Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Pariġi Reżiljenti

Kitba ta’ Rachel Powell – Ko-Ordinatriċi Fergħa tas-7 Distrett tal-FŻL

Reżiljenza. Il-ħila ta’ persuna biex tadatta’ kif suppost għat-trawmi u diffikultajiet, tesperjenza rabja u  niket imma li jkollha s-saħħa li terġa tibda’ mill-ġdid. Li madanakollu tibqa sensibbli għal pozittivita’ li l-ħajja toffri, mingħajr ma titlef l-umanità’. Umanità li meta wieħed jara l-avvenimenti fid-dinja fl-aħħar ġimgħatejn, fejn tħares fejn tħares tara biss mewt u terrur, tidher illużjoni. Pero’ l-umanità tirreżisti u tirreżilja anke’ fit-toroq ta’ Pariġi u l-vjolenza li raw. Huma dawn il-kliem ta’ Luciana Littizetto li baqgħu jidwu f’moħħi.

Pariġi, il-belt tad-dawl li f’temp ta’ ftit siegħat spiċċat fid-dlam. Il-patruni tad-drittijiet u libertajiet tal-bniedem, libertà, l-fraternità u ugwaljanza, li f’ħakka t’għajn sfaw mgħedda. Attakk fuq Pariġi, fuq dawn il-libertajiet, fuq dawn l-idejali li m’humiex biss tal-poplu Franċiż iżda li spiraw u taw hajja lil diversi pajjiżi, huwa attakk fuq il-qalb tal-Unjoni Ewropea u l-valuri li fuqhom hija mibnija.

Hija t-tama u r-reżiljenza li tieħu post il-biża u l-inċertezza f’għajnejn il-poplu Franċiz hekk kif b’vuċi waħda, f’unjoni ikantaw il-Marseilles. L-istess unjoni li tara fil-filmati ta’ dawk ħerġin mill-istadju jkantaw l-innu nazzjonali. Poplu li dawn l-attroċitajiet esperjenzahom għal darba, tnejn. Poplu li fid-dawl ta’ dawn l-avvenimenti ma jitlef qatt it-tama, li bħal jitwieled mill-ġdid mill-ġamar tiegħu, b’unjoni  u determinazzjoni iktar minn qatt qabel.

Kif qal tajjeb Aldo Cazzullo, fuq il-Corriere della Sera, din il-forza tidher f’dak kollu li hu Pariġi: Il-mużiċisti fit-toroq li quddiem il-Bataclan bdew idoqqu “We shall overcome”. In-nies li ħargu minn djarhom biex jgħelbu l-biża bil-prezenza tagħhom. Il-ħaddiema li fil-ġurnata tal-mistrieħ tagħhom kienu qed inadfu d-demm minn fuq il-bankini. L-anzjani li f’dak il-lejl fetħu l-bibien tagħhom għal nies li ma kinux jafu, li setgħu kienu n-neputijiet tagħhom. Iż-żgħażagħ fil-kju biex jgħatu d-demm. Il-pulizija li fil-ħamsa ta’ wara nofsinhar waqfu ġlieda bejn nies ta’ karnaġon skura u Alġerini f’ Rue de Rivoli u qalulhom: “Imma intom ma tafux li qed jigru affarijiet iktar importanti mill-ġlieda tagħkom?” Dawk li fi Place de la République tellgħu banner iswed bil-motto ta’ Pariġi: Fluctuat nec mergitur, il-dgħajsa titbandal mal-mewġ iżda ma tgħeriqx. Dawk li kitbu fuq il-ħajt tal-Marais “fl-aħħar mill-aħħar mhux se tirbħu inthom”. L-immigrant Kambodjan li quddiem il-Louvre idoqq “La vie en rose”.

Dak li gara f’ Pariġi, dak li ġara f’ Saint Denis ftit tal-jiem wara, m’humiex każijiet iżolati. F’Beirut,  f’żona urbana, ġurnata qabel l-attakk f’Pariġi, mietu 43 persuna u 200 spiċċaw midruba. Madanakollu bħal donna dan poġġejnih f’ġenb, forsi għaliex huwa iktar ‘il bogħod minn xtutna. Jew inkella għas-sempliċi raġuni li l-attakk f’Beirut, kien differenti minn dak f’Pariġi, għal fatt li dak  ta’ Pariġi kien donnu maltempata fil-bnazzi, waqt li f’Beirut l-attakk kien il-qofol tal-biza, li qatt ma telqet kompletament, ta’ din il-vjolenza.

Kif sostna l-Prim Ministru Dr Joseph Muscat l-attakk fuq Pariġi huwa konferma tal-bżonn li r-reviżjoni tal-ftehim ta’ Schengen jiġi aċċelerat, anke sabiex il-libertajiet li ksibna ikunu salvagwardjati.

Aħna għandna niftakru fis-sagrifiċju u l-memorja ta’ dawn il-ħajjiet, li ħallew familji, qraba, ħbieb warajhom. Dawn in-nies mietu f’isem il-libertà. Ikun insult jekk ma nagħmlux dan. In-niket li nħossu  jfakkarna li għalkemm aħna minn pajjiżi differenti, nitkellmu lingwi differenti, f’mumenti bħal dawn ningħaqdu flimkien b’qalb waħda, sabiex b’hekk, dawn in-nies li tilfu ħajjithom ma jkunux mietu għalxejn. Kif qal il-President Obama dan l-attakk m’huwiex biss attakk fuq Pariġi iżda huwa attakk fuq l-umanità u l-valuri li ahna lkoll inħaddnu. Huwa għalhekk li għandna nibqghu reżiljenti. Għaliex m’huwiex importanti x’lingwa nitkellmu, x’ nazzjonalità aħna meta qed nitkellmu fuq l-umanità. Reżiljenza tfisser propju dan.

Rachel Powell

Rachel Powell

 

22 Nov, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Pariġi Reżiljenti"