Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Ottimisti

Kitba ta’ Elaine Degiorgio

Fl-aħħar ġimgħa ta’ Jannar, il-Partit Laburista organizza l-Konferenza Ġenerali Annwali fejn id-delegati u l-membri ngħaqdu flimkien biex iġeddu u jsaħħu l-prinċipji ta’ dan il-moviment. It-tema magħżula din is-sena kienet ‘#MaltaOttimista’ u, fi kliem il-Prim Ministru stess: “Jien ottimist inkurabbli… Jien ottimist għax jien Malti.”

F’sentejn ir-riżultati juru l-impenn biex Malta tkun aktar kompetittiva u dan irid jibda billi jkollna pedament sod. Fost il-ħafna inizjattivi laqatni ħafna l-proġett Education+. F’dan il-proġett ser naraw lil min iħaddem flimkien mal-imsieħba soċjali jingħaqdu biex jagħtu opportunità lill-istudenti jesponu t-talenti u l-kapaċitajiet tagħhom għal xogħlijiet differenti. Inċentivi bħal dawn jgħinu biex l-istudent iqum minn fuq il-bank tal-iskola u jduq dak li toffri d-dinja tax-xogħol. B’dan il-mod il-kreattività ta’ wliedna tkun imħeġġa u minn età żgħira jkollhom idea ċara tal-futur u tal-interessi tagħhom.

Fil-ħsieb tal-Gvern hemm kull ċittadin minn kull strata tas-soċjetà; min-nisa, grazzi għal ċentri għall-ħarsien tat-tfal b’xejn, sa studenti, koppji żgħażagħ sa anzjani u minn ħaddiema sa min iħaddem. Kompliet ukoll il-ħidma biex persuni b’diżabbiltà jkollhom l-istess opportunità ta’ xogħol u li tinstabilhom akkomodazzjoni fil-komunità biex ikollhom ħajja aktar dinjituża.

Dan, iżda, mhux biżżejjed.

Xi tfisser eżatt Malta ottimista għalina ż-żgħażagħ?

Pajjiż ottimist ma jistax iħares biss fil-passat daqslikieku r-riżultati ser jiġu waħedhom. Huwa tajjeb li nsemmu l-ġid li diġà sar iżda kull ċittadin, b’mod speċjali aħna ż-żgħażagħ, irridu nħarsu ‘l quddiem biex naraw li l-istudju u s-sagrifiċċji li qed ngħaddu minnhom illum isarrfu f’xogħol tajjeb. Il-ħidma mas-settur privat trid tkun stimulata u tkompli tikber biex b’hekk dan il-pajjiż jistagħna b’ċittadini ħabrieka. Dan huwa l-mod li bih iċ-ċirku ekonomiku jista’ jkompli jdur.

Ma nistgħux nibqgħu mwaħħla mal-istess setturi ekonomiċi, iżda l-pajjiż irid jagħraf jimrah f’direzzjonijiet diverġenti biex nagħtu futur sabiħ lil dan il-pajjiż. Tajjeb li niftakru wkoll li Malta mhux biss qiegħda fl-Ewropa imma tagħmel parti minn dinja globalizzata li kulma tmur dejjem qed tikber teknoloġikament u tingħaqad bi proġetti interdipendenti.

Gżiritna ma tistax tħares b’inferjorità lejn il-pajjiżi l-kbar iżda, bħala kompetituri, irridu noffru kundizzjonijiet u forza tax-xogħol tajba biex setturi ġodda jiftħu l-bibien tagħhom ħalli aħna ż-żgħażagħ ikollna aktar fejn nimirhu u niskopru t-talenti tagħna matul ħidmietna.

Matul l-aħħar sena rajna l-ikbar proġett, grazzi għall-ħidma tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija fejn l-Enemalta qamet fuq saqajha biex tkun tista’ tibda tiġġenera elettriku bi profitt. Dan jawgura tajjeb għal-futur u huwa minħabba attitudni bħal din li statistiċi Ewropej bħal Standards & Poor qed ibassru temp ekonomiku tajjeb għal pajjiżna. Madankollu, dan ma jistax isir jekk ma jkollniex pajjiż magħqud. Irridu naħsbu globalment, imma nibdew naġixxu individwalment.

Kull sfida hija importanti, iżda li ġġib bidla fil-ħsieb u fil-pajjiż hija waħda mill-iktar diffikultuzi. Huwa naturali li l-bniedem jibża’ mill-bidla, iżda aħna ż-żgħażagħ irridu nkunu dawk li nċaqalqu s-sisien riġidi li ħakmu l-pajjiżna matul l-aħħar snin. Hemm bżonn li nżommu saqajna mal-art u nifhmu li l-ebda gvern mhu perfett u żbalji saru u ser jibqgħu jsiru, iżda filwaqt li b’umiltà l-Gvern irid ibaxxi rasu, b’rasu mgħollija għandu jibqa’ jaħdem għall-ġid komuni. Bħala progressivi ma nistgħux nibżgħu mir-riformi. Irridu nkunu dixxiplinati fil-ħsieb imma flessibli fl-attitudni ħalli jkollna futur pożittiv kif ukoll ottimist.

 

19 Feb, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Ottimisti"