Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

‘Niġbdu Ħabel Wieħed’ 

Kitba ta’ Mark Micallef – Kandidat Elezzjoni Kunsilli Lokali Mosta 2015

Tlett snin ilu ltqajt għall-ewwel darba ma’ Dr. Joseph Muscat f’riċivement li kien sar ftit xhur qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013. Mal-ewwel qbadna nitkellmu fuq is-suġġett li jien kont qed nistudja; l-Ekonomija. Niftakar kien immotivani bil-kliem: ‘Make or Break’. Kien spjegali li l-istadju li kont fih fl-istudju huwa delikat u allura ridt nistinka biex xi darba nasal. Jekk Alla jrid din is-sena se nkun qiegħed nigradwa bl-unuri fl-Ekonomija.
Tul dawn l-aħħar tlett snin bdejt ninvolvi ruħi aktar fil-politika. Bdejt billi ngħin fil-Kampanja ‘I’m In’ li ħeġġet lil ħafna zgħażagħ joħorġu jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali. Hekk kif fil-għaxra ta’ Marzu nkitbet l-istorja ta’ waħda mill-ikbar rebħiet għal Partit Laburista, jien iddeċidejt li għandi nagħti sehmi aktar b’mod dirett sabiex nassigura li din ir-rebħa storika ma’ tkunx biss ta’ darba, imma tkompli tissaħħaħ matul iż-żmien. Għalhekk iddeċidejt li nikkontesta l-elezzjoni tal-Forum Żgħażagħ Laburisti sabiex nifforma parti mil-eżekuttiv tal-istess forum. Kienu sentejn mimlija ħidma fl-FZL, li għenet il-Partit sabiex jerġa jerbaħ il-fiduċja tan-nies fl-elezzjonijiet tal-MEPs. Hekk kif spiċċa t-terminu tiegħi mal-Forum Żagħżagħ Laburisti, kien imiss iċ-ċans li nagħti s-servizz tiegħi fir-raħal tiegħi stess; il-Mosta. Huwa għalhekk li iddeċidejt li nkun parti mit-tim ta’ kandidati Laburisti għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jsiru fil-Ħdax t’April li ġej.
Bħala żgħażugħ inħaddan ideali progressivi u innovattivi, li huma marbutin ma’ x’għamlu u x’ħolmu missirijietna. Nixtieq li fil-futur qarib il-kunsilli lokali ta’ Malta u Għawdex jaħdmu bi sħiħ għal-ġid tal-lokal tagħhom, biex b’hekk Malta tkun ferm aħjar u tkompli tikber fl-ekonomija, li mbagħad twassal għal ħajja aħjar għar-residenti tal-irħula u l-Ibliet. Jekk kull kunsillier u sindku jaħdem fuq il-problemi tar-raħal jew belt u jisfrutta l-potenzjali tal-post, u allura ma jfittix il-gwadan personali, Malta tkun ferm aktar attrajenti.
Fuq din il-premessa jien bdejt indur id-djar Mostin u bdejt nismà lin-nies. Il-Mostin jinsabu kuntenti ħafna bil-ħidma tal-Gvern, u jinħass sens ta’ ottimiżmu fil-familji li jikkuntrasta ferm man-negattivita li sfortunatament għadu jirrenja fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Dan ma jfissirx li kollox huwa perfett. Hemm diversi affarijiet li l-Kunsill lokali tal-Mosta għandu jindirizza fit-terminu li jmiss, bħal xogħol infrastrutturali u toroq, kultura, sport, ambjent u fl-aħħar u mhux l-inqas, l-aċċessibilita’.
Jekk nerġgħu mmorru lura għal tlett snin ilu, niftakru fil-wegħda li kien għamel Dr Joseph Muscat mar-residenti ta’ Triq id-Dawr, Triq l-Instrinġel u toroq oħra fil-Blata l-Għolja, li kien ilhom snin twal mitluqa. Minkejja l-fatt li l-Partit Laburista ma’ ġabx maġġoranza ta’ siġġijiet fl-elezzjoni tal-2012, il-Prim Ministru xorta waħda żamm mal-wegħda li kien għamel ma’ dawn ir-residenti u t-toroq issa huma kważi lesti! Minn dan tal-aħħar joħroġ punt importanti ferm: Gvern Laburista jaħdem ma’ Kunsilli Lokali Nazzjonalisti, u allura aħseb u ara kemm jista’ jaħdem aktar ma’ Kunsilli Lokali b’maġġoranza Laburista.
Jien dejjem emmint li fejn ikun hemm l-għaqda jkun hemm il-progress, u fejn ikun hemm it-tilwim u bsaten fir-roti, ikun hemm ir-rigress. Huwa għalhekk li jien qiegħed inwassal il-messaġ ta’ ‘Niġbdu Ħabel Wieħed’, sabiex kunsill b’maġġoranza Laburista ġewwa l-Mosta jkun jista’ jaħdem id f’id ma’ min għandu għal qalbu l-Mosta. Hija x-xewqa tal-kandidati kollha li se jikkontestaw f’isem il-Partit Laburista, sabiex għall-ewwel darba jkolna Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista, taħt l-istess Gvern Laburista. Dan jista’ jsir biss jekk Niġbdu Ħabel Wieħed u jekk npoġġu l-interess tar-residenti Mostin qabel tagħna l-kandidati.
Mark Micallef

Mark Micallef

30 Mar, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "‘Niġbdu Ħabel Wieħed’ "