Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Malta tagħhom biss?

Kitba ta’ Dr. Alex Saliba, President

 

Bħala Forum Żgħazagħ Laburisti l-Erbgħa li għadda morna b’mod paċifiku sabiex insemmgħu leħinha kontra l-ipokreżija u d-double standards tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Kap tal-Oppożizzjoni li qed juża kull opportunità possibbli sabiex jgħolli t-tempra politika ta’ pajjiżna. Kap tal-Oppożizzjoni li qed jinjetta aġenda ta’ mibgħeda u estremiżmu fost il-partitarji tiegħu. Jaħsbu u jemmnu li Malta hija tagħhom biss, li jgħidu li jridu u ħadd ma jkollu l-opportunità sabiex jiddefendi ruħu, jemmnu li għandhom dritt divin li jiggvernaw u jgħidu tagħhom biss.

Lura għas-snin tmenin?

Għext tfuliti  u l-ewwel snin ta’ żgħożiti dejjem nisma lill-Partit Nazzjonalista ibeżża lili u lil sħabi żgħażagħ oħra li bi Gvern Laburista, Malta ser terġa tmur lura għas-snin tal-vjolenza. Beżżawna fuq li beżżawna, u minflok, quddiem il-qorti lili u lil sħabi dewquna daqsxejn xi tfisser vjolenza politika. Daqqiet ta’ sieq minn taħt sabiex ma jaqbduhomx il-cameras, tgħajir feroċi bħal, “ħmieġ”, “żibel”, “korrotti”, “mafja” u saħansitra “inkapaċitati” u partitarji li esprimew il-mibgħeda tagħhom billi saħansitra beżqu fuqna. Qattawlna l-karti u b’ mibgħeda liema bħalha wadbuwomlna ġo wiċċna biex ikomplu jenfassiżaw il-ħdura u l-odju illi għandhom lejn min ma jaqbilx magħhom.

L-iktar attak ikraħ però kien dak illi sofra Matthew Chetcuti, membru fi ħdan l-Eżekuttiv tal-FŻL illi għalkemm huwa persuna b’ diżabilità dejjem ħadem fi ħdan l-għaqda tagħna bl-istess kapaċità u entużjażmu illi jaħdem kull membru ieħor. Marru warajħ u biex jismagħhom żgur bdew jgħidulu “ara biex ġew tal-Labour, bl-inkapaċitati biex jitħassruhom”.

Ftit metri biss il-bogħod minnha spiċċaw saħansitra jsawtu bla ħniena lil Aleander Balzan, il-Kap tal-Aħbarijiet ta’ ONE. Sawtuh quddiem Il-Kap tagħhom Simon Busuttil illi baqa stirat, mingħajr ebda emozzjoni jħares lejn din il-vjolenza isseħħ quddiemu; ma pruvax jikkalma s-sitwazzjoni iżda lebbet bil-kwiet mill-folla mingħajr ma rażżan lill-partitarji tiegħu.

Umiljawna u privaw jintimidawna iżda l-ebda membru minn tagħna ma rritalja, ma kellimnihomx u ħallejnihom jinżlu fl-aktar livell baxx ta’ politika. Ngħid il-verita’, tħassarthom u tħassart lill-Partit Nazzjonalista li spiċċa niżel għal dan il-livell sabiex jirbaħ nofs punt politiku.

Injeżżjoni ta’ mibgħeda

Wieħed jistaqsi, minn fejn ġejja din il-mibgħeda kollha? Għalfejn din l-attitudni oppressiva lejn minn ma jaqbilx magħhom? Ir-risposta hija waħda sempliċi…Simon Busuttil. Dan huwa l-mexxej illi ġurnata wara l-oħra seqa lill-partitarji tiegħu b’doża ta’ mibgħeda kontra l-Partit Laburista u r-rappreżentanti tiegħu, dan huwa l-istess mexxej illi juża kliem goff u salvaġġ fil-konfront tal-avversarji politiċi tiegħu, kliem illi l-partitarji tiegħu il-bieraħ bdew jirrepetu b’ mod kontinwu.

Ir-rizultat tal-Erbgħa wara nofsinhar huwa wieħed dirett ta’ Partit illi qed jipprova jiddistabilizza l-pajjiż. Irrid joħloq klima ta’ elezzjoni sabiex ikisser l-ekonomija ta’ pajjiżna. Irrid joħloq l-inċidenti politiċi sabiex jibgħat lura l-pajjiżna għas-snin tmenin, għas-snin tat-tribaliżmu politiku. Dan huwa l-Kap tal-Oppożizzjoni illi jrid jorganizza u jimmanuvra teatrini politiċi sabiex jagħti l-impressjoni li hawn instabbilità fil-pajjiż sabiex b’hekk iħammeġ lil pajjiżna fuq livell internazzjonali.

Il-Kap tal-Oppożiżżjoni ħoloq klima fost niesu qisha ġejja xi elezzjoni ġenerali pitgħada. Ovvjament dawn il-partitarji wara li tlett snin ilu għadhom kemm soffrew l-akbar tkaxkira elettorali fl-istorja ta’ pajjiżna illum daħħlu f’ illużjoni u ewforija li l-Partit Nazzjonalista għandu rebħa elettorali garantita. Għaldaqtant ma nlumx lill-partitarji Nazzjonalista li juru din l-ewforija; inlum u nitfa t-tort fuq Simon Busuttil, Beppe Fenech Adami u l-esponenti Nazzjonalisti li b’mod kontinwu qed iddaħlu l-flieles f’moħħ il-partitarji tagħhom!

Simon Busuttil Ipokrita!

Simon Busuttil huwa il-personfikazzjoni tal-kontradizzjoni. L-istess Simon Busuttil illi fis-sena 2000 uża l-libell kriminali sabiex jibgħat il-ħabs lill eks-President tal-Partit Laburista Manuel Cuschieri, illum qed isabbat saqajh għaliex ċittadin privat uża l-istess rimedju legali kontra Jason Azzopardi. F’ dan il-każ ta’ malafama illi qed jinstema bħalissa hemm ikkontemplat l-istess terminu massimu ta’ priġunerija dak ta’ 3 xhur, l-istess bhal proċedura illi uża Simon Busuttil.

Ma qalilniex Simon Busuttil lanqas illi bħalissa d-deputat tiegħu Tonio Fenech għaddej bl-istess proċedura ta’ malafama kontra l-Ministru Chris Cardona. Ma qallux Simon Busuttil sabiex iwaqqa dawn il-proċeduri kriminali lid-deputat tiegħu.

Kontradizzjoni oħra huwa Jason Azzopardi nnifsu; deputat li ftit tal-ġimgħat ilu għamel plejtu liema bħalu jattaka lill Gvern għaliex kontra l-proposti tiegħu fuq id-dekriminaliżazzjoni tal-vilifikazzjoni tar-reliġjon minn artisti u kittieba. Mela tajjeb, għal Jason Azzopardi huwa tajjeb illi jibgħat lill artisti l-ħabs però imbagħad ara xi ħadd imiss lilu jew xi politiku ieħor Nazzjonalista għaliex jispiċċa jkaxkar lill Kap tal-Oppożiżjoni miegħu, 50 avukat biex jiddefenduh u jieħu folla ostili fit-taraġ tal-qorti. Immaġinaw illi kieku għamel xi xenata bħal din il-Partit Laburista, mur ara kieku l-media indipendenti xi plejtu kienet tagħmel u kemm il-riżenja tiġi mitluba!

Demokrazija mhedda?

Sabiex ikompli joħloq fermet Simon Busuttil saħansitra kiteb messaġġ biex jiġi ppublikat mill-Kap tal-Partit tal-Popolari Ewropew Manfred Weber. Dan fi stqarrija li kitbulu qal li pajjizna miexi lejn id-dittatorjat, id-demokrazija tinsab mhedda u d-drittijiet tal-bniedem qed jinkisru b’mod lampanti. Dan għaliex ċittadin privat għamel każ ta’ malafama fuq Jason Azzopardi!

Element li nixtieq li joħroġ minn dan il-każ huwa l-intimidazzjoni li l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel mhux biss fuqna ż-żgħażagħ u l-ġurnalisti ta’ ONE iżda wkoll fuq il-qrati tagħna. Nikkwota kliem Dr Roberto Montaldo stess, l-avukat difensur ta’ Daphne Caruana Galizia illi qal;

Ma naqbilx interament mal-mod kif saret id-dikjarazzjoni… dan huwa l-kap tal-oppozizzjoni fuq l-għatba tal-qorti minuta qabel tibda s-seduta… seta kien ikkontrollat. Vera tkellem fuq rimedji legali f’kas li tappella. Kollox sew… Pero’ t-ton fuq l-għatba tal-qorti kif se tibda l-kawża… meta wiehed iqis analogija zgħira l-istess zball li għamel Fenech Adami fil-kaz tat-tixħim tal-imħallfin fis-sena 2002.”

Nagħlaq b’ dan il-kliem: Din il-ferneżija kollha tal-Oppożizzjoni hija riżultat ċar illi dawn mhux qed iġerrħu li ser ikun Gvern Laburista li ser imexxi l-Presidenza Ewropeja fl-ewwel parti tal-2017. L-elezzjoni tissejjaħ meta jsaffar is-suffara l-Prim Ministru u mhux meta jsabbat saqajh il-Kap tal-Oppożizzjoni! Stenna u hu paċenzja, sadanitant jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu daqstant għaġla biex jidħol Kastilja nħeġġeġ lill Prim Ministru sabiex jistiendu għall-kafe mill-aktar fiss possibli.

 

Alex Saliba

Alex Saliba

 

11 Apr, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Malta tagħhom biss?"