Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Mintoff minn lenti ta’ żagħżugħa

Kitba ta’ Elaine Degiorgio, Koordinatriċi tar-Riżorsi Umani

B’tislima lill-Perit Mintoff is-Salvatur ta’ Malta: hekk kien jgħidli nannuwi kull darba li kont naqbadlu l-argument fuq il- Perit Dom Mintoff.

Niftakar li kellu ritratt tal-Perit, kien kbir u miżmum sew u kull meta kont inħares lejn dan ir-raġel bil-pipa f’ħalqu kont ngħid bejni u bejn ruħi: imma dan il-bniedem x’għamel daqstant importanti għal pajjiżna li jgħaddi kemm jgħaddi snin baqa’ fuq fomm kulħadd?

Meta kont żgħira qajla kont nifhem xi tfisser tkun soċjalist iżda iktar ma bdejt nikber, iżjed kelli ċ-ċans nidħol fil-fond biex nifhem l-ideologija tal-Partit Laburista. Żgur li meta nsemmu lil Mintoff ma nistgħux ma nsemmux Jum il-Ħelsien, waħda mill-isbaħ ġranet ta’ ħajtu. Kull min kien max-xatt tal-Port il-Kbir seta jħoss sens ta’ kburija meta l-bandiera bajda u ħamra ħadet post dik Ingliża fuq il-monument fil-Birgu. Illum lanqas biss nimmaġinaw lil Malta taħt xi ħakma barranija. Komplejna nikbru u nistagħnew. Jum il-Ħelsien kien biss il-bidu ta’ triq twila ta’ immodernizzar tal-liġijiet u suq finazjarju b’saħħtu. Jinghad ukoll li Mintoff qajjem lil Malta mill-faqar.

Skont kif kienu jirrakuntawli, wara t-tieni Gwerra Dinjija f’Malta kien hawn faqar kbir. Tgħaddi mit-toroq u tara djar mwaqqa’ bix-xita ta’ bombi li niżlu matul il-Gwerra. Kont tara tallaba ma’ kull kantuniera u tfal jiġru ħafja jitolbu għal xi loqma ħobż bħala l-ikla tal-ġurnata. Apparti s-sistema b’saħħitha tal-housing fejn għall-ewwel darba familji mill- klassi tal-ħaddiema setgħu jixtru propjeta` bi prezz issusidjat u li jaffordjaw, Mintoff provda ukoll għal sistema ta’ penzjoni biex hekk kif ħaddiem jispiċċa mix-xogħol seta jibqa’ jgħix ħajja ta’ dinjita’. Is-soċjaliżmu fit-tmexxija ta’ Mintoff tintgħaraf minn miżuri radikali oħra li kien ħa meta introduċa l- penzjoni tar-romol u children’s allowance li taw lil pajjiżna wiċċ ġdid b’middleclass ġdida b’ħafna ħaddiema jinqalgħu mill-faxxa l-baxxa tal-faqar għall-ħajja iżjed diċenti.

Illum jien immur l-Università mingħajr ma nħallas lanqas ċentezmu grazzi għal ħsieb fit-tul ta’ Mintoff fis-settur edukattiv. Mintoff beda jagħraf l-importanza tal-edukazzjoni biex jitkattar iżjed xogħol ta’ kwalità. Kull darba li insiefer bil-linja nazzjonali ta’ pajjiżna niftakar li kien bil-perseveranza ta’ Mintoff li llum għandna linja nazzjonali, li minkejja kull ostaklu baqgħat tikkumbatti l- kompetizzjoni ħarxa ta’ linji ohra internazzjonali. Illum lanqas biss għadna noħolmu li nsejħulhom “għasafar taċ-ċomb”!

Minn aspett legali,bħala mara irrid nirringrazzja lil Mintoff għaliex kien hu li ta il-vot lin-nisa biex b’hekk kull ċittadin ingħata vuċi ugwali. Tajjeb li niftakru li kien Gvern Laburista li għażel l-ewwel President mara u reġa’ kien Gvern Laburista li għażel mara biex tokkupa l-ogħla kariga tal-pajjiż. Għad-drittjiet ta’ ugwaljanza, Mintoff kien minn ta’ quddiem tant li kien hu li neħħa l-liġi li kienet tqis bħala att kriminali li tkun omosesswali. Illum–il ġurnata kellu jerġa’ jkun Gvern Laburista li kompla jibni fuq dan it-tarf li ħalla Mintoff biex twittiet it-triq għall-iżjed ugwaljanza.

Fis-sitta t’Awwissu ħabat il-mitt sena mit-twelid ta’ dan ir-raġel. Min qatt kien jimmaġina li t-tfajjel minn Bormla li sa minn meta kellu fuq l-għoxrinijiet beda jinteressa ruħu fil-politika u kellu jkun hu li flimkien ma mexxejja oħra jiktbu l-istorja ta’ pajjiżna u jnaqqax ismu ħdejn l-ikbar miżuri li ttieħdu matul iż-żminijiet.

Nispiċċa bil-frazi l-iktar famuża tiegħu- Malta l-ewwel u qabel kollox!

Grazzi Perit.

Elaine Degiorgio

Elaine Degiorgio

09 Aug, 16

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Mintoff minn lenti ta’ żagħżugħa"