Now loading.
Please wait.

menu

Blog Article

Partit taż-Żgħażagħ

Kitba ta’ Josef Azzopardi – Deputat Segretarju tal-FZL u Kandidat fuq il-Marsa

Iż-żagħżugħ iħares lejn il-ħajja b’ottimiżmu kbir. Iħares lejn il-ħajja b’tama li jbiddel madwaru. Għaż-żagħżugħ il-ħajja hija ħolma sabiħa. Il-Politika għaż-żagħżugħ hija ħaġa qaddisa u nadifa. Hija l-mezz li biha ż-żagħżugħ jista’ jservi l-lokal tiegħu u lil pajjiżu.

 

Iż-żgħażagħ f’awtoritajiet qed jagħmlu differenza kbira. Għandna numru sabiħ ta’ żgħażagħ li huma sindki li qed jagħmlu ġid kbir fil-lokalitajiet tagħhom. Fix-xena nazzjonali inħossni kburi bi sħabna membri Parlamentari li minkejja li għadhom żgħar fl-età żgur li qed jagħmlu differenza kbira fil-Gvern bil-ħidma u l-ideat tagħhom.

 

L-amministrazzjoni tal-Partit Laburista wkoll hija mimlija b’żgħażagħ ħabrieka li qed jagħmlu d-differenza. Tim żagħżugħ li qed jirnexxi.

 

Fiduċja assoluta fiż-żgħażagħ għax il-Prim Ministru tagħna stess għadu żgħir fl-età. Il-Partit Laburista sar moviment kbir taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat u dan juri biċ-ċar li l-kandidati żgħażagħ għandhom jingħataw fiduċja f’kull elezzjoni.

 

Dr Joseph Muscat qatt ma ried li ż-żgħażagħ joqogħdu hemm biex iżejnu l-palk u jaqbżu fil-meetings; liż-żgħażagħ iridhom protagonisti. Irid li jieħdu sehem dirett fix-xena politika, u jkunu l-bidla li għandhom bżonn l-lokalitajiet tagħna u l-pajjiż tagħna.

 

Żgħażagħ, ingħaqdu magħna għax aħna partit taż-żgħażagħ. Il-Gvern Laburista immexxi minn Dr Joseph Muscat se jibqa’ mfakkar fl-istorja bħala l-partit li ta fiduċja liż-żgħażagħ u għall-ewwel darba fl-istorja ta l-vot lil żgħażagħ ta’ sittax-il sena. Wera biċ-ċar kemm għal Joseph Muscat, iż-żgħażagħ huma fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. Jixtieqna nkunu hemm bħala protagonisti biex nagħmlu d-differenza.

 

Storikament l-elezzjonijiet ta’ April li ġej se jkun hemm eleġibbli madwar ħamest elef vot ta’ żgħażagħ ta’ bejn sittax u sbatax-il sena. Nittama li dan il-pass se jwassal biex aktar kandidati żgħażagħ ikunu eletti. Għad irid jasal dak iż-żmien ukoll li anki fl-elezzjonijiet ġenerali jibdew jivvotaw żgħażagħ ta’ sittax-il sena.

 

Il-moviment tagħna jista’ biss jissaħħaħ meta aħna nagħtu l-fiduċja tagħna lill-kandidati żgħażagħ. Il-ġdid iġedded u jagħti l-ħajja. L-ottimiżmu f’kandidati żgħażagħ żgur li huwa xi ħaġa li tinħass. L-enerġija żagħżugħa twassal biex dawn il-kandidati jxerrdu l-messaġġ tal-moviment tagħna b’kull mezz u mod possibli u b’hekk il-Partit Laburista jkompli jiddistingwi ruħu bħala l-partit taż-żgħażagħ.

 

Kburin li 32 fil-mija tal-kandidati Laburisti huma taħt il-35 sena. Fenominu sabiħ f’pajjiżna. Nitkellmu ma’ sħabna politiċi barranin u jgħiru b’mod pożittiv għalina u jistaqsuna kif insibu numru daqshekk kbir ta’ żgħażagħ li jagħmlu xi ħaġa biex pajjiżhom ikun aħjar.

 

Il-motivazzjoni taż-żgħażagħ Maltin ġejja dirett mill-Prim Ministru. Il-Prim Ministru jieħu gost bil-ħidma taż-żgħażagħ u japprezzaha. Meta jien f’isem l-eżekuttiv tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ressaqt ‘policy’ dwar l-Edukazzjoni u wieħed mill-punti kien l-introduzzjoni tal-Ethics f’pajjiżna, il-Prim Ministru kien kuntent ħafna u apprezza x-xogħol li għamilt flimkien ma’ sħabi fl-eżekuttiv.

 

Il-Forum Żgħażagħ Laburisti qed ikompli jkabbar l-operat tiegħu billi introduċa l-kumitati distrettwali. Ix-xogħol issa mhux se jibqa’ kollox ċentrali iżda se jinżel aktar qrib iż-żgħażagħ fil-lokalitajiet u d-distretti. Dawn il-kumitati se jkunu huma stess li jressqu lil żgħażagħ oħra biex jagħtu sehemhom fil-ħajja politika.

 

L-eżekuttiv tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ħadem ħafna biex ikollna madwar sittin kandidat żagħżugħ. Lil dawn iż-żgħażagħ qed nagħtuhom kull għajnuna possibli biex jagħmlu suċċess fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, u jekk eletti biex jaħdmu b’impenn b’servizz ta’ l-ogħla livell fil-lokalitijatiet.

 

Issa hija r-responsabbiltà tal-elettorat li jagħżel dawn il-kandidati. Jekk tridu li l-Partit Laburista jibqa’ jkollu politiċi ta’ stoffa, allura agħtu l-fiduċja tagħkom lill-kandidati żgħażagħ. Jekk tridu li fil-lokalità tagħkom ikun hemm ideat ġodda u aktar ħeġġa, allura s-soluzzjoni hi vot lill-kandidati żgħażagħ. Meta qed tivvota liż-żgħażagħ tkun qed tinvesti f’futur aħjar għal-lokalità tiegħek.

Josef Azzopardi

Josef Azzopardi

23 Mar, 15

 

 

latest comments

There are 0 comment. on "Partit taż-Żgħażagħ"