntentizza tal-barranin li qed jaħdmu f’pajjiżna. Għalkemm il-barranin residenti hawnhekk qalu li d-dħul tagħhom naqas mid-dħul li kien ikollhom f’pajjiżhom, kwart minnhom sostenew li kuntenti bis-sitwazzjoni ekonomika tagħhom. L-istatistika tgħid li dan seta’ kien possibbli grazzi għall-ispiża ġenerali tal-ħajja u akkomodazzjoni affordabli. Kienu bosta dawk sodisfatti bit-temp u l-klima Maltija, li jpoġġuha fl-ewwel post globalment, hekk kif fl-indiċi tal-kwalità tal-ħajja f’Malta spiċċat fis-sitt post. L-ebda resident barrani ma gerger dwar dan. B’riżulati bħal dawn, jgħid Expat Insider, mhux ta’ b’xejn kważi nofs (49%) ta’ dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ qalu li jippjanaw jibqgħu Malta għal dejjem!
Fl-aħħar sena pajjiżna rreġistra tkabbir ekonomiku ta’ 6.3% fil-Prodott Domestiku Gross; riżultat bla preċedent hekk kif wieħed jieħu inkonsiderazzjoni l-problemi ekonomiċi u l-instabbiltà li laqtu diversi pajjiżi Ewropej. L-ammont ta’ nies li qed jaħdmu huwa rekord, hekk kif l-Eurostat fl-aħħar ġranet ikkonfermat lil Malta bl-inqas ammont ta’ qgħad f’Lulju (3.9%) u bl-inqas ammont ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ (7.8%) mit-28 pajjiż fl-Unjoni Ewropea.

Iżda xi jfisser dan kollu fi kliem iktar sempliċi? Għal ħafna dawn il-figuri huma biss statistika, fatti, riżultat ta’ ħidma kontinwa, b’mod speċjali f’dawn l-aħħar tliet snin. Però, mhux biss. Din hija l-garanzija li dan il-Gvern qed jagħtina. Dan huwa s-serħan tal-moħħ li pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba. Huwa veru li fadal ħafna xi jsir u li diversi miżuri jeħtieġu ċertu żmien biex wieħed jibda jieħu l-frott minnhom. Meta wieħed jadotta miżuri li jħallu effett biss b’mod temporanju ma jkunx qed jagħmel ġid lill-pajjiż, anzi tiswieh ta’ deni, u dan narawh jekk inħarsu lejn x’kien qed isir fil-passat.

Il-ħidma tkompli u kultant żbalji jsiru wkoll, għax ma jiżbaljax min ma jippruvax jew ma jridx jaħdem. Iżda l-għaqal u l-umiltà ta’ dan il-Gvern huwa li mill-iżbalji li saru tgħallem, ħadem, u llum nistgħu naraw li t-turiżmu u x-xogħol qed jitkattru b’mod sostenibbli; kuntrarju ta’ dak li ħaddieħor ipprova jbeżża’ lin-nies bih! Din hija risposta ċara u indiskutibbli għal min ħalla l-ekonomija ta’ pajjiżna tiddeterjora u, minn fuq, ipprova jxejjen ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fil-fora Ewropea, anke jekk arralu. Kif jgħid il-Malti: min ma jilħaqx l-għeneb, jgħid li hu qares!
Rachel Powell

04 Sep, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "MALTA BL-UNURI, GVERN GĦAQLI"