Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Moviment Malti fis-Sette Giugno

Kitba ta’ Josef Azzopardi, Deputat Segretarju Ġenerali FŻL

Tmiem l-Gwerra Kbira (1914-1919) ġab ferħ kbir madwar id-dinja iżda mhux l-istess f’Malta. Fl-ewwel gwerra dinjija Malta marret tajjeb u għalkemm fi żmien ta’ gwerra, żiedet il-qliegħ ekonomiku. Dan seħħ għaliex ix-xogħol madwar il-portijiet żdied ħafna peress li l-bastimenti tal-Ingliżi u l-Alleati kienu jidħlu jissewwew fit-tarzna. Il-bastimenti militari u dawk tal-merkanzija kienu jieqfu Malta fi triqthom lejn il-battalji.  Dan ġab ħidma kbira fil-madwar tal-portijiet b’xogħol għall-barklori, ħwienet tax-xorb, u dawk kollha li kienu jaqilgħu l-għixien tagħhom mix-xatt.

Fil-ħdax ta’ filgħodu, fil-ħdax tax-xahar u fil-ħdax-il xahar (11 ta’ Novembru) tal-1918 ġiet mħabbra l-aħbar tal-waqfien mill-gwerra. Għall-poplu Malti dan kien ifisser il-bidu tal-inkwiet u l-bidu tal-battalja kontra t-tmexxija Ingliża f’Malta. Minkejja li l-Maltin kellhom diversi ilmenti, dawn l-ilmenti kienu kollha immirati lejn il-kolanizzaturi.

Wara l-gwerra kellek il-klassi tal-politiċi Maltin li dejjem kienet qed tiġġieled biex ikollna Kunsill tal-Gvern dejjem aħjar, riedet aktar setgħa f’idejn il-Maltin.  Fil-jum tas-Sette Giugno, l-Assemblea Nazzjonali kienet maqgħuda u kienet għada kif għaddiet mozzjoni biex l-Gvern Ingliż jagħti sehem fit-tmexxija tal-pajjiż lill-istess Maltin.

L-ikel kien skars u l-ġuħ beda jinħass mill-poplu Malti. Il-fqir bata’ l-ġuħ però s-sinjur minkejja li kellu l-flus ma setax jixtri ġaladarba kien hawn in-nuqqas tal-ikel. Bosta bastimenti merkantili li kienu mgħobbija bl-ikel u li kienu ġejjin lejn Malta, għerqu bl-attakki tas-sottomarini Ġermaniżi.

L-Ingliżi ippruvaw jikkontrollaw l-ammont ta’ ikel li wieħed jista’ jiekol. Għalhekk huma bdew jirrazzjonaw l-ikel. Kien hawn nuqqas ta’ dqiq u l-Gvern ordna biex fit-taħlita tal-għaġina tal-ħobż titħallat wkoll il-patata. In-nuqqas t’ikel kien ġej mill-fatt li d-dinja kienet għaddejja minn gwerra, u allura kien hemm tħarbit tas-sistema normali tal-produzzjoni tal-ikel.

Kien hawn min kien kuntent li  kien hawn in-nuqqas t’ikel f’Malta! L-importaturi sabu x-xoqqa f’moxta u għollew l-prezzijiet la d-domanda għall-affarijiet bażiċi bħal ħobż kienet kbira. Jidher li saħansitra xi importaturi kienu apposta jaħbu l-ikel biex il-prezz jibqa’ għoli.

Ix-xogħol fit-tarzna naqas sew wara l-gwerra, hekk kif ma baqgħux jidħlu daqshekk numru ta’ bastimenti daqs żmien il-gwerra. In-nuqqas ta’ xogħol wassal biex il-Gvern Ingliż jibda jagħti s-sensji. Hawnhekk tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li meta raġel jingħata s-sensja allura miegħu tbati l-familja tiegħu li f’dak iż-żmien normalment kienu jkunu familji numerużi u n-nisa kienet għadha mhux in-norma li jaħdmu.

Minħabba l-gwerra, l-Ingliżi kienu nefqu bosta flejjes. Wara l-gwerra riedu mill-ġdid isaħħu l-finanzi tagħhom. Għalhekk il-Gvernatur Matheun introduċa taxxi ġodda biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas tal-finanzi. It-taxxi fuq il-propjetà u t-taxxa tas-suċċessjoni affettwaw direttament lis-sinjuri u lill-kleru li kellhom l-artijiet. L-ironija kienet li l-poplu għax mxewwex kien qed jgerger u jipprotesta, meta fil-fatt din it-taxxa kienet għal dawk li l-aktar huma sinjuri u mhux fuq il-foqra. Il-poplu kien tħalla injorant biex b’hekk ikun jista’ jitmexxa kif il-mexxejja lokali u ekkleżjastiċi riedu.

Fil-25 ta’ Frar 1919, iltaqgħet l-Assemblea Nazzjonali immexxija minn Dr. Filippo Sciberras. Din l-Assemblea ġabret fiha rappreżentanti minn kull belt u raħal u flimkien kienu jiddiskutu l-futur tat-tmexxija ta’ Malta. Fl-istess jum bosta Maltin daħħlu l-belt jipprotestaw minħabba li l-Gvern Ingliż ried jikkommemora l-waqfien mill-gwerra. L-Assemblea Nazzjonali kienet iddeċidiet li ma tieħux sehem f’dawn il-festi.

Tensjoni oħra ġiet mill-università hekk kif studenti tal-Liġi kellhom inkwiet mal-professuri tal-università hekk kif kien qed isir xi tibdil fil-kors.

Meta dawn is-sitwazzjonijiet ingħaqdu flimkien allura l-poplu minkejja li kien diviż fl-għanijiet, il-mira ta’ kulħadd kienet waħda: il-Gvernatur. Meta bdew l-irvellijiet kulħadd sab raġuni valida biex jidħol jipprotesta. Min mar għax bil-ġuħ, min għax tilef ix-xogħol, min għax l-ikel skars jew għoli, min għax ma qabilx mat-tibdil fil-kors fl-università, min għax ried sehem fit-tmexxija tal-Kunsill tal-Gvern u bosta raġunijiet oħra li meta dawn ix-xrariet tgħaqqadhom flimkien jifformaw ħuġġieġa ta’ rabja.

Nhar is-sebgħa ta’ Ġunju 1919 fil-belt Valletta kien hemm folol kbar ta’ nies li l-pulizija ma setgħetx tikkontrolla. Il-Gvernatur ma kienx Malta, u l-Acting-Gvernatur ordna biex suldati Ingliżi jiġu jgħinu biex jikkontrollaw l-folol.

Is-sitwazzjoni bdiet taħrab minn idejn is-suldati u balla tal-azzarin ġiet sparata lejn Manwel Attard minn tas-Sliema li kien għadu żagħżugħ u kien qed jaqsam Triq il-Fran kontra r-regoli li ngħataw. L-istess destin kiefer laqgħat lil Ġużeppi Bajada mix-Xagħra, Għawdex.

L-istamperija tad-Daily Malta Chronicle ġiet attakkata peress li din kienet tappoġġa l-Ingliżi f’Malta. Quddiemha kien hemm ħafna materjal jaqbad bħal karti u injam. Jidher li mill-istamperija beda ħiereġ riħa ta’ gass u l-uffiċjal Ingliż ordna lis-suldati biex jisparaw ħalli jferrxu lill-folla tal-Maltin. Balla minnhom laqgħtet lil Wenzu Dyer mill-Birgu u minkejja li intlaqgħat huwa kompla jimxi sakemm waqa’ mejjet quddiem il-Main Guard.

L-aħbar tal-imwiet tas-Sette Giugno ġriet ma’ Malta kollha u l-għada l-Maltin daħlu b’aktar saħħa. Il-Maltin taw xebgħa kbira lil suldat Ingliż li kien marid bit-tuberkolożi u miet l-isptar xi xahar wara. Karmenu Abela, missier, spiċċa mejjet b’daqqa ta’ bajjunetta ġo żaqqu hekk kif prova jġib lil ibnu mill-folla. L-inkwiet baqa’ għaddej u b’kollox dawn l-avvenimenti ħallew sitta mejtin u madwar ħamsin feruti Maltin.

Fil-ġrajja tas-Sette Giugno naraw il-poplu Malti bħala moviment li minkejja b’diversi ideat u ħsibijiet, fl-aħħar mill-aħħar kien magħqud fil-ġlieda kontra l-barrani. Is-sagrifiċċju ta’ missirijietna ma jistax ikun minsi għax il-libertà u l-valuri li writna ġej minnhom. Illum ir-realtà hija ħafna differenti minn dak li għexu missirijietna iżda l-isfidi hemm jibqgħu.

Id-determinazzjoni ta’ dan il-moviment, biex jibqa’ miexi ‘l quddiem huma b’saħħithom ħafna. Il-ġlieda għall-valuri progressivi u liberali hija realtà u iridu nibqgħu nissieltu b’mod paċifiku lill-ideat konservattivi, u lil dawk l-ideat li flok imexxuna ‘l quddiem bħala poplu, jxekkluna mill-progress.

 

Josef Azzopardi

Josef Azzopardi

 

07 Jun, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Moviment Malti fis-Sette Giugno"